Messaġġ tal-Isqof Mario Grech f’Seminar organizzat mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Artrite u r-Rewmatiżmu


Messaġġ f’Seminar organizzat
mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Artrite u r-Rewmatiżmu
Dar Arka, Għajnsielem
Is-Sibt 1 ta’ Ottubru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

TAMA LIL MIN HU MUĠUGĦ

Nifraħ lill-organizzaturi ta’ dan is-seminar fl-okkażjoni tal-Jum Dinji dwar l-Uġigħ għax laqqajtuna flimkien biex nirriflettu dwar aspett eminentement uman: l-uġigħ. Dan is-seminar u l-parteċipazzjoni sabiħa li hawn jagħmlulna ġieħ għax huma konferma li fostna hawn “Samaritani” li jagħtu kas tat-tbatija tal-proxxmu.

L-uġigħ huwa esperjenza enigmatika. L-uġigħ mhux biss problema fiżjoloġika, medika jew psikoloġika, imma wkoll filosofika u teoloġika. Fil-fatt, meta jinqabad fil-morsa tal-uġigħ, partikularment dak akut jew kroniku, il-bniedem jibda jagħmel għadd ta’ mistoqsijiet li mhux dejjem għandna tweġiba għalihom. Sinċerament ġietni t-tentazzjoni li dalgħodu ninża’ ż-żarbun qabel nitla’ nagħmel dan il-messaġġ biex nibgħat sinjal li meta qegħdin nitkellmu dwar dan is-suġġett, aħna qegħdin nirfsu fuq art intima u sagra. Konxji kemm l-interventi tagħna quddiem l-uġigħ jafu jkunu limitati u xi drabi ineffettivi, forsi jagħmel tajjeb jekk nitkellmu b’leħen baxx u ħafna rispett biex ma ninvadux dawn l-esperjenzi daqshekk profondi umanament, li jekk niżbaljaw fit-trattament faċli nirriskjaw li l-kriżi ssir aktar wiegħra. Fl-uġigħ il-bniedem isib ruħu f’misteru.

L-uġigħ huwa diżumanizzanti għax iniżżel lill-bniedem għarkupptejh; imma daqshekk ieħor tista’ tkun diżumana s-soċjetà jekk tkun indifferenti quddiem dan il-fenomenu, jew naqgħu fix-xeħħa meta niġu biex ninvestu fir-riċerka xjentifika jew l-għajnuna medika u psikoloġika. Id-dgħufija tal-proxxmu, li timmanifesta ruħha b’mod partikulari waqt it-tbatija, tinterpellana (individwalment u kollettivament) biex nagħmlu xi ħaġa biex ngħinuh.

Bla dubju llum ix-xjenza toffri rimedji effettivi għall-uġigħ; imma ħafna drabi l-mediċina waħidha mhix biżżejjed. Spiss jiġri li l-bniedem muġugħ ikun jeħtieġ mhux biss dak li għandna jew nafu (xjentifikament), imma jkun irid lilna b’dak li aħna. Il-kompetenzi xjentifiċi huma kumplimentari jekk ikunu msieħba minn dik il-ħila empatika – meta aħna noqogħdu ħdejn il-bniedem muġugħ u noffrulu l-attenzjoni, it-tbissima, it-tmellissa, il-kelma ta’ kuraġġ u l-viċinanza li tiżgura. Fir-rumanz L-idjota, Dostoevskij jirrakkonta li kien hemm żagħżugħ ta’ tmintax-il sena qed imut b’marda terminali. Quddiem din ix-xena ta’ ħajja sabiħa li qed tintefa, b’ton sarkastiku Ippolitu jistaqsi lill-Prinċep Myskin li kien ħdejn iż-żagħżugħ muġugħ: “Veru li inti kont għidt li l-ġmiel għandu qawwa li jirbaħ id-dinja?”. Imma Myskin ma jweġibx għal din il-provokazzjoni, imma jibqa’ maġenb iż-żagħżugħ marid jurih l-attenzjoni u l-imħabba u hekk jaqsam miegħu d-dulur… għax hija din l-imħabba li għandha l-qawwa li ttaffi l-uġigħ – hija din l-imħabba li tista’ tfejjaq id-dinja! Din għandha tkun l-attitudni tagħna mal-bniedem muġugħ! Ħasra li llum naraw inflazzjoni tal-kelma “imħabba”. Kif tikteb Edith Stein, l-imħabba vera hija empatija fejn il-“jien” jagħmel tiegħu dak li tkun għaddejja minnu l-persuna li jħobb.

Huwa minnu li sakemm hemm il-ħajja, wieħed jibqa’ jittama li jgħix; imma din l-għożża tal-ħajja ma għandhiex twassalna għal dak li jissejjaħ ‘akkaniment terapewtiku’, fis-sens li nippruvaw inżommu x-xemgħa tixgħel akkost ta’ kollox! Huwa dmir li aħna nħarsu l-ħajja; imma mhux il-każ li jsiru interventi inutli u sproporzjonati biex il-ħajja ssir waħda artifiċjali.

F’dan il-kamp ifaqqsu diversi sfidi etiċi. L-etika, inkluża dik Kristjana, mhix xi każistika morali, fis-sens li għandna tweġibiet lesti fil-kexxun għal kull sitwazzjoni li tinqala’! Għall-kuntrarju l-prinċipji tal-etika joffru orjentament biex il-bniedem ikun jista’ jiddeċiedi x’għandu jagħmel. L-etika hija għajnuna biex il-bniedem jagħmel għażliet responsabbli li jixirqu lid-dinjità umana tiegħu. L-aqwa għażliet li jista’ jagħmel il-bniedem huma dawk li huwa jagħmel skont kif tiddettalu l-kuxjenza tiegħu. Il-kuxjenza tal-individwu hija invjolabbli u għandha tkun irrispettata anki meta niġu biex nittrattaw il-problema tal-uġigħ u tat-tbatija. Il-kuxjenza mhix vuċi li tfakkarna f’liġi pożittiva li rridu napplikaw b’mod mekkaniku, imma hija vuċi li titlob minna li, wara li niżnu kollox, b’responsabbiltà nieħdu l-aħjar deċiżjoni fil-mument. Nifhem li dan huwa impenn mhux ħafif la għal min ikun fl-uġigħ u lanqas għal dawk li jkunu jgħinuh.

Nawgura li permezz ta’ dan is-seminar tkompli tikber fina u fis-soċjetà s-sensibbiltà lejn il-bniedem muġugħ u joktru l-possibbiltajiet ta’ kif nistgħu ntaffu dan il-piż.