Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Festa ta’ San Franġisk ta’ Assisi


Omelija fil-Festa ta’ San Franġisk ta’ Assisi
Knisja tal-Franġiskani Konventwali, il-Belt Victoria
It-Tlieta 4 ta’ Ottubru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

SAKEMM KRISTU JISSAWWAR FINA

In-Nisrani huwa dak il-bniedem li jiskopri l-ġmiel ta’ Alla li deher fi Kristu. Maħtuf minn dan il-ġmiel, in-Nisrani ma jistrieħx sakemm jiddakkar mill-istess ġmiel u jsir jixbah lil Kristu. In-Nisrani li ma jimitax lil Kristu jkun Nisrani tal-isem. Jekk tonqosna din il-ħeġġa biex inkunu nixbhu lil Ġesù, it-twemmin Nisrani jibqa’ kultura, tradizzjonijiet u storja, u r-reliġjon Kristjana tiġi ridotta għal sempliċi reliġjon ċivili! Qed ngħid dan għax nibża’ li f’pajjiżna jeżisti dan ir-riskju!

Meta naqraw l-ittri ta’ Missierna Pawlu jidher ċar kemm għall-Appostlu ħaġa waħda kienet meħtieġa: li jsir jaf lil Ġesù Kristu biex isir jixbhu, tant li jasal biex jistqarr li “mhux jien li ngħix imma Kristu jgħix fija” (Gal 2:20). Qawwija hi kelmet Pawlu meta jgħidilna: “Ixbhu lili bħalma jien nixbah lil Kristu” (1 Kor 11:1). Tant kien jixbah lil Kristu li f’ġismu Pawlu kien iġib il-marki ta’ Kristu (ara Gal 6:17). Fil-fatt lin-nies tal-belt ta’ Korintu, Pawlu jgħidilhom li meta wasal għandhom “ma ppretendejtx li kont naf xi ħaġa fostkom, ħlief lil Kristu Ġesù u ’l dan imsallab” (1 Kor 2:2)

Persuna oħra li bħal San Pawl setgħet tgħid: “Mhux jien li ngħix imma Kristu jgħix fija” kienet San Franġisk ta’ Assisi. Kif josserva l-Papa Franġisku, il-Fqajjar ta’ Assisi jagħmilhielna ċara li “n-Nisrani huwa dak li jkun f’relazzjoni mal-persuna ta’ Ġesù, dak li jilbes lil Kristu, dak li jsir jixbah lil Kristu” (Omelija, 4 ta’ Ottubru 2013). Kienet l-esperjenza fil-knisja ta’ San Damjan, meta waqaf jitlob quddiem il-Kurċifiss, li xprunat lil Franġisku fit-triq tal-imitazzjoni ta’ Kristu. Matul ħajtu hemm damma ta’ għażliet li jikkonfermaw kemm Franġisku kien maħtuf minn Kristu; imma sentejn qabel ma miet, waqt li kien waħdu jitlob fuq l-għolja tal-Verna, Franġisku jirċievi fuq ġismu l-pjagi ta’ Ġesù. Il-kontemplattiv Thomas Merton jikkummenta li l-fatt li Franġisku ngħata l-pjagi huwa sinjal mis-Sema biex jgħidilna li fost il-qaddisin, Franġisku kien l-aktar wieħed mill-bnedmin li kien jixbah lil Ġesù Kristu billi għex ħajja sempliċi, fqira u kollha mħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu.

Fil-fatt nistgħu ngħidu li l-għotja tal-pjagi lil San Franġisk kienet konferma ta’ kemm hu kellu devozzjoni lejn il-feriti mhux biss tal-Kurċifiss tal-injam fil-knisja ta’ San Damjan, imma ta’ dawk fuq il-bniedem mitluq għal għonq it-triq, partikularment fuq il-lebbrużi li kienu l-agħar fost l-agħar. Fil-fatt San Franġisk kellu għożża speċjali għal dawk morda bil-lebbra. Fit-testment tiegħu tal-1226, Franġisku jistqarr li fil-bidu tal-esperjenza Nisranija tiegħu l-Mulej poġġieh qrid il-lebbrużi: “Meta kont għadni fi dnubieti, kont nistmerr inħares lejn il-lebbrużi, imma l-Mulej ħadni f’nofshom u magħhom użajt il-miżerikordja”. Darba Fra Ġakbu s-Sempliċi, li kien jaħdem fil-lebrożorju, wasal il-Porzjunkola akkumpanjat minn wieħed mil-lebbrużi li ġismu kien kollu ġerħat. Kien Franġisku nnifsu li indirizza lil dan il-patri biex jaħdem ma’ dawn il-persuni; imma meta Franġisku lemaħ lil dan il-patri u lil- lebbruż, beda jċanfarhom għax ma kienx “konvenjenti” la għalihom u lanqas għan-nies li joħorġu mil-lebrożorju. Ma għaddiex wisq ħin li Franġisku ma marx għand Patri Pietru Cattani u mhux biss talbu jaħfirlu, imma tant iddispjaċieh li insista qatigħ miegħu biex jagħtih penitenza partikulari: li jmur jiekol mill-istess skutella tal-lebbruż. Billi dakinhar ma kellhomx pużati, kienu jieklu b’idejhom. Franġisku kiel minn dik l-istess skutella fl-istess waqt li l-lebbruż kien idaħħal subgħajh kollha dmija! Wieħed kummentatur jgħid li dakinhar Franġisku ma kienx iddispjaċut għax kiser lil Fra Ġakbu, imma għax bi kliemu lil-lebbruż ma kienx stmah ta’ bniedem.

Nistħajjel li kienet konvinzjoni ta’ Franġisku li kull meta hu kien ipoġġi jdejh fuq il-pjagi tal-lebbruż, huwa kien jemmen li qed imiss il-pjagi ta’ Kristu. Minħabba f’hekk għal Franġisku l-lebbruż kien jixraqlu l-adorazzjoni daqskemm tixraq lil Kristu. Kif l-Appostlu Tumas iltaqa’ ma’ Kristu Rxoxt meta daħħal sebgħu fil-pjaga tal-kustat miftuħ ta’ Kristu, hekk għal Franġisku l-pjagi umani kienu tieqa li tiftaħ fuq il-misteru tal-Iben ta’ Alla li sar bniedem.

Kemm hija impenjattiva l-Magħmudija! Aħna li rċivejna l-Magħmudija suppost aħna mitlufin wara Kristu u mhux mitlufin f’elf ħaġa oħra. Kristu għandu jkun ir-raġuni tal-ħajja tagħna – hu l-għaxqa ta’ qalbna! Il-mixja tad-dixxiplu mhix iddettata mil-liġijiet, imma l-passi tiegħu jmorru fejn tmur il-qalb li tħabbat għal Kristu. Ma għandux ikollna mistrieħ sakemm Kristu jissawwar fina (ara Gal 4:19).

Huma diversi t-toroq li permezz tagħhom nistgħu nidħlu fil-preżenza tal-misteru ta’ Alla. Għal xi wħud hemm it-triq tal-kontemplazzjoni. Oħrajn jagħżlu t-triq tal-liturġija. Il-ħajja ta’ penitenza u l-mortifikazzjoni tista’ tkun triq oħra. Kollha toroq validi imma mhux mingħajr ir-riskji. Imbagħad teżisti triq oħra: il-pjagi ta’ dawk li ħafna drabi ninsewhom għax inqisuhom skart. Meta jkollna l-kuraġġ li ninfaxxaw il-pjagi (fiżiċi, morali u spiritwali) tal-proxxmu tagħna, meta ma nibqgħux lura milli nerfgħu lil-lebbruż li ġismu huwa pjaga waħda, allura mbagħad inkunu nġorru fuqna l-pjagi ta’ Kristu, imbagħad inkunu kbirna fix-xebh tagħna miegħu.

Dan mhux kliem poetiku, imma hija l-isfida ta’ kull Kristjan ta’ veru; din għandha tkun il-mira ewlenija ta’ kull komunità ekkleżjali. Mhux rari li fil-komunitajiet tagħna jinqala’ nkwiet bla bżonn; nittama li ma għadx jgħaddi ħafna żmien biex niġu f’tagħna u nintebħu li l-veru nkwiet għalina huwa kif ser jirnexxielna naqsmu mal-oħrajn din il-passjoni għal Kristu. Dan huwa l-pern tal-ħajja Nisranija!