Omelija tal-Isqof Mario Grech fit-Tifkira Nazzjonali ta’ Jum il-Vittorji

Print Friendly, PDF & Email

Omelija fit-Tifkira Nazzjonali ta’ Jum il-Vittorji
Bażilika tat-Twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija, ix-Xagħra
L-Erbgħa 7 ta’ Settembru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

NIŻIRGĦU T-TAMA

It-tifkira taż-żewġ Assedji kbar li jimmarkaw l-istorja tagħna ġġagħalni napprezza aspett pożittiv ta’ ġensna. Kemm l-Assedju l-Kbir u kemm l-Aħħar Gwerra Dinjija ħallew ħerba kbira. Imma f’dawk iż-żewġ episodji mwiegħra l-antenati tagħna għarfu jmiddu għonqhom, xammru l-kmiem u ngħaqdu flimkien biex minn dak it-tiġrif jibnu art ġdida. L-għadu żarmahom minn dak kollu li kellhom, imma ma rnexxilux jeħdilhom it-tama.

Il-konsegwenzi taż-żewġ Assedji kienu koroh wisq. Kien hemm tifrik materjali; tfarrket is-sistema soċjali; tħarbtet l-ekonomija; u staġnat il-kultura tagħna – ma naħsibx li kien fadal poeti li jgħannu! Imma l-agħar ħaġa kien it-tifrik psikoloġiku tan-nies – nistħajjel li ħafna tilfu mhux biss ġidhom imma wkoll kull skop u sens tal-ħajja. Imma għalkemm ir-riħa tal-mewt kienet timlielhom imnifsejhom, il-Maltin u l-Għawdxin reġgħu sabu l-enerġija u l-forza biex jgħaqqdu flimkien il-frak tar-realtà. Irnexxielhom isibu l-qawwa biex ikebbsu l-fjamma li kienet qed tnin fil-qlub maqtugħa. Qajmu mill-ġdid fuq riġlejha soċjetà li kienet tniżżlet għarkupptejha. Hekk irnexxielhom jagħmlu ‘ri-fundazzjoni’ ta’ belt u nazzjon assedjat.

Minkejja li kellhom il-mezzi limitati, huwa għarfu jużaw b’għaqal il-ftit li kellhom biex kull ċittadin ikollu l-possibbiltà li jqum fuq riġlejh. Jien ċert li huma investew tajjeb fil-kwalitajiet sbieħ li hemm fid-DNA tal-karattru Malti bħalma huma l-għaqal, il-bżulija, id-determinazzjoni u l-qlubija. Konvint ukoll li kellhom rieda politika soda biex jagħtu imbuttatura qawwija lill-individwi, lill-gruppi u lis-soċjetà ħalli kulħadd seta’ jerġa’ jibda jdawwar ir-rota. Fuq kollox, il-Maltin kellhom il-fidi f’Alla u l-wens ta’ Kristu. Żgur li kellhom quddiem għajnejhom il-kelma tas-Salmista: “Għalxejn jitħabtu l-bennejja jekk ma jkunx il-Mulej li jibni d-dar” (Salm 127).

Dan kollu jagħmlilna kuraġġ lilna li, minkejja li ma għandniex l-isfidi tal-assedji, xorta għandna madwarna għadd ta’ tifrik. Hemm tifrik fil-qafas soċjali, hemm diffikultajiet fil-kamp tal-ekonomija u hemm persuni li jħossuhom mgħaffġa taħt il-piż tal-ħajja. Qed ngħixu f’dik li Zgymunt Baumann jiddeskrivi bħala “soċjetà tal-inċertezzi” – dan jgħodd kemm għall-komunità ekkleżjali u kemm għas-soċjetà ċivili. Agħar minn hekk, fostna hemm min minħabba l-istorja partikulari tiegħu saħansitra tilef il-memorja tat-tama. Ikun tassew dannu soċjali kbir għalina jekk joktor l-għadd ta’ dawk li qed jitilfu din il-memorja tat-tama, għax it-tama tfisser futur – m’hemmx futur mingħajr tama. Qegħdin ngħixu f’epoka fejn mhux biss rajna t-tmiem tal-millennju, imma nitkellmu fuq it-tmiem tal-ideoloġiji, it-tmiem tal-modernità u saħansitra t-tmiem tal-Kristjanità. F’kelma waħda, qed naraw iċedu dawk li kienu l-pilastri li fuqhom kienet isserraħ is-soċjetà tagħna!

Meta ħutna sabu ruħhom f’sitwazzjonijiet diżastrużi, ma tilfux it-tama tagħhom f’Alla. Kienet din it-tama li xprunathom ’il quddiem biex jibnu nazzjon imġedded. Għalhekk f’dan il-jum ta’ festa nazzjonali nħeġġeġ lill-komunità Nisranija u lis-soċjetà ċivili biex minkejja kollox nibqgħu niżirgħu t-tama f’dawk li qed jaqtgħu qalbhom. Ma naqtgħux qalbna minn ebda persuna, lanqas l-aktar persuna kriminali, għax li tiżbalja huwa uman – il-perseveranza fl-iżball hija djabolika. Hija responsabbiltà tagħna li ngħinu lil min hu mfarrak psikoloġikamnet, moralment, ekonomikament u spiritwalment. Għandna ngħassu fuqna nfusna biex ma naqtgħu qalb ħadd. Ma nixtieqx li l-istorja tiġġudikana bħala dawk li nkunu tfejna l-fjamma tat-tama f’xi ħadd.

Insemmi erba’ kategoriji li nixtieq nara injezzjoni tat-tama fihom.

Hemm dawk il-persuni li huma dgħajfin – dgħajfa strutturalment jew dgħajfa għax għamilniehom hekk. Ma ninsewx li aħna soċjetà ħanina – soċjetà li għandha preferenza lejn id-dgħajfin, partikularment lejn il-foqra f’kull aspett.

Innisslu t-tama fil-familji tagħna li huma l-ġebla tax-xewka li fuqhom isserraħ il-komunità Nisranija u s-soċjetà. Inkomplu nkattru politika tal-familja li verament tgħin lill-familja tibqa’ wieqfa fuq riġlejha.

Allaħares iż-żgħażagħ tagħna jitilfu t-tama. Mingħajr tama ż-żgħażagħ ma għandhomx futur. Nagħtuhom tamiet veri u mhux foloz. Ngħinuhom ikebbsu f’qalbhom il-passjoni għall-ħajja.

Aħna lkoll ħaddiema u lkoll nafu xi jfisser ix-xogħol għad-dinjità tal-bniedem u x’sehem jagħtu l-ħaddiema għas-saħħa tas-soċjetà. Nappella biex naħdmu flimien, ninvestu aktar ħsieb biex niżguraw lill-ħaddiema mill-futur tal-impjieg tagħhom.

Biex nilħqu dan kollu għandna ħafna għodod. Hemm l-edukazzjoni, hemm l-investimenti ekonomiċi… Imma fuq kollox hemm id-dimensjoni spiritwali tal-bniedem. Naħseb li l-kura ta’ din id-dimensjoni spiritwali mhix xi ħaġa fakultattiva jew ristretta biss għall-ħajja privata u reliġjuża. Nerġa’ ntenni dak li għidt aktar ’il fuq: “Għalxejn jitħabtu l-bennejja jekk ma jkunx il-Mulej li jibni d-dar” (Salm 127).

Nifhem li dawn kienu l-motivazzjonijiet li għenu lill-antenati tagħna joħorġu rashom merfugħa wara l-esperjenza tal-assedji. Illum imiss lilna li qed ngħixu dan il-mument tal-istorja. Ma naqtgħux qalbna u ma naqtgħu qalb ħadd, anki jekk biex innisslu t-tama nistgħu nidhru li aħna dgħajfin jew ċkejknin. Inkunu għamilna akkwist kbir jekk inżommu din il-fjamma tat-tama – dan il-mutur ta’ enerġija – fiċ-ċittadini tagħna.

Dan kollu npoġġih taħt il-ħarsien ta’ Marija Bambina. Il-Madonna mhix biss mudell għall-bniedem biex jibqa’ jittama kontra kull tama, imma hija tieqaf magħna biex ma nibżgħux nieħdu dawk l-inizjattivi li jistgħu jkattru t-tama fil-poplu tagħna. Homo viator spe erectus – il-bniedem pellegrin iżomm wieqaf jekk jibqa’ jittama.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading