Messaġġ tal-Isqof Mario Grech liż-żgħażagħ Għawdxin pellegrini għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Print Friendly, PDF & Email

Messaġġ liż-żgħażagħ Għawdxin pellegrini għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ
Ċentru Pastorali Ragħaj it-Tajjeb, il-Belt Victoria
Il-Ħadd 24 ta’ Lulju 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

Nifraħ meta nara grupp imdaqqas ta’ żgħażagħ bħalkom li għażiltu li tieħdu sehem fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li fil-jiem li ġejjin il-Knisja tagħna ser tiċċelebra fil-Polonja. Meta niftakar li hemm żewġ gruppi ta’ żgħażagħ oħra mid-Djoċesi tagħna li għażlu li dan is-sajf jagħmlu esperjenza missjunarja fl-Etjopja u fil-Gwatemala, verament inħoss li intom “aħbar tajba” għalina u għas-soċjetà tagħna. Dawn l-esperjenzi ekkleżjali jxejnu l-impressjoni negattiva li spiss tingħata dwar iż-żgħażagħ illum u li l-ġenerazzjoni tagħkom ma għandhiex interess f’Ġesù Kristu.

Nagħtikom dan il-parir sempliċi: intom u sejrin lejn il-Polonja, “travel light”. Mhux qed nirreferi għal dak li ser iġġorru fil-haversack, imma biex tersqu għal din l-esperjenza b’moħħ miftuħ u qalb miftuħa.

Matul il-JDŻ ser tagħmlu esperjenza tal-Kattoliċità tal-Knisja – jiġifieri ser tiltaqgħu ma’ persuni ġejjin minn komunitajiet ekkleżjali differenti. Il-ġebla li fuqha sserraħ il-binja kollha tal-Knisja huwa Ġesù Kristu; imma mbagħad f’kull pajjiż u f’kull żona jkun hemm modi differenti kif il-bniedem jagħmel esperjenza ta’ Ġesù. Huwa għalhekk li l-Knisja qisha bħal qawsalla msebbħa b’ħafna kuluri. Għalhekk inħeġġiġkom tersqu għal din l-esperjenza b’moħħ miftuħ biex tilqgħu t-tajjeb u s-sabiħ li hemm fil-ħajja Nisranija tal-oħrajn. Dan l-atteġġjament jgħin lilkom u lilna biex flimkien nagħmlu dik il-konverżjoni pastorali li neħtieġu.

Meta nqis li t-tema ta’ din iċ-ċelebrazzjoni hija marbuta mas-Sena tal-Ġublew: “Henjin dawk li jħennu għax huma jsibu ħniena”, nistedinkom biex tirfsu fuq l-art Pollakka b’qalb miftuħa biex tkunu tistgħu dduqu l-ħlewwa tal-Ħniena Divina. Mhux ser jonqos li f’widnejkom tasal il-kelma friska u vibranti tal-ewwel messaġġier tal-Ħniena ta’ Alla, il-Papa Franġisku. Ser ikollkom diversi mumenti ta’ katekeżi dwar id-diversi espressjonijiet tal-imħabba ta’ Alla. Imma jaf ikun li l-aqwa katekist dwar dan is-suġġett ma jkunx il-Papa, lanqas l-isqfijiet u s-saċerdoti, imma sħabkom iż-żgħażagħ! Intom l-aqwa persuni li tistgħu tirrakkontaw lil xulxin xi jfisser Ġesù għalikom, jew f’liema ċirkustanzi tal-ħajja tkunu ġarrabtu l-qawwa tal-ħniena ta’ Alla. Għalhekk nirrakkomandalkom biex titħalltu ma’ sħabkom żgħażagħ oħra ġejjin minn pajjiżi differenti u tisimgħu b’attenzjoni l-esperjenzi tagħhom; min-naħa tagħkom, tibqgħux lura milli tirrakkontawlhom x’għamel il-Mulej magħkom, mal-familji tagħkom, magħna bħala ġens.

Matul dawn il-jiem ser ikollkom mumenti varjati u sbieħ. Ħudu din l-opportunità biex tistagħnew kulturalment. Iddevertu u ċċelebraw ma’ żgħażagħ oħrajn. Imma apprezzaw ukoll il-mumenti tas-skiet u t-talb. Huwa f’waqtiet bħal dawn, meta tkun waħdek minkejja li tkun fil-massa ta’ nies, li tidħol fil-preżenza ta’ Alla u tiftaħ qalbek għalih u miegħu.

Dan il-vjaġġ tagħkom li ser iwassalkom fi Krakovja, il-belt tal-Ħniena Divina, huwa pellegrinaġġ li għandu jfakkarkom li l-ħajja kollha kemm hi hija mixja! Ħafna drabi hija mixja li tiswielna prezz (kif ser jiswielkom dan il-pellegrinaġġ). Parti minn dan il-prezz huma l-mistoqsijiet li jinbtu f’qalbna. Konvint li anki llum intom iġġorru l-piż ta’ għadd ta’ mistoqsijiet serji dwr il-ħajja! Nitlob għalikom biex din il-mawra tagħkom fil-Polonja tgħinkom tiltaqgħu ma’ Dak li għandu tweġiba għad-domandi eżistenzjali tal-bniedem.

Nawguralkom li tmorru ħfief, imma tiġu lura mgħobbijin b’dawn l-esperjenzi sbieħ biex ikollkom x’tirrakkontawlna.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading