Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Vġili tal-Festa tas-Sejħa tal-Verġni Mqaddsa Ta’ Pinu


Omelija fil-Vġili tal-Festa tas-Sejħa tal-Verġni Mqaddsa Ta’ Pinu
Santwarju Nazzjonali Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb
It-Tlieta 21 ta’ Ġunju 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

 

MIŻERIKORDJA BLA QIES

Esperjenzi li lkoll ngħaddu minnhom huma l-waqtiet ta’ qtigħ il-qalb. Jekk nibda nsemmi, jistgħu jkunu ħafna dawk iċ-ċirkustanzi li, inti min int, itaqqlulek moħħok u qalbek.

Tista’ tkun daqsxejn ta’ tfajjel, anki test fil-klassi jagħmillek it-tensjoni. Niftakar fil-ġenituri li qegħdin irabbu. It-trobbija qatt ma kienet faċli, imma llum saret aktar impenjattiva u allura jibdew jistaqsu lilhom infushom jekk humiex ser jirnexxilhom irabbu sew. Il-piżijiet tal-ħajja jagħfsu fuq kulħadd, speċjalment fuq spallejn il-ġenituri. Għalhekk ma nistagħġibx li meta titnissel il-ħajja, jibdew jibżgħu jekk humiex kapaċi jwasslu fit-tmiem it-tqala u jekk hux ser ikollhom mezzi biżżejjed biex jgħajxu lit-tarbija, eċċ. Nifhem li dan mhux biża’ żgħir, u xi drabi, maħkumin minn dan il-biża’, forsi jaslu biex jagħmlu għażliet li mbagħad jiddispjaċihom li jkunu għamluhom.

Kemm-il darba hemm min jieqaf f’nofs ta’ triq għax jaqta’ jiesu. Jiġuni f’moħħi l-vokazzjonijiet. Hemm min qed jisma’ lill-Mulej isejjaħlu, imma jibqa’ ma jagħmilx dak il-pass ċkejken ’il quddiem għax ma jkollux ċertezza biżżejjed li dik hija t-triq tiegħu jew tagħha. Imbagħad hemm dawk li jkunu bdew il-ħajja saċerdotali jew reliġjuża imma mbagħad għal xi raġuni jew oħra jintilfu għax jaqtgħu n-nifs f’nofs il-mixja!

Għandi quddiem għajnejja dawk il-koppji miżżewġa – koppji tajbin, imma meta jiltaqgħu mal-maltemp tal-ħajja, jirtiraw mill-impenji sbieħ tal-ħajja miżżewġa u tal-familja, u hekk iħottu l-binja li tant tkun switilhom sagrifiċċji.

Nista’ nibqa’ sejjer nagħmel lista ta’ esperjenzi simili li ngħaddi minnhom jien u tgħaddi minnhom inti. Taħsibx li bħala isqof ma jkollix mumenti fejn nistaqsi lili nnifsi jekk iniex ser jirnexxieli nwassal sat-tmiem il-missjoni li fdawli Alla u l-Knisja!

Imma f’dawn iċ-ċirkustanzi llejla rrid nisma’ eku ta’ dik l-assigurazzjoni li l-anġlu ta’ Alla ta lil Marija, li wkoll kellha d-dubji tagħha, kienet taf l-inkapaċitajiet tagħha, kienet konxja mil-limiti umani tagħha. Hija ddur fuq l-anġlu u tgħidlu: “Int qed tagħmilli proposta tal-ġenn, imma kif jista’ jkun dan?”. Għal darbtejn l-anġlu jserrħilha moħħha u jgħidilha biex ma tibżax, għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.

Illum, lejlet din il-ġrajja li għalina l-Maltin u l-Għawdxin tfisser ħafna, għax minn din il-kappella ċkejkna l-Madonna sejħet lil Karmni Grima, nixtieq li nħallu lil Marija “ssejħilna”, lilna li ninsabu fil-baħar imqalleb tal-ħajja, biex tiżgurana mill-appoġġ li Alla jrid jagħtina. Marija qiegħda tgħidilna: “Tibżgħux, agħmlu l-qalb, għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”. Qegħdin ngħixu f’soċjetà mtaqqla u li għandha ġerħat kbar – f’soċjetà li qed taqta’ qalbha. Lil din is-soċjetà aħna wkoll nixtiequ nwieżnu billi niżgurawha li l-Mulej huwa magħna – għaliH ma hemm xejn li huwa impossibbli.

Ma nistax ma nirriflettix dwar id-dimensjoni tad-dnub f’ħajjitna. Min minna hu bla dnub? Dan mhux il-każ ta’ Marija, għax hi kienet imnissla mingħajr tebgħa. Konxji mid-dnub tagħna, nibdew naħbtu naqtgħu qalbna mill-miżerikordja ta’ Alla. Nibdew nissuspettaw li d-dnub tagħna ma jinħafirx – u billi ma hemmx mediċina li tista’ tfejjaqhom, il-feriti tagħna ser jibqgħu miftuħa. Fi kliem ieħor, aħna ma aħniex żguri mill-ħniena infinita ta’ Alla!

Għeżież, ma naqtgħux qalbna mill-ħniena ta’ Alla. Ma hemm ebda dnub li ma jinħafirx. Għal Alla ma hemm ebda dnub li jista’ jrażżan il-ħniena infinita tiegħu. Huwa minnu li l-ġustizzja hija virtù ta’ Alla. Imma f’Alla l-miżerikordja tgħaddi l-ġustizzja. Għaliex il-ġustizzja ta’ Alla hija differenti mill-mod kif aħna nifhmuha. Il-Papa Franġisku jgħidilna illi kieku Alla kellu jieqaf sal-ġustizzja, kieku ma kienx jibqa’ Alla; minflok, kien ikun bħall-bqija tal-bnedmin li ninsistu fuq ir-rispett lejn il-liġi. “Alla jmur ’l hemm mill-ġustizzja bil-ħniena u l-maħfra”. Alla huwa ’l fuq mil-liġi, u l-liġi fundamentali tiegħu hija l-miżerikordja.

Għalhekk, meta llum qegħdin niċċelebraw din il-ġrajja fil-Ġublew tal-Ħniena, nixtieq inkun l-anġlu tal-Mulej għalikom li tinsabu magħkusin taħt il-piż tal-ħażen u ngħidilkom: La tibżgħux, għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax ikun! Il-miżerikordja tiegħu hija bla qies. Flimkien mal-Madonna Ta’ Pinu nfaħħru lil Alla għax tassew għamel magħna ħwejjeġ kbar.