Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Ġublew tal-Katekisti


Omelija fil-Ġublew tal-Katekisti
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
Il-Ġimgħa 30 ta’ Settembru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

EKU TA’ KRISTU

Ħafna drabi nilmentaw li llum il-bniedem, kbir jew żgħir, ma għadx għandu sabar jisma’! Dan huwa dejjem minnu? Jew il-bniedem ma jridx jisma’ kelma li ma ddoqqx għal widnejh? Jew il-bniedem qed jitnaffar meta l-kelma li tasallu tagħmillu vjolenza? Jew il-bniedem għeja jisma’ kliem fieragħ? Naħseb f’dan kollu hemm ftit verità.

Uħud minn dawn l-atteġġjamenti jinsabu wkoll fil-bniedem li b’widnejn attenti qiegħed ifittex il-Kelma ta’ Alla. Jien bħala katekista, u intom il-katekisti li flimkien miegħi terfgħu dan il-ministeru, għandna bżonn nagħmlu eżami ta’ kuxjenza u naraw jekk bil-ministeru tagħna aħniex indejqu, innaffru jew nagħmlu vjolenza. Ma nagħmlux ħażin jekk nistaqsu jekk bit-tpaċpiċ reliġjuż tagħna aħniex ngħejju lil min jitħajjar jagħtina widen. Mhux għaliex il-Kelma ta’ Alla fdata lilna għandha minn dan; anzi, bil-kontra, għax hija kelma ħelwa, kollha mħabba, tmelles, tindokra u ddoqq għall-widnejn. Ħadd daqs Alla ma jaf il-qalb tal-bniedem u għalhekk kelmtu tagħmel u tagħti sens lill-ħajja. Jien konvint li fit-toroq tagħna hemm soċjetà li widnejha jikluha biex tisma’ din il-Kelma. Ħafna drabi l-bniedem jirrifjutaha jew jittraskuraha għax ma tkunx waslitlu nadifa imma b’ħafna glossa.

Għalhekk, f’dan il-jum meta qed nagħtikom il-mandat biex bħala katekisti tipparteċipaw mill-ministeru tax-xandir tal-Kelma ta’ Alla, nistedinkom biex tagħmlu attenzjoni ħalli min jisma’ lilkom ikun jisma’ lil Ġesù. “Min jisma’ lilkom, jisma’ lili”, qalilna l-Mulej. Kunu eku ta’ Kristu fid-dinja. Għax jekk aħna nwasslu l-Kelma fis-safa tagħha, din hija Kelma li tfejjaq mhux tferi, tibni mhux tħott, tagħmel il-qalb u mhux tbeżża’.

Neżortakom biex f’din is-Sena tal-Ħniena nistħarrġu ftit jekk bil-ministeru fdat lilna aħniex inwasslu l-Kelma awtentika. Xi drabi hemm min jintilef f’elaborazzjonijiet teoloġiċi tqal u kumplessi ta’ duttrina, imma kliemu ma jsaħħanx il-qlub. Id-duttrina hija meħtieġa, imma dak li jqabbad u jimla l-qalb tal-bniedem mhix id-duttrina imma l-persuna ta’ Ġesù Kristu, il-Kelma ta’ Alla li saret laħam. Drabi oħra nintilfu f’rakkonti u stejjer, anki stejjer tal-babaw. Dan mhux il-Vanġelu. Tbeżżgħux bil-fantażmi għax dan jaf jimpressjona dak il-ħin imma ftit jinżel fil-qalb ta’ dawk li jkunu jisimgħukom. Aktar milli nittrasmettu kontenut, għandna niffaċilitaw il-laqgħa personali ma’ Ġesù Kristu.

Biex kliemna jkun kliemU u min jisma’ lilna jisma’ lilU, aħna fid-dmir li kontinwament nipperfezzjonaw u norqmu kliemna – mhux tant lingwistikament daqskemm evanġelikament. Dan ifisser li qabel ma għandu jkollna għarfien teoloġiku, neħtieġu esperjenza ta’ Ġesù Kristu. Għaldaqstant inħeġġiġkom biex tkunu katekisti ta’ ħajja interjuri – bnedmin spiritwali. Għandkom tintgħażlu mill-bqija mhux minħabba l-għerf daqskemm għall-ħajja tal-ispirtu li tiġi mit-talb, il-meditazzjoni u l-ħajja axxetika.

Fil-Vanġelu li smajna (Lq 10:13-16) Ġesù ma jsemmix biss il-bliet ta’ Korażajn, Betsajda u Kafarnahum, imma wkoll lil Tir u Sidon. Dan jindika li f’qalbu Ġesù ma kellux biss lil dawk tal-qrib jew ta’ ġewwa, imma wkoll lil dawk li kienu ’l bogħod, fil-periferija, pagani (Tir u Sidon). Jien nixtieq li bħala katekisti tagħtu attenzjoni kemm lil tal-qrib u kemm lil dawk tal-bogħod, kemm lil ta’ ġewwa u kemm lil dawk barra l-maqjel, kemm lill-kwieti u kemm lill-imqarba bħal Tir u Sidon. Il-Papa Franġisku jgħid li l-Knisja għandha żewġ toroq quddiemha: li tifred jew li tintegra. Tkunux separatisti. Ma naqtgħu lil ħadd barra; pjuttost nestendu dirgħajna biex inħaddnu lil kulħadd, partikularment lil dawk imqarba, biex anki f’widnejhom tasal dik il-kelma li tagħti serħan u ċertezza.

Biex l-azzjoni kateketika tagħna tkun sħiħa, nagħmlu tajjeb jekk mas-smigħ nitgħallmu ninvolvu l-bqija tas-sensi l-oħra – l-għajnejn (l-estetika), ix-xamm, il-kant… Dan kollu jista’ jsib l-applikazzjoni tiegħu waqt il-Liturġija mqaddsa. Katekista tajjeb huwa dak li jwassal lil dawk li jinnamraw mal-Kelma biex jiċċelebraw il-Kelma waqt il-Liturġija. Kunu intom ukoll li tintroduċu fil-Liturġija lil dawk li l-Mulej jafdalna. Għax il-Liturġija ddaħħalna fil-misteru. L-azzjoni liturġika tkompli ċċarrat biex joħroġ fid-deher il-misteru li ħafna drabi jkun imfisser bi kliem fqir u imperfett. Anki l-istess liturġija ċċelebrata b’mod sabiħ, mifhum u pparteċipat, timbuttana biex mill-awla liturġika nirritornaw għal dawk l-għejun katekistiċi biex inkomplu nistagħnew fil-Kelma.

Dan kollu jissarraf f’barka għalina nfusna, għax meta verament tiftaħ, tara li tkun għent lil xi ħadd biex jibda jfittex lil Ġesù. Fl-istess ħin, jekk aħna nkunu komunità li tiltaqa’ biex tisħaq il-Kelma u tiċċelebraha bil-ferħ, inkunu wkoll komunità li tgħix il-karità. Hekk kliemna ma jibqax kliem vojt, imma jkun imsieħeb bl-azzjoni. Hekk il-katekeżi ma tibqax issir bil-kliem imma bix-xhieda li nagħtu.