Messaġġ tal-Isqof Mario Grech fi tmiem Forum għall-Health Caregivers

Print Friendly, PDF & Email

Messaġġ fi tmiem Forum għall-Health Caregivers
dwar “L-etika u l-ispiritwalità fuq il-post tax-xogħol”
organizzat mill-Pastoral Care Commission for Health Caregivers
Sptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-Belt Victoria
Il-Ħamis 22 ta’ Settembru 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

L-ETIKA TAL-IMĦABBA

Il-missjoni tagħkom bħala carers u infermiera tagħmilkom qaddejja tal-bniedem f’qagħdiet partikulari ħafna, bħal fil-każ tal-morda u tal-anzjani. Aktar ma s-sitwazzjoni tkun delikata, aktar titlob intervent responsabbli. F’kull xorta ta’ mġiba neħtieġu “gwida” biex l-għemejjel tagħna jkunu kemm jista’ jkun korretti; imma dawn il-linji gwida għandna bżonnhom aktar f’dawk iċ-ċirkustanzi meta nkunu qegħdin nittrattaw mal-bniedem vulnerabbli minħabba l-mard jew l-età tiegħu. Għalhekk napprezza li għal dan is-seminar għażiltu t-tema tal-etika u l-ispiritwalità fuq il-post tax-xogħol tagħkom. X’relazzjoni hemm bejn l-etika u l-ispiritwalità? Nistgħu nifirdu l-etika mill-ispiritwalità?

Huwa fatt li llum hawn min jitkellem favur “etika naturali” jew “etika lajka” fis-sens li l-prinċipji etiċi ma jkollhom ebda referenza għal Alla. Etika lajka hija etika kompletament miftuma minn dak li huwa reliġjuż. Imma Tristram Engelhardt, li huwa espert ta’ fama dinjija fil-bijoetika u direttur tar-rivista Journal of medicine and philosophy, huwa konvint li ma jistax ikun hemm etika li ma għandha ebda fundament assolut (Alla). Fil-fatt, etika li tbarri lil Alla ħafna drabi ssir damma ta’ regoli spiss imnebbħa miċ-ċirkustanzi u l-kultura tal-mument li llum tafferma mod u għada, meta jinbidlu ċ-ċirkustanzi, tasserixxi mod ieħor.

Ħafna drabi l-etika naturali/lajka sserraħ fuq il-kuxjenza tal-individwu mdawla mir-raġuni. Ir-raġuni hija għodda tajba li ma nistgħux narmuha; imma xorta ma nistgħux inserrħu rasna fuqha għax kapaċi twassal għal konklużjonijiet żbaljati. Fil-fatt Norberto Bobbio jikteb li “l-unika morali li għandhom il-lajċi hija dik li sserraħ fuq ir-raġuni, imma fir-realtà hija bla raġuni [irragionevole]”. Fil-fatt, għaliex wieħed għandu jagħmel it-tajjeb flok il-ħażin, jekk wieħed ikun ser jikseb vantaġġ jekk jagħżel dak li ħaddieħor isejjaħlu ħażin, bħal fil-każ tal-ewtanasja! Jekk l-etika ma jkollha ebda grampun li tqabbad miegħu (Alla), allura ebda etika ma hija possibbli skont ir-raġuni.

L-etika lajka taf isserraħ ukoll fuq il-kunsens popolari. Dan il-kriterju ħafna drabi jitħaddem fis-sistemi demokratiċi. Hemm min iżomm li hija l-maġġoranza li tistabbilixxi x’inhu t-tajjeb u x’inhu l-ħażin. Imma hawnhekk ukoll għandna gzuz ta’ eżempji mill-istorja li jikkonfermaw kemm dan il-kriterju huwa fallaċi.

Kemm kellu raġun Dostoevskij meta kiteb illi “jekk Alla ma jeżistix, kollox huwa leċitu”. Għalhekk l-etika għandha bżonn tal-ispiritwalità, fis-sens li teħtieġ li tkun miftuħa għal Alla li huwa l-ogħla tjubija. Fil-każ tagħna l-Insara, Alla nnifsu kkomunika magħna. L-ewwel indikalna l-linji gwida permezz tal-Kmandamenti, imbagħad bagħtilna lil Ibnu, il-Mulej Ġesù, li huwa nnifsu huwa l-liġi l-ġdida għaliex huwa l-imħabba li saret laħam. Ġesù jagħtina l-kmandament tal-imħabba bħala l-qofol tal-etika Nisranija. Kif jikteb il-filosfu Kierkegaard, l-etika naturali jew lajka qatt ma tista’ tasal li tipproponi atti ta’ mħabba jew li tgħidilna li għandna nħobbu lill-proxxmu tagħna. Għalhekk l-ispiritwalità Nisranija tgħinna nsaħħu r-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù u hekk insibu l-qawwa biex għemilna, anki waqt ix-xogħol tagħna, ikun att ta’ mħabba u allura etikament tajjeb.

Għalhekk, minn qalbi nawguralkom u nħeġġiġkom biex filwaqt li tkomplu tistudjaw il-prinċipji tal-etika, tfittxu wkoll li tagħmlu l-ħin fil-ħajja biex tinżlu għarkupptejkom fil-preżenza ta’ Ġesù li huwa l-Imgħallem tajjeb li jgħinna biex għemilna jkun tajjeb.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading