Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Festa tas-Sejħa tal-Verġni Mqaddsa Ta’ Pinu

Print Friendly, PDF & Email

Omelija fil-Festa tas-Sejħa tal-Verġni Mqaddsa Ta’ Pinu
Santwarju Nazzjonali Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb
L-Erbgħa 22 ta’ Ġunju 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

MA’ KRISTU NBIDLET IL-LIĠI

Naf b’aktar minn persuna waħda li studjaw it-teoloġija f’fakultà teoloġika, imma baqgħu ma jemmnux. Għax id-duttrina ma tqabbadx il-qalb tal-bniedem! Hija l-laqgħa personali ma’ Ġesù li għandha qawwa li ssaħħarna!

Dan l-aħħar tkellimt ma’ xi kappillani miż-żewġ djoċesijiet tagħna u qaluli li ftit huma dawk it-tfal li jersqu għall-Ewkaristija wara li jagħmlu l-festa tal-Preċett. Wieħed mill-kappillani osserva li propju l-għada tal-Preċett, tnejn biss marru l-Quddies. Issa dawn it-tfal ikunu marru għad-duttrina u l-Museum. Ikollhom għarfien dwar Alla, imma qalbhom ma tkunx imħeġġa għalih!

Kieku l-parti l-kbira tal-koppji għarajjes jattendu għal-laqgħat bi tħejjija għaż-żwieġ sagrament; imma lkoll nafu b’każijiet li minkejja li jkunu ċċelebraw is-sagrament taż-żwieġ, hekk kif isibu ruħhom f’baħar imqalleb, jinfirdu.

Jiġri anki lilna l-presbiteri, li bit-tqegħid tal-idejn konna kkonsagrati għal Alla. Wara snin nagħmluha mal-kotba tat-teoloġija, hemm ir-riskju li nsiru sempliċi funzjonarji reliġjużi, l-aktar “dutturi tal-liġi”, imma li ma jikkomunikawx lil Ġesu.

Dawn huma ftit mill-esperjenzi tal-poplu ta’ Alla f’pajjiżna li bir-raġun iwassluna biex nistaqsu x’inhu jiġri.

Fir-rakkont tal-miraklu ta’ Kana hemm l-esperjenza ta’ komunità li marret biex tagħmel festa imma sabet li kienet bla ħajja – għax l-inbid ifisser ħajja! Hija komunità li trid tifraħ, imma ma tistax. Hija komunità li mhux biss tilfet it-togħma tal-inbid, imma tilfet it-togħma ta’ Alla. Ir-raġuni ta’ dan kienet il-fatt li r-relazzjoni ta’ din il-komunità ma’ Alla ġiet ridotta għall-osservanza tad-duttrina u sensiela ta’ preċetti. Il-qalba tar-relazzjoni tagħhom ma’ Alla ma baqgħetx l-imħabba, imma ntilfu fl-osservanza tal-liġi sal-anqas tikka. Moħħhom aktar kien fil-lista ta’ obbligi li kellhom ġejjin mil-liġijiet, milli f’Dak li tahom il-liġi.

Skont it-tagħlim tal-Missirijiet tal-Knisja, is-sitt ġarar tal-ħaġar li jsemmi l-Vanġelu jirrappreżentaw it-Torah – dik il-liġi li Mosè rċieva mingħand Alla fuq it-twavel. Il-fatt li dawn il-ġarar kienu vojta jfisser li l-Lhud kienu battlu l-liġijiet u l-preċetti mit-tifsira propja tagħhom. Għalhekk il-liġi ta’ Alla, li kienet hemm u tibqa’ hemm, flok ma kienet mezz biex twassalhom għall-ħelsien, saret madmad tqil li jassarhom.

Ir-realtà tal-lum mhix differenti ħafna minn dik ta’ Kana. Huwa minnu li hawn min jiġi jaqa’ u jqum minn dak li jrid Alla; imma għall-grazzja ta’ Alla huma ħafna fostna li jinteressahom id-diskors dwar il-fidi. Imma x’inhi essenzjalment il-fidi Nisranija? Hija biss sensiela ta’ dmirijiet u ta’ normi li kapaċi nbattluhom mill-ispirtu veru tagħhom? Dawk il-ftit eżempji li semmejt aktar ’il fuq huma indikattivi. Ilkoll ġew f’kuntatt mad-duttrina, imma baqgħu xotti fl-imħabba tagħhom lejn Alla, għax kif għedna, id-duttrina ma tixgħelx il-fjamma tal-imħabba. Hija biss ir-relazzjoni personali tagħna ma’ Ġesù li għandha qawwa timliena bil-ħeġġa lejn Alla. Kif jgħid il-Papa Benedittu XVI, “fil-bidu tal-ħajja Nisranija m’hemmx xi deċiżjoni etika jew xi idea għolja, iżda hemm il-laqgħa ma’ ġrajja, ma’ Persuna, li tagħti lill-ħajja orizzont ġdid u direzzjoni deċiżiva” – din il-“persuna” hija Ġesù.

Għalhekk fit-tieġ ta’ Kana, Ġesù jurina li l-qofol ta’ kollox hija l-preżenza tiegħu fil-komunità ekkleżjali tagħna. Il-Mulej Ġesù ma ġiex biex iwaqqa’ l-liġi: il-Kmandamenti ta’ Alla hemm għadhom, u għadhom gwida valida għalina. Imma Ġesù qal li ġie biex jipperfezzjoni l-liġi. Huwa tela’ fuq il-katedra ta’ Mosè. Huwa Mosè tal-liġi l-ġdida. Anzi, Ġesù nnifsu huwa l-liġi l-ġdida. Huwa jieħu post il-liġi l-qadima. Bil-miġja tiegħu, il-liġi “nbidlet” tant li jgħidilna: “Smajtu xi ntqal… imma jien ngħidilkom…”. “Bin il-bniedem huwa sid tas-Sibt ukoll” (Mk 2:27). Għalhekk xejn ma jiswa li aħna nitħabtu biex noqogħdu għal-liġi ta’ Alla jew ninsistu li ħaddieħor jobdi l-istess liġi, jekk dan ma jkunx frott ta’ relazzjoni personali ma’ Ġesù. Għax il-ħarsien veru tal-liġi jseħħ jekk aħna nitwaħħdu miegħu, hu li fih hemm l-inkarnazzjoni tar-rieda tal-Missier. Xejn ma jiswa li nkun naf ir-regoli jekk ma nkunx naf lil Ġesù.

Ġesù kellu ħafna kontra dawk li kienu jċappsu l-liġi ma’ wiċċ il-bniedem. Ġesù ma kienx kontra l-kmandamenti, imma kontra l-legaliżmu li huwa fost il-forom l-aktar mistkerrha tal-ipokrezija għax jippretendi li min josserva l-ittra tal-liġi huwa tajjeb. Sfortunatament anki llum għandna persuni reliġjużi li huma legalisti u ma jindunawx li dak l-istrument (il-liġi) li Alla tana biex inkunu tassew bnedmin ħielsa, xi drabi jużawh bħala ġebel biex jidorbu lill-bniedem.

Ġesù kellu kontra dawk li kienu jaħsbu li f’Alla l-ġustizzja u l-liġi huma l-istess. Anki llum hawn min jisħaq li l-ġustizzja ta’ Alla tfisser l-applikazzjoni riġida tal-liġijiet. Dan mhux minnu. Min jirraġuna hekk qed jirraġuna bi skemi ta’ kif aħna nifhmu x’inhi l-ġustizzja – ġustizzja legali u retributtiva. Għal Alla l-ġustizzja tmur ’l hinn mil-loġika tar-retribuzzjoni jew tal-mertu. Għal Alla l-ġustizzja għandha isem ieħor: hija miżerikordja. Il-ħniena ta’ Alla tiżboq il-ġustizzja kif nifhmuha aħna l-bnedmin. Alla huwa ġust, imma s-sentiment tal-ħniena jirbaħ fuq is-sens ta’ ġustizzja. Huwa minnu li l-liġi ġejja minn Alla, imma Alla huwa ’l fuq mill-formulazzjoni tal-liġi. Kif jikteb San Ġakbu fl-Ittra tiegħu, “il-ħniena tirbaħ fuq il-ħaqq”.

L-imħabba lejn il-liġi mhix imħabba vera għaliex tqiegħed il-liġi qabel il-bniedem; mentri l-imħabba vera tqiegħed lill-bniedem qabel il-liġi. Billi għal Alla l-bniedem jiġi qabel il-liġi, Alla huwa konxju li xi drabi minħabba d-dgħufija tiegħu l-bniedem jieħu ż-żmien biex jifhem u jagħmel tiegħu l-liġi; jaf ukoll li xi drabi hemm min irid joqgħod għal-liġi tiegħu, imma għad ma għandux forza biżżejjed biex jagħmel dan. Fi kliem ieħor, il-bniedem jgħaddi minn proċess ta’ maturità spiritwali li jieħu ż-żmien biex gradwalment iġib il-ħajja tiegħu fi qbil sħiħ mar-rieda ta’ Alla. Għalhekk xi ħadd li sinċerament ikun f’dan il-proċess, minħabba n-nuqqas ta’ koerenza tiegħu, ma għandux jinqata’ mill-komunità ekkleżjali! Kif jikteb il-Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni appostolika Il-ferħ tal-Vanġelu, “pass ċkejken, qalb il-limitazzjonijiet kbar umani, jista’ jkun mogħġub iżjed quddiem Alla minn ħajja – li minn barra tidher tajba – ta’ min jgħaddi ħajtu bla qatt ma jħabbat wiċċu ma’ diffikultajiet importanti” (44).

F’Kana kien hemm seba’ ġarar u mhux sitta! Għax sitta kienu tal-ħaġar, imma waħda kienet Marija li ġarret fiha lil Ġesù, li bil-ħniena tiegħu jagħti l-ħajja. Kif kienet preżenti fil-komunità ta’ Kana u ppreżentat lil Ġesù bħala l-liġi l-ġdida, qiegħda wkoll fil-Knisja biex turina lil Ġesù, il-wiċċ tal-miżerikordja ta’ Alla. Nitolbu lill-Madonna Ta’ Pinu biex ma neħdux skandlu bil-miżerikordja divina. Nagħmlu l-qalb biex filwaqt li nkomplu nibnu ħajjitna skont ir-rieda ta’ Alla, nafdaw fil-Mulej Ġesù li għandu l-qawwa li kif għamel mal-ġarar ta’ Kana, jimla l-vojt ta’ ħajjitna.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading