Omelija tal-Isqof Mario Grech fid-Dedikazzjoni ta’ Altar ġdid fil-Bażilika tal-Viżitazzjoni

Print Friendly, PDF & Email

Omelija fid-Dedikazzjoni ta’ Altar ġdid
Bażilika tal-Viżitazzjoni, l-Għarb
Il-Ħadd 25 ta’ Settembru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IL-MEJDA LI TILQA’ LIL KULĦADD

Min-natura tagħha l-mejda toħloq l-għaqda għax tiġborna madwarha; imma l-mejda li tissemma fil-parabbola (Lq 16:19-31) hija motiv ta’ skandlu, għax ir-raġel għani li kellu mejda mimlija, flok ma ħa l-okkażjoni biex jiġbor lil oħrajn madwarha, għażel li jmaxtar waħdu u warrab lill-fqajjar Lazzru u hekk kompla jgħaddsu fil-baħħ tas-solitudni. Dan jista’ jiġri llum lilna li ġieli ninxteħtu madwar mejda mhux tant biex inġibu l-komunjoni imma biex niżirgħu l-firda; ġieli nkunu madwar il-mejda u kliemna jgħaqqad dwar kif ser nagħtu l-ġenb lil dak u lil dik. Miskin hu min isib ruħu mormi! Il-qalja hi li llum f’kultura ta’ uża u armi, ma narmux biss l-oġġetti imma wkoll il-persuni. Għalkemm ħadd minna ma hu pur, xorta jiġri li ssib min hu lest li jaqta’ barra lil ħaddieħor! Importanti li ma niskartaw lil ħadd, lanqas li min hu ġerħa waħda – qed nirreferi għal ġrieħi morali u spiritwali.

Imma jekk l-imwejjed ta’ din id-dinja jobżquk għax tkun meqjus żejjed u jkunu jridu jwarrbuk għax tkun sirt piż, Alla għandu mejda li fiha hemm il-wisa’ għalik – għax għal Alla ma hemm ħadd li hu knis għar-rimi. Anki jekk inti bħal Lazzru u ġismek huwa pjaga waħda tant li minħabba l-irwejjaħ li jintnu tiegħek in-nies tbarrik, f’din l-okkażjoni meta qegħdin niddedikaw dan l-altar ġdid, nixtieq ngħidlek li m’għandekx tħossok eskluż jew skartat, għax madwar din il-mejda hawn post għalik. Għax din il-mejda hija l-altar tas-sagrifiċċju tal-Kalvarju fejn aħna nxtrajna mhux bis-soldi, bil-fidda jew bid-deheb, imma bid-demm ta’ Ġesù fuq is-salib. Din hija l-mejda li fuqha jiġġedded is-sagrifiċċju li bih Kristu, li huwa l-fejjied, il-ħaffier u l-fejjieq, irriskatta lil Lazzru ta’ kull żmien. Kristu tant iħobbna li qatt ma ser jippermetti li niġu skartati minħabba n-nuqqasijiet tagħna.

Ladarba ħadd ma huwa skartat minn Alla, anki aħna, kemm individwalment u kemm bħala komunità parrokkjali, irridu naħdmu aktar flimkien biex ma narmu lil ħadd, għax ħadd ma huwa żibel – la individwi, la gruppi u lanqas komunitajiet sħaħ. Aktar ma jikber l-abbiss bejna u l-oħrajn li aħna nqisu bħala skart, aktar ikun profond l-abbiss bejna u bejn Alla. Aktar ma aħna nagħlqu għajnejna quddiem il-bniedem fil-bżonn, aktar tikber id-distanza bejna u Alla. Ġesù stess jgħidilna li hemm il-possibbiltà li aħna niltaqgħu miegħu bil-ġuħ, għeri u barrani, imma aħna niskartawh – dan jiġri meta niskartaw lill-proxxmu.

Jien għandi preokkupazzjoni pastorali li nixtieqkom taqsmuha miegħi. Fuq dan l-altar-mejda aħna niċċelebraw l-Ewkaristija fejn Ġesù jagħtina Ġismu bħala ikel u Demmu bħala xorb. Issa hawn min għal xi raġuni jew oħra jħoss li hawn ġew fil-knisja ma hawnx post għalih, anki għaliex fostna hawn min qed jgħidlu biex jibqa’ fuq l-għatba. Hawn min jixtieq jaqsam dan l-ikel tas-Sema, imma mbagħad isib min jiġġudikah, jiskartah u jridu jikkuntenta ruħu bil-frak imdennes li jaqa’ minn fuq il-mejda. Xi drabi l-komunità ekkleżjali nfisha tieħu l-atteġġjament ħażin tar-raġel għani fil-konfront ta’ Lazzru tal-lum.

Insemmi lil dawk li għandhom storja taż-żwieġ infeliċi u wara li tkisser l-ewwel żwieġ, għamlu ċerti għażliet li fid-deher ma jaqblux mal-Vanġelu. Uħud minn dawn jibżgħu jmiddu l-passi fil-knisja għax konxji li hekk kif jidħlu, il-komunità tagħtihom it-timbru u tiskomunikahom tant li tridhom jibqgħu fuq l-għatba u jikkuntentaw bil-frak. Imma din l-attitudni mhix tajba – ma taqbilx mal-linji ġodda li tana dan l-aħħar il-Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni Il-ferħ tal-imħabba.

M’iniex ngħid li l-Ewkaristija għandha tiġi ttrattata qisha ħobż sempliċi u ninsew li hija l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. Kif jgħid San Pawl, huwa importanti li qabel nersqu madwar il-mejda tal-Ewkaristija, kulħadd jgħarbel lilu nnifsu, għax jekk nieklu dan l-ikel u ma nkunux imħejjija, inkunu nġibu fuqna l-kundanna tagħna nfusna. Dan jibqa’ t-tagħlim tal-Knisja; imma int min int biex tagħmel ġudizzju fuq ħuk jew oħtok u tridu jibqa’ wara l-bieb? Sfortunatament għandna min jemmen li jista’ “jgħarbel” lil ħaddieħor… imma aħjar l-għarbiel inħalluh f’idejn Alla biss.

Jien nixtieq li dan l-altar li qegħdin niddedikaw ikun mejda li tistieden lil kulħadd biex b’dispożizzjoni xierqa u b’atteġġjament ta’ adorazzjoni nersqu madwarha. Ngħassu fuqna nfusna biex ma neħdux l-attitudni tar-raġel għani u nbarru lil min qed jixxennaq għal dan l-ikel. Fl-aħħar mill-aħħar min minna huwa denn li jiċċelebra l-Ewkaristija? Inħallu lil kulħadd f’idejn Alla li bħal Abraham dejjem lest li jħaddan lil Lazzru minkejja l-feriti u l-ħmieġ li kellu; anzi kienet l-għożża li offrielu Alla li għenitu jfiq u jindaf.

Nixtieq li l-altar ġdid li waqqafna llum iservi bħala mezz biex tikber il-komunjoni bejnietkom u tkomplu twessgħu ċ-ċirku biex dawk li jixtiequ jduqu t-tjubija ta’ Ġesù, ikollhom posthom madwar din il-mejda.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading