Omelija tal-Isqof Mario Grech fis-Solennità tat-Tnissil bla Tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija


Omelija fis-Solennità tat-Tnissil bla Tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija
Knisja tal-Franġiskani Konventwali, il-Belt Victoria
L-Erbgħa 7 ta’ Diċembru 2016, Vġili tas-Solennità
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IL-KUNĊIZZJONI ITTRA FL-ALFABETT TAL-IMĦABBA TA’ ALLA

Mhux lakemm meta bniedem ikun iħobb lil xi ħadd, ikun kapaċi jostor, irażżan jew jifga mħabbtu. L-imħabba hija enerġija li timbuttana biex noħorġu minna nfusna u nikkomunikaw mal-persuna li nħobbu. Ġieli l-omm tant tkun tħobb lit-tarbija, li tant tagħfasha magħha waqt li tħaddanha, li tweġġagħha. Meta mara tisraq il-qalb ta’ raġel jew bil-kontra, ikun kollu ta’ xejn li wieħed jipprova jagħmel tabirruħu li ma jkun qed jiġri xejn fih, għax ħarstu, kliemu u mġibtu jikxfuh. L-ikbar tbatija li nistgħu nġarrbu hija meta nitilfu persuna li nkunu nħobbu. Għalhekk il-mewt hija kiefra, għax tkun trid tħobb lil xi ħadd imma dak ix-xi ħadd ma jkunx miegħek. Dan l-aħħar rajt xena ta’ mara miżżewġa tħaddan lil żewġha li kien għadu kif radd ruħu – xena ta’ qsim il-qalb nara lill-imħabba tibki lill-maħbub tagħha!

Issa jekk aħna, bnedmin dgħajfa u għandna xkora difetti, ma aħniex kapaċi nibqgħu lura milli nikkomunikaw l-imħabba tagħna, mela xi ngħidu għal Alla li fi kliem San Ġwann “huwa mħabba”! F’Alla, l-imħabba tiegħu ssuqu biex jikkomunika lilu nnifsu; fih l-imħabba hija splużjoni. Jekk il-ħolqien huwa manifestazzjoni ta’ din l-imħabba ta’ Alla, il-bniedem, li huwa l-qofol tal-ħolqien, huwa “l-prodott” ta’ din l-imħabba. Sinċerament nixtieq li llum il-ġurnata, meta f’qalbna dejjem ifaqqsu d-dubji, aħna nagħmlu esperjenza ta’ Alla li jħobbna; tant iħobbna li bħalma t-tarbija tweġġa’ għax ommha tagħfasha daqskemm tħobbha, hekk nixtieq li nħossu lil Alla “jifgana” daqskemm jagħfasna miegħu għax iħobbna bi mħabba tal-ġenn.

Imma l-bniedem huwa mżejjen bil-libertà u jista’ jagħti dahru lil min iħobbu. Kemm tweġġa’ meta persuna tixtieq tħobbha u hi ma tagħrafx l-imħabba tiegħek. Kemm hawn ġenituri li jixxennqu għal xi ħadd minn uliedhom, u dan jinkihom billi jċaħħadhom minn imħabbtu. Hemm aħwa li jfieru lil xulxin mhux bis-sikkina imma għax jirrifjutaw l-imħabba ta’ xi ħadd minn ħuthom li jħobbhom b’mod spontanju. Mela Alla kemm tuġgħu qalbu meta aħna l-bnedmin nagħmlu ta’ rasna u nirreżistu l-imħabba tiegħu – nirreżistu li nkunu magħquda miegħu. Għax l-imħabba ta’ Alla hi mħabba Trinitarja, għax ġejja minn ħdan it-Trinità Qaddisa, fejn ir-relazzjoni bejn il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu hija biss imħabba li toħloq il-komunjoni. Imma xi drabi aħna l-bnedmin nitfgħu taħt riġlejna din l-imħabba.

Meta aħna nippruvaw inħobbu lil xi ħadd u dan ix-xi ħadd isabbtilna l-bieb f’wiċċna, ta’ bnedmin li aħna nibagħtuh jixxejjer. Imma Alla mhux hekk. Meta ma niftħulux, Alla jibqa’ wieqaf jistenna wara l-bieb jixxennaq għalina biex mill-ġdid jerġa’ jagħmlilna l-proposta ħalli aħna nkunu bħal Alla – Hu jridna naqsmu miegħu l-ħajja tiegħu. Ikrah kemm hu ikrah, id-dnub tagħna mhux kapaċi jibdel il-qalb ta’ Alla; anzi, meta jarana fil-miżerja tagħna, ix-xewqa tiegħu biex jidħol f’komunjoni magħna titqanqal aktar u mħabbtu tixgħel b’aktar ħeġġa għalina. F’ċertu sens, id-dnubiet tagħna jsiru qishom ħatab li jqabbad il-forn tal-imħabba ta’ Alla.

Alla tagħna għandu s-sorpriżi tiegħu. Imħabbtu lejna twasslu biex jagħmel ħwejjeġ li bil-moħħ ċkejken tagħna ma nistgħux nobsruhom. Fil-fatt, mill-istorja tas-salvazzjoni nafu li meta l-bniedem webbes rasu u ta wiċċ lil ħaddieħor, Alla joħroġ bi pjan ġdid. Il-Missier u l-Ispirtu s-Santu jibgħatu lill-Iben fid-dinja. Misjuq mill-imħabba lejn il-bniedem, Alla jipproponi l-pjan tal-Inkarnazzjoni u tal-Fidwa. L-Iben ta’ Alla jsir bniedem biex bil-passjoni u l-mewt tiegħu jifdina. Għandna bżonn ta’ prova ikbar ta’ kemm Alla jħobbna? Alla tant ħabb lid-dinja li taha lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx u jkun jista’ jgħix fl-għamara tal-imħabba ta’ Alla.

Hawnhekk tidħol l-Immakulata fil-proġett ta’ Alla. Biex l-Iben ta’ Alla sar bniedem, it-Trinità għażlet lil Marija minn Nazareth, raħal fil-periferija u minsi minn kulħadd. Biex il-ġuf ta’ din il-mara jkun verament spazju riservat għal Alla, Alla ried li sa mill-mument tat-tnissil tagħha f’Marija ma jkun hemm ebda dell ta’ dnub – għalhekk l-Immakulata Kunċizzjoni. Għalhekk għalija “Kunċetta” hija ittra oħra fl-alfabett tal-imħabba ta’ Alla. B’Marija maġenb Kristu, il-Missier ried jurih x’kien ser jikseb bil-passjoni u l-mewt tiegħu. Għax l-Immakulata mhix biss l-omm li nisslitu, wilditu, fisqietu u kabbritu; imma hija sieħba tiegħu biex fiha Ġesù seta’ jikkontempla x’kien ser ikun l-akkwist tal-fidwa li kien sejjer iwettaq. Għax jekk Marija kienet sa mit-tnissil tagħha meħlusa mill-ħakma tad-dnub, dan kien bil-merti ta’ Kristu. F’Marija għandna antiċipazzjoni tal-bniedem riskattat bil-qawwa fejjieda ta’ Kristu. Jekk Marija kienet mimlija bil-grazzja, il-bniedem bil-qawwa tal-grazzja miksuba minn Kristu jista’ jegħleb id-dnub. Id-dnub tagħna huwa l-inkapaċità tagħna li nħobbu b’mod ġenwin; issa, bil-grazzja ta’ Kristu, aħna kapaċi ninfetħu għall-imħabba divina u nirreċiprokawha bl-istess mod kif ħabbitu Marija.

L-att tal-imħabba li bih Marija rreċiprokat l-imħabba li biha ħabbha Alla kien jikkonsisti f’dik it-tweġiba li Marija tagħti lill-anġlu: “Hawn jien, ħa jkun minni skont kelmtek”. Dak huwa eku tal-istess tweġiba li tat it-tarbija li tnisslet fil-ġuf tagħha fl-istess mument tat-tħabbira tal-anġlu. Fil-fatt, fl-Ittra lil-Lhud naqraw li meta Kristu daħal fid-dinja (referenza għall-Inkarnazzjoni) huwa qal: “Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek, o Alla” (10:6). Għalhekk dak l-att divin ta’ mħabba li Kristu jagħmel lill-Missier huwa l-att ta’ mħabba uman, imsaħħaħ bil-grazzja ta’ Kristu Feddej, li joħroġ minn fomm Marija. Il-ħajja kollha tal-Immakulata, peress li kienet tħoss l-għafsa ta’ mħabba tal-Missier, kienet twettiq tar-rieda ta’ Alla, partikularment fuq il-Kalvarju. Bħalma l-Missier ta lil Ibnu biex kull min jemmen fih isalva; bħalma t-Trinità tat lil Marija biex tkun tista’ tnissel lil Kristu u hekk jidħol fl-istorja tal-umanità; fuq il-Kalvarju, Kristu, misjuq mill-imħabba, jagħti lil Ommu lilna l-bnedmin preżenti fil-persuna ta’ Ġwanni. Hawnhekk għandna l-Knisja Ommna li l-missjoni tagħha hija waħda: li ngħinu lil xulxin biex nilqgħu d-don tal-imħabba ta’ Alla u lkoll nipprovaw nirreċiprokaw din l-imħabba billi nwettqu r-rieda tal-Missier.

Dawn huma l-ftit riflessjonijiet li nixtieq naqsam magħkom f’din is-Solennità tal-Kunċizzjoni. Għax x’tiswa r-retorika jew il-poeżija jekk il-Kelma ta’ Alla ma tgħinniex niggustaw it-tjubija ta’ Alla! Nixtieq li meta nserrħu l-ħarsa tagħna fuq l-Immakulata Kunċizzjoni aħna nħossu lil Alla jħaddanna miegħu, għax tant iħobbna li ma jridx jitlaqna minn idejh, anki jekk nistgħu niżgiċċawlu. Il-Madonna tieqaf magħna.