Quddiesa u Rużarju mill-Kurja tal-Arċisqof – 11 ta’ Settembru


Il-Ġimgħa, 11 ta’ Settembru 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Kurja tal-Arċisqof …

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Bejn tibna u travu

Hemm differenza enormi bejn tibna u travu. U Ġesù juża din id-differenza, bi ftit esaġerazzjoni, biex jagħmel il-punt li kultant aħna nħarsu lejn l-oħrajn u naraw il-ħażin fihom u l-ħażin tagħhom, u ma nħarsux lejn il-ħazin tagħna li jkun agħar. Għalhekk: it-tibna f’għajn l-oħrajn filwaqt li f’għajnejna għandna travu.

Dan il-kliem ta’ Ġesù jiġi wara dak li qal lid-dixxipli: “Tiġġudikawx u ma tkunux iġġudikati, tikkundannawx u ma tkunux ikkundannati” (Lq 6:37). Kultant jiġri li aħna nħarsu lejn l-oħrajn, naraw il-ħażin tagħhom, imbagħad nitkellmu fuqu, nhewdnu fuqu, kultant nonfħuh ukoll; u waqt li nagħmlu dan u noskuraw lin-nies, ma narawx tagħna, ma nħarsux lejna nfusna – jew għax ma nistgħux naraw id-difetti tagħna jew għax nippretendu li mhumiex hemm.

Għalhekk Ġesù, li qed jgħid lilna hu biex aħna neżaminaw lilna nfusna l-ewwel. “Agħraf lilek innifsek” hu kliem ta’ għerf. Għax meta aħna nagħrfu lilna nfusna, il-bżonn li aħna għandna tal-ħniena ta’ Alla, imbagħad anke kif inħarsu lejn l-oħrajn ikun differenti, u kif nitkellmu fuqhom; moħħna jiġri inqas, ilsienna nrażżnuh aktar, u nagħdru aktar lill-oħrajn meta aħna nagħrfu aktar lilna nfusna. Għalhekk għandna bżonn dan id-dawl ta’ Alla biex nagħrfu tassew lilna nfusna.

Niftiehmu: dan il-kliem ta’ Ġesù ma jfissirx li aħna, meta naraw il-ħażin madwarna u għandna responsabbiltà li nirranġaw il-ħażin, nagħlqu għajnejna qisu mhu qed jiġri xejn. Li aħna ma niġġudikawx lill-oħrajn u li aħna nagħrfu l-iżbalji tagħna ma jfissirx li mbagħad ngħidu: “kulħadd jagħmel li jrid”, “jien ma nindaħalx”, “jien ma niġġudika lil ħadd”, u nħallu l-ħażin għaddej. B’dak il-mod inkunu kompliċi fil-ħażin, speċjalment fejn ikollna r-responsabbiltà li nwaqqfuh, u Ġesù qatt ma jridna nkunu kompliċi fil-ħażin.

Imma li qed jgħid Ġesù hu li altru naħdmu, kif għandna naħdmu, għal dak li hu sewwa, dak li hu ġust, u kontra dak li hu ħażin; u altru nsallbu lill-oħrajn u nitfgħulhom il-ġebel. Hemmhekk Ġesù jagħmel id-differenza li għandna nagħmluha aħna, u jgħidilna: aħdmu għal dak li hu tajjeb, imma l-ġudizzju tal-qalb tal-persuna ħalluh f’idejja. Inħalluh f’idejn Alla.

It-talba li nixtieq nagħmel illum f’din il-quddiesa hi biex Alla jagħtina l-grazzja li nagħrfu aktar lilna nfusna u l-bżonn li għandna tal-ħniena ta’ Alla, li jagħtina l-grazzja li jippurifikana mill-ħażin tagħna, imbagħad jgħinna biex lill-oħrajn ngħidulhom kelma ta’ ġid, mhux kelma ta’ ġudizzju u kundanna; li naħdmu kontra dak li hu ħażin u nagħmlu tassew dak li hu ġust u sewwa, imma l-ġudizzju tal-persuni nħalluh f’idejn Alla.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.