Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Pussess ta’ Mons. Joseph Curmi

Print Friendly, PDF & Email

Omelija fil-Pussess ta’ Mons. Joseph Curmi
bħala Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ
Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria
Il-Ħadd 11 ta’ Diċembru 2016, it-Tielet Ħadd tal-Avvent
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

KRISTU JOĦROĠNA MILL-ĦABS

Meta mill-ħabs Ġwanni l-Għammiedi sema’ bl-għemejjel ta’ Ġesù, huwa bagħat jistaqsih: “Inti huwa dak li għandu jiġi jew nistennew lil ħaddieħor?” (Mt 11:3). Għażiż ħija fis-saċerdozju, nistħajjel li meta dalgħodu din il-komunità parrokkjali, li laqgħetek bi mħabba kbira, qed tagħmillek din il-laqgħa sabiħa, hawn min bħall-Battista qiegħed “fil-ħabs” u allura qed jistaqsi: Dan l-Arċipriet huwa dak li għandu jiġi biex jagħtina ftit tat-tama u jgħinna noħorġu minn dan l-għeluq, jew nistennew lil ħaddieħor? Din hija l-mistoqsija li nixtieqek tirrifletti dwarha fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

Fil-ħajja hemm diversi esperjenzi fejn aħna nħossuna wara l-iżbarra. Normalment fil-ħabs jintbagħtu dawk li għandhom imġiba antisoċjali – dawk li l-ħajja tagħhom ma tkunx skont il-kanoni tas-soċjetà. U nirringrazzjaw lil Alla li għadhom ma bagħtux lil xi ħadd minna, għax mhux bilfors li aħna li qegħdin barra, aħna aħjar minn dawk li hemm ġewwa; kulħadd għandu xi farka ta’ atteġġjament antisoċjali. Ħafna drabi aħna nieħdu gost jekk dawk li jiżbaljaw jingħataw sentenzi ibsin biex narawhom ipattu; u jekk dawn ma jeħlux sentenza ta’ priġunerija, nitfgħuhom fil-ħabs aħna stess għax neskludhom miċ-ċrieki tagħna bil-konsegwenza li l-munzell tal-persuni skartati jkompli jogħla. Miskin hu min jiċċappas b’xi mġiba mhix korretta u jaħbat dufrejh mal-liġi, għax mhux lakemm ikun fdat aktar. Ħafna drabi dawn il-persuni mhux biss jitwarrbu mis-soċjetà imma wkoll mill-komunità ekkleżjali!

Imbagħad hemm dawk li qed iqattgħu ħajjithom fil-ħabs tas-solitudni. Dan l-aħħar, aġenzija li toffri sapport soċjali ppubblikat statistika li turi li hawn numru għoli ta’ persuni li qed jgħixu waħidhom – mhux għaliex qed jgħixu fiżikament waħidhom, imma għax iħossuhom minsijin mill-bqija. Il-lista ta’ dawk li huma f’din il-kategorija hija twila: hemm l-anzjani, il-morda – kemm dawk li jinsabu rikoverati fl-istituzzjonijiet u kemm f’darhom –, dawk li huma “marbutin” fi djarhom minħabba l-kundizzjoni tagħhom, dawk li minħabba l-kundizzjoni psiko-fiżika tagħhom ma jistgħux jgħixu ħajja indipendenti, u tant oħrajn. Dawn huma parti mis-soċjetà u mill-komunità Nisranija li qegħdin jittamaw li jsibu ftit tal-wens!

Hemm imbagħad dawk li jħossuhom ikkalzrati fil-ħabs tad-dubji. F’ċertu sens, jien nammira lil Ġwanni l-Għammiedi għax ma beżax jesterna l-perplessità u l-inċertezzi tiegħu dwar min hu Ġesù Kristu. Jien konvint li madwarna hawn min huwa mikul mid-dubji, imma m’għandux il-kuraġġ jesprimihom, anki jekk ċerti dubji huma serji ħafna għax iqajmu mistoqsijiet fundamentali li jaffettwaw il-ħajja tal-bniedem. Il-gwaj ikun ferm aktar jekk inkunu aħna stess li bl-imġiba tagħna fil-komunità noħolqu din il-konfużjoni fl-imħuħ f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla, il-Vanġelu u l-Knisja.

Hemm oħrajn li jinsabu fil-ħabs tal-kundizzjoni tagħhom minħabba li f’ħajjithom ikunu għamlu għażliet li huma irreversibbli. Fil-ħajja hemm għażliet li wieħed jista’ dejjem jerġa’ lura minnhom; imma mbagħad hemm għażliet li ladarba wieħed jagħmilhom, ma jkunx jista’ jerġa’ lura minnhom u jkollu jgħix bihom, anki jekk wieħed qatt ma kien messu kkunsidra li jagħmilhom.

Dawn huma ftit mill-kategoriji ta’ persuni li llum qed jagħmlu l-esperjenza tal-ħabs. Niżgurak li hawn minnhom madwarek dalgħodu – konxjament qed ngħid “madwarek” u mhux fil-ġemgħa. Dawn il-persuni huma ħerqana biex mingħandek jisimgħu kelma li tista’ toħroġhom mill-ħabs.

Jien nistħajjel li l-Battista feraħ meta d-dixxipli tiegħu reġgħu lura fil-ħabs u rrakkontawlu dak li kien qalilhom Ġesù. Nimmaġina li minkejja li kien fiżikament fil-ħabs, meta sema’ t-tweġiba li bagħatlu Ġesù, Ġwanni ħa r-ruħ u ħassu ħieles. Fil-fatt Ġesù qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu” (Mt 11:4-5).

Ġesù hu dak li jagħti d-dawl lill-għomja – mhux tant biex japprezzaw dak li huwa materjali, imma biex jiftħilhom għajnejhom biex jaraw lil Alla u lilhom infushom bħala wlied maħbuba minn Alla. Imbagħad ladarba jibdew jaraw lil Alla, ikunu jistgħu jimxu l-pellegrinaġġ tal-fidi wara Ġesù. Min hu bla dawl ma jafx imidd riġlejh għax ma jkollux direzzjoni u jibqa’ mwaħħal. Nibża’ li l-Knisja tagħna f’ċerti ambjenti staġnat spiritwalment – għandha riġlejha mwaħħla. Meta nieqaf naħseb dwar kif xi wħud iħarsu lejn il-Knisja, nissuspetta li għandhom qoxra fuq għajnejhom għax għadhom ma humiex jaraw il-Knisja kif waslitilna mill-Konċilju Vatikan II. Ebda dnub ma għandu jaqtgħalna qalbna fil-mixja tagħna. Kif għamel mal-lebbrużi, Ġesù jaħfrilna d-dnub biex jerġa’ jarana integrati fil-komunità. Jekk il-bniedem isodd widnejh għax ma jiflaħx jisma’ aktar kliem vojt u qarrieqi, quddiem Ġesù, il-Kelma ta’ Alla li saret laħam, il-bniedem jerġa’ jiftaħ widnejh għax kliemu jinżillu għasel u jserrħu. Fuq kollox, min verament jagħmel esperjenza ta’ Ġesù ma jkollu ebda dell tal-mewt fuqu.

Fil-bidu tal-ministeru tiegħek bħala ragħaj spiritwali ta’ din il-parroċċa, dan hu li nixtieq minnek: li dawn ħutna li qegħdin jagħmlu esperjenza ta’ ħabs jisimgħu minnek dak li Ġesù qal lill-Battista: kelma ta’ faraġ u tama li tgħinhom joħorġu mill-għeluq tagħhom. Kemm hija qawwija l-kelma ta’ Ġesù: “Il-Vanġelu jixxandar lill-foqra” (Mt 11:5)! Ma nixtiqekx tagħmel mill-parroċċa li qed nafdalek “komunità elitista”. Hemm diversi kategoriji ta’ elite. Anki l-Insara li jaħsbu li huma qaddisin jistgħu jkunu fost l-elite. Min jaħseb li huwa superjuri għall-oħrajn ma jħaddimx il-loġika tal-integrazzjoni imma l-loġika separatista. L-elite mhux ser jiftakar f’dawk li huma fil-ħabs – ma jinteressahx ġenwinament mill-foqra. Għalhekk importanti li nżommu quddiem għajnejna li l-Vanġelu jixxandar lill-foqra. Il-faqar mhux biss kategorija ekonomika jew soċjoloġika, imma huwa wkoll kategorija teoloġika. Il-foqra huma l-laħam ta’ Kristu. Għalhekk nafdalek il-foqra, kemm dawk foqra materjalment u kemm dawk foqra spiritwalment.

Bħalma llum qegħdin niċċelebraw Ħadd il-Ferħ, bl-interċessjoni tal-Patrun tagħna San Ġorġ, il-kavallier ta’ Kristu li ħeles lil ħafna mill-ħabs tal-paganiżmu, inti tkun għal din il-komunità dak is-saċerdot li bil-kelma u l-azzjoni pastorali tiegħek tgħinha ġġarraf kull għamla ta’ ħabs u tikseb il-libertà u l-ferħ li jaf jagħti Kristu.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading