Omelija tal-Isqof Mario Grech fl-Ordinazzjoni Djakonali


Omelija fl-Ordinazzjoni Djakonali
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
Il-Ġimgħa 24 ta’ Ġunju 2016, Solennità tat-Twelid ta’ San Ġwann Battista
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

AĦDMU ĦALLI JKOLLNA KULTURA TAL-GĦOTJA

Illum fis-soċjetà hemm regola waħda li qed tmexxi kollox: il-loġika tas-suq. Xejn mhu b’xejn. Ma rridx inkun politiku, imma ma nistax ma nosservax x’qed iseħħ madwarna fid-dinja tal-politika. Ilbieraħ l-Ingilterra għamlet id-deċiżjoni li toħroġ mill-Unjoni Ewropea. Nittama li ma kinitx il-liġi tas-suq li ddetterminat dan il-vot. Nittama li l-motivazzjoni wara din l-għażla ma kinitx biex in-nazzjon Brittaniku joqgħod sewwa hu u ma jikkontribwixxix biex itaffi l-piżijiet ta’ popli oħra kemm Ewropej u kemm li qegħdin ’l hinn mill-konfini tal-Ewropa. Daqshekk tista’ tkun qawwija l-liġi tas-suq! Illum minħabba s-sens qawwi ta’ individwaliżmu, egoiżmu u narċisiżmu – kemm fuq livell personali u kemm fuq livell kollettiv – is-soċjetà qed toħloq ħafna skart uman.

Huwa minnu li hemm ħidma karitattiva għaddejja. Ma humiex ftit dawk li huma sinċieri fil-karità li jagħmlu; imma hemm ukoll min jinqeda bil-karità għal finijiet egoistiċi. Ngħidu aħna, hemm dawk li matul is-sena ma jħallsux it-taxxa, imbagħad biex isikktu l-kuxjenza jagħmlu ċerti għotjiet biex jgħinu. Din karità? Hemm ukoll dawk li huma lesti li jagħmlu għotjiet lill-oħrajn, imma mbagħad jaħkmu fuq dik il-persuna jew għaqda li jkunu wieżnu – jisirqulhom il-libertà! Din karità? Bir-raġun l-antiki kienu jgħidu: “Timeo Danaos et dona ferentes” – Nibża’ mill-Griegi meta joffru r-rigali! Hemm oħrajn li jagħmlu l-karità għal wiċċ in-nies biex jidhru li huma ġenerużi. Din karità?

F’dan il-kuntest il-poplu ta’ Alla għandu proposta: kontra l-loġika tas-suq hemm il-loġika tad-don jew tal-gratwità li għandha qawwa li ġġib rivoluzzjoni mhux biss fil-qasam ekonomiku imma wkoll fil-qasam uman.

Ir-rakkont tat-twelid ta’ San Ġwann il-Battista huwa minsuġ propju bil-ħjut ta’ din il-loġika tal-għotja. Il-Mulej wera ħniena kbira ma’ Eliżabetta u fi xjuħitha taha iben. Alla kien ġeneruż ma’ Żakkarija u reġa’ tah mhux biss id-don tal-kelma imma wkoll id-don tal-fiduċja fiH. Anki l-isem mogħti lit-tifel, “Ikun jismu Ġwanni”, ifisser li din it-tarbija hija don. Ġwanni kien tassew don ta’ Alla għall-poplu Lhudi għax kien l-aħħar profeta li Alla pprovdielhom biex jgħinhom jilqgħu lil Kristu, li huwa l-ikbar don ta’ Alla għalina.

Alla min-natura tiegħu huwa “għotja”. Alla huwa mħabba bla tarf u għandu d-dgħufija li din l-imħabba ma jafx iżommha għalih, għalhekk kontinwament iferra’ l-abbundanza tal-grazzja fuq l-umanità. Il-kelma “grazzja” ġejja mill-Grieg charis li tfisser favur jew għotja li mhix meritata. Fid-dawl ta’ dak li jikteb San Pawl, “fejn kotor id-dnub, kotrot il-grazzja” (Rum 5:20), il-grazzja ta’ Alla hija mħabba gratuwita, ħielsa, mingħajr ebda kundizzjoni u fidila għal dejjem. Alla ma jħobbx b’dover – għax nimmeritaw din l-imħabba, imma l-imħabba tiegħu tgħaddina u tasal għandna qabel ma aħna stess nagħmlu xi ħaġa biex tkun tisħoqqilna. Saħansitra Alla ħabbna meta konna għadna midinbin – meta konna għadna għedewwa tiegħu Alla ħabbina miegħu bis-saħħa tal-mewt ta’ Ibnu (ara Rum 5:6-10). Għalhekk il-grazzja ta’ Alla hija miżerikordja. Dan kollu jsib il-qofol tiegħu fi Kristu, li huwa l-wiċċ tal-miżerikordja tal-Missier. Kristu huwa l-grazzja li ssir laħam biex il-laħam tagħna jiddakkar minn dan id-don tal-għotja.

Din hija l-verità li aħna hemm bżonn nikkonvinċu aktar ruħna dwarha. Nistagħġeb kif illum hawn min jitfixkel quddiem il-fatt li Alla huwa ġenerożità gratuwita u miżerikordja bla qies. Anki Ġwanni l-Battista għal ftit instaram quddiem Kristu għani fil-ħniena. Hu li pprietka l-korla ta’ Alla u li Alla kien bil-mannara f’idejh lest biex is-siġra li ma tagħmilx frott jaqtagħha u jitfagħha fin-nar, meta ġie wiċċ imb wiċċ mal-Ħniena inkarnata, xandar li kien wasal il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja. Għalhekk titfixklux quddiem il-miżerikordja ta’ Alla. Meta l-iben il-ħali ġie lura f’dirgħajn missieru, il-missier ħaddnu u ħabbu mingħajr ebda kundizzjoni; kienet l-esperjenza ta’ din l-għożża paterna – ta’ dan id-don tal-imħabba – li mbagħad għenet lit-tifel isib postu fil-familja! Il-loġika tal-għotja ma tafx x’inhi l-meritokrazija – il-maħfra mhix frott tal-indiema, imma nħossuna niedma wara li nkunu rċivejna l-grazzja tal-maħfra. Fi kliem il-Papa Benedittu XVI, “id-don min-natura tiegħu jmur lil hinn mill-mertu, ir-regola tiegħu hija s-soprabbundanza” (Caritas in veritate, 34).

Għeżież Michael u Carl, illum intom ser tersqu biex tirċievu d-don tad-djakonat. Id-djakonija tqiegħed fil-prattika l-loġika tal-għotja. Permezz ta’ dan il-grad fl-Ordni Sagri, Alla qed jagħtikom don biex intom tkunu don (għotja) għall-komunità. Illum intom qed tagħmlu din l-għotja tagħkom infuskom (suppost irreversibbli) lil Alla u lill-Knisja. Tkunux xħaħ, imma kunu ġenerużi fis-servizz li toffru lill-bnedmin, partikularment lill-foqra. Tagħmlux kalkoli – b’xejn ħadtu u b’xejn agħtu. Tħallux li l-ministeru tagħkom ikun ikkundizzjonat mil-liġi tas-suq. Jeżisti r-riskju li wieħed jagħmel mill-ministeru qaddis strument ta’ lukru – jekk din it-tentazzjoni tirbaħna, dan ikun it-tmiem tagħna. Kunu don gratuwitu għal kulħadd. Fil-ħajja tagħkom bħala djakni u ’l quddiem bħala saċerdoti ser tiltaqgħu ma’ persuni li skont il-kriterji umani ma jkunx jistħoqqilhom is-servizz tagħkom. Ser ikun hemm ukoll min toffrulu mħabbitkom imma jirrifjutaha jew iwieġeb bi vjolenza. Lil dawn ukoll tridu tibqgħu tħobbuhom – għal dawn ukoll tridu tingħataw! Din tfisser l-imħabba gratuwita. Il-loġika tal-għotja ma tistenniex reċiproċità. Agħmlu minn ħajjitkom prietka li titkellem fuq din il-loġika tal-għotja li tagħmel differenza kbira fil-ħajja ta’ ħafna. Għandha qawwa li tqabbad proċess ta’ umanizzazzjoni. Meta tħaddmu l-loġika tal-gratuwità jfisser li tkunu qrib tal-bniedem. Aktar ma l-bniedem għandu ġrieħi, aktar jeħtieġ il-preżenza tagħkom. Tirrendux il-ministeru tagħkom għal preżenza waqt il-kult liturġiku, imma ħa jkun il-ministeru tagħkom opportunità biex tidħlu fid-drammi tal-umanità. Ma nixtiqkomx li tkunu biss dawk li “tassistu” waqt li jkun qed isir is-sagrifiċċju fuq l-altar, imma kunu intom stess li toffru lilkom infuskom b’sagrifiċċju. Ħa tkun ħajjitkom kollha kemm hi debħa lil Alla billi tinfnew għaliH fil-qadi tal-proxxmu. Naqsam magħkom xi ħaġa li lili tagħtini ħafna faraġ. Ġieli nidħol lura d-dar tard billejl wara jum ta’ impenji pastorali. Għalkemm inkun għajjien mejjet, inkun ferħan, għax infakkar lili nnifsi li dik l-għeja hija frott tal-qadi tiegħi lil Alla – frott tal-għotja tagħna lil Alla u lill-oħrajn.

Hemm sentenza li qalha Kristu, imma ma tinstabx fil-Vanġeli, imma fl-Atti tal-Appostli. Meta San Pawl jagħmel dan id-diskors sabiħ lill-presbiteri f’Miletu, jgħidilhom: “Niftakru fi kliem il-Mulej Ġesù li qal: ‘Min jagħti huwa aktar hieni minn min jieħu’” (20:35). B’dawn il-kelmiet inħeġġiġkom biex taħdmu ħalli jkollna kultura tal-għotja.