Talb għall-Paċi fis-Sirja. Ittra lill-Poplu ta’ Alla mill-Isqof Mario Grech


Ittra lill-Poplu ta’ Alla
tal-E.T. Mons. Mario Grech Isqof ta’ Għawdex

TALB GĦALL-PAĊI FIS-SIRJA

Waqt li f’dawn il-jiem f’widnejna jasal id-daqq u l-kant ħelu tal-Milied, għajnejna jinħatfu mid-dawl ipetpet li jżejjen it-toroq u mnifsejna jimtlew bir-riħa ta’ ikel bnin, in-nies ta’ Aleppo fis-Sirja għandhom widnejhom imtarrxa bl-isparar tal-artillerija, għajnejhom jingħalqu mat-tlaħliħ tal-balal li neżlin fuqhom u mnifsejhom fgati bir- riħa tal-mewt! L-aħbarijiet u x-xeni li qed jaslu dwar il-gwerra fis-Sirja huma tal- waħx; imma twaħħax wisq aktar id-dgħufija tal-istrutturi internazzjonali li suppost qegħdin hemm biex jiggarantixxu l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-paċi – imma fir-rigward tas-Sirja bħal donnhom tilfu s-snien.

Ftit tal-jiem ilu l-Papa Franġisku għamel ħaġa mhix tas-soltu: huwa kiteb ittra personali lill-President tas-Sirja Bashar al-Assad jitolbu bil-ħniena biex ikun hemm waqfien mill-ġlied, li qed ikun kawża ta’ ħafna tbatija u qerda ta’ ħajjiet innoċenti. Filwaqt li jikkundanna kull forma ta’ estremiżmu u terroriżmu, il-Papa jappella biex in-nies ċivili jkunu protetti u li taslilhom l-għajnuna umanitarja, għax dawn qegħdin ibatu l-ġuħ.

X’kuntrast qawwi mar-realtà tagħna, fejn mhux biss għandna l-paċi imma hawn min hu maħkum mis-seħer tal-kummerċ u għalhekk jista’ jippermetti li jaħli u jarmi!

Għalhekk, filwaqt li nawgura li lkoll napprezzaw l-atmosfera ta’ festa u s-serenità li għandna f’pajjiżna, nistieden lill-Poplu ta’ Alla biex ikun solidali ma’ dawn ħutna s- Sirjani billi noffru talb għall-paċi fis-Sirja. Għalhekk inħeġġeġ lill-komunitajiet Insara biex mil-lum sal-ewwel ta’ Jannar, meta l-Knisja tiċċelebra Jum il-Paċi, fil- knejjes ikun hemm talb speċjali għall-waqfien mill-ġlied fis-Sirja. Kif jikteb il-Papa Franġisku fil-Messaġġ għal Jum il-Paċi li ġej, il-vjolenza tintrebaħ billi ma nkunux vjolenti – “Ħa jkunu l-karità u n-non-vjolenza li jmexxu l-mod kif nittrattaw lil xulxin fir-relazzjonijiet interpersonali, f’dawk soċjali u f’dawk internazzjonali”.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, ir-Rabat, Għawdex, illum il-Ġimgħa 16 ta’ Diċembru 2016.

Mario Grech Isqof ta’ Għawdex

Ittra biex tinqara fil-quddies ta’ tmiem il-ġimgħa. It-talba meħmuża biex tingħad kuljum mal-Talbiet tal-Fidili.

Talba għall-Paċi fis-Sirja

Mulej tal-Ħniena, isma’ l-karba tal-Poplu Sirjan, agħti kenn lil min hu vittma tal-vjolenza;
farraġ lil dawk li jibku l-mejtin tagħhom;
saħħaħ ir-rieda tal-pajjiżi ġirien biex jilqgħu r-refuġjati; ibdel il-qalb ta’ min juża l-armi qerrieda;
u ħares lil min qed jaħdem għall-paċi.
Alla tat-tama, nebbaħ il-gvernijiet
biex jagħżlu l-paċi minflok il-vjolenza,
biex ifittxu toroq ta’ maħfra lill-għedewwa;
ħeġġeġ fil-Knisja kollha kompassjoni għall-Poplu Sirjan u mlina bit-tama ta’ futur ta’ sliem
mibni fuq il-ġustizzja għall-bnedmin kollha. Aħna nitolbu dan bi Kristu Sidna,
Prinċep tas-Sliem u Dawl tad-dinja. Ammen.