Diskors tal-Isqof Mario Grech lill-għalliema fl-Iskejjel tal-Knisja

Print Friendly, PDF & Email

Diskors lill-għalliema fl-Iskejjel tal-Knisja
Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika, ir-Rabat, Malta
It-Tlieta 21 ta’ Ġunju 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

GĦALLIEMA TEOLOGI

Aħna l-isqfijiet u l-għalliema fl-iskejjel tal-Knisja naħdmu proġett bi sħab għax għandna missjoni waħda: li ngħinu lis-soċjetà tagħna jkollha wiċċ aktar uman. M’hemmx umanità mingħajr miżerikordja. Aktar ma tkompli tinxef il-kompassjoni fil-bniedem, aktar inkomplu ninżgħu mill-umanità u nagħmlu għażliet li jfieru, jekk mhux ukoll jeqirdu, il-ħajja umana. Jekk titneħħielna l-umanità, insiru lpup, għax kif kien jgħid Plautus, “homo homini lupus”. Effettivament, l-umanità mhux biss hija midruba, imma hija wkoll mifxula għax ma tafx kif ser tfejjaq il-ġrieħi li għandha. Meta jirrifletti fuq is-soċjetà ta’ żmienu, Albert Camus josserva li llum l-unika problema filosofika li għandna hija s-suwiċidju. Min-naħa l-oħra, Habermas jiftħilna għajnejna għax jekk jinxfu l-oasi utopiċi, ikompli jinfirex id-deżert magħmul minn ħwejjeġ banali u li jinkwetawna.

Imma kif qal il-Papa Franġisku meta indirizza l-Kungress Nazzjonali tal-Knisja fl-Italja li sar f’Firenze f’Novembru li għadda, “aħna nistgħu nitkellmu biss dwar l-umaniżmu jekk nitilqu minn Ġesù Kristu li fih insibu l-karatteristiċi tal-wiċċ uman awtentiku. Hija l-kontemplazzjoni tal-wiċċ ta’ Ġesù, li qam mill-mewt, li terġa’ tgħaqqad l-umanità mtertqa tagħna, anki dik imkidda bit-taħbit tal-ħajja jew immarkata bid-dnub. Hemm bżonn ma nidrawx il-qawwa tal-wiċċ ta’ Kristu. Huwa wiċċ il-ħniena… Ġesu huwa l-umaniżmu tagħna. Meta nħarsu lejn wiċċu x’naraw? Naraw il-wiċċ ta’ Alla ‘mbattal’, ta’ Alla li ħa s-sura ta’ qaddej, umiljat u ubbidjenti sal-mewt. Il-wiċċ ta’ Kristu jixbah il-wiċċ ta’ ħafna minn ħutna li huma umiljati, ilsiera u mbattla. Alla ħa l-wiċċ tagħhom. Dak Alla li fi kliem Sant’Anselmu ‘ma hemm xejn li nistgħu naħsbu li jista’ jgħaddih, sar ikbar milli hu billi tbaxxa…’. Aħna ma nifhmu xejn mill-milja tiegħu jekk ma naċċettawx li Alla xejjen lilu nnifsu. Għaldaqstant ma nifhmu xejn mill-umaniżmu Kristjan u kliemna jkun kliem sabiħ, raffinat, imma mhux kliem tal-fidi”. Għalhekk il-Papa jgħidilna li sewwa nagħmlu meta ninkwetaw kif ser inwieġbu l-mistoqsija li jagħmlilna Ġesù: “Intom min tgħidu li jien?” (Mt 16:15), għax mistoqsija bħal din timbuttana biex inkomplu niskopru l-wiċċ tiegħu.

Din il-mistoqsija jagħmluhielna l-istudenti tagħna, forsi mhux dejjem fi kliem daqshekk dirett imma f’għamla aktar sottili bħal meta jistaqsuna jekk Alla jeżistix, jew għaliex Alla jippermetti t-tbatija! Jekk Alla jaħfer, għaliex hemm min iqiegħed limitu għall-maħfra? Alla jikkastiga? Irrid ngħid li dawn il-mistoqsijiet qabel jagħmilhomlna ħaddieħor, inkunu diġà smajniehom jidwu fil-kuxjenza tagħna. Huwa fatt li l-bniedem għandu x-xorti li jinsab ikkundannat li jgħix fuq il-konfini bejn l-art u s-sema, bejn iż-żmien u l-eternità. Għaldaqstant qatt ma jħossu sħiħ. Il-fatt li dejjem inħossu li jonqosna xi ħaġa huwa sinjal li hemm Alla – għax il-qalb tal-bniedem ma tistrieħx jekk mhux f’Alla! Fuq din il-ġerħa Alla jibqa’ jitfa’ l-melħ biex tkompli taħraqna, inħossuna skomdi (miskin hu min huwa komdu fir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla… min jaħseb li wasal!), u nibqgħu nixxennqu għal xi ħaġa oħra u għal xi ħadd ieħor li ma niltaqgħux miegħu matul l-istorja tagħna fuq din l-art, imma niskopruh f’Alla. Huwa għalhekk li l-Vanġelu jibqa’ manwal li xi darba jew oħra ser inkunu ttentati li naqbduh f’idejna! F’dan il-kuntest, kuntrarjament għal dak li jgħid Nietzsche, id-dikjarazzjoni tal-mewt ta’ Alla ma twassalx biex il-bniedem ikun ħieles, imma biex tintilef id-dinjità umana u t-tama.

Fl-istess waqt irridu nirrikonoxxu li llum hemm diversi li ma jinteressahom xejn dwar Alla. Qed dejjem jiżdied il-għadd ta’ dawk magħrufa bħala “ateisti Kristjani”. Ħafna Nsara jikkuntentaw ruħhom b’laqta reliġjuża u l-medjokrità spiritwali tagħhom tinxamm minn mili ’l bogħod. Id-disaffezzjoni reliġjuża fost il-ġenerazzjoni tal-adolexxenti u ż-żgħażagħ hija evidenti, tant li diversi ma jaħsbuhiex darbtejn li jgħaddu mil-lezzjoni tar-reliġjon għal dik tal-etika.

Meta quddiem dan il-fenomenu nistaqsu x’qed jiġri, nistgħu nagħmlu lista ta’ għadd ta’ fatturi. Imma waħda mill-kawżi prinċipali hija li t-teoloġija (fis-sens wiesa’ tal-kelma), meta titkellem dwar min hu Alla, tieħu approwċ wisq filosofiku u metafiżiku. Kasper ġustament jistaqsi: “Un Dio pensato cosi apatico puo veramente essere simpatico?”. Riflessjoni astratta dwar Alla tirrendi lil Alla ’l bogħod mir-realtà umana. Din il-qasma bejn l-esperjenza ta’ kuljum u l-predikazzjoni tal-fidi/katekiżmu kellha konsegwenzi katastrofiċi. Messaġġ “kiesaħ” dwar Alla jġib reazzjoni kiesħa. Għalhekk huwa dan l-approwċ Bibliku u esperjenzjali li jista’ jgħinna niskopru l-wiċċ kollu ħniena ta’ Alla. Għax fi kliem il-profeta Hosegħa, Alla aktar irid li nagħrfuh milli noffrulu vittmi maħruqa; irid il-miżerikordja aktar milli noffrulu s-sagrifiċċji. Bħala kunċett, vittmi maħruqa u sagrifiċċji huma relatati; imma naħseb li l-bniedem irid jagħmel ftit sforz biex jixtarr il-ħsieb ta’ Alla meta jpoġġi flimkien “miżerikordja u għarfien”. Enzo Bianchi fil-ktieb tiegħu L’amore scandaloso di Dio jikkonkludi hekk: “Significa che Dio lo possiamo conoscere solo in un’esperienza passiva di misericordia, di amore e di riconciliazione, altrimenti diventa un idolo che ci fabbrichiamo su misura, il prodotto delle nostre proiezioni. L’inferno per l’uomo, per ognuno di noi, è non essere perdonati da nessuno”. Għalhekk, fid-dawl tal-affermazzjoni tal-profeta Hosegħa, l-għarfien li għandu jkollu l-bniedem ta’ Alla mhux wieħed intellettwali (gnosi), imma għarfien frott tal-esperjenza tal-miżerikordja ta’ Alla.

“Il-ħniena hi l-ewwel attribut ta’ Alla. Hi l-isem ta’ Alla. Ma hemm ebda sitwazzjoni li ma nistgħux noħorġu minnha, m’aħniex ikkundannati biex negħrqu fir-ramel” (il-Papa Franġisku). Huwa minnu li l-ġustizzja hija wkoll attribut ta’ Alla; imma f’Alla l-miżerikordja hija l-ogħla għamla ta’ ġustizzja – il-miżerikordja tirbaħ fuq il-ġustizzja. Hemm min jinfixel meta jikkonfronta l-ġustizzja mal-miżerikordja, imma din hija problema għall-mod kif naħsbu ta’ bnedmin li aħna. Huwa fatt li għalina mhux faċli naħsbu kif jaħseb Alla, imma jibqa’ l-fatt li għal Alla l-ġustizzja tmur ’l hinn mil-loġika tar-retribuzzjoni jew tal-mertu. Aħna naħsbu li l-ħniena tiġi applikata biex tnaqqas il-ħruxija tal-ġustizzja, imma Alla mhux dak li japplika l-liġi, imma huwa l-istess leġislatur, u għalhekk il-ġustizzja ta’ Alla mhix ġustizzja legali.

Dejjem fil-profeta Hosegħa naqraw li l-poplu Lhudi naqas mill-fedeltà tiegħu lejn il-“patt” ma’ Alla – kiser il-kuntratt li kellu ma’ Alla. Skont il-mens tagħna, Alla li hu ġust suppost ikkundanna u kkastiga lill-poplu infidil. Imma minflok, Alla jirraġuna hekk: Kieku kelli nħaddem il-ġustizzja, kelli nwarrbek u nerħik, imma “daret għalija qalbi, tqanqlet bil-bosta ħnienti. Le, ma nħaddimx il-korla mħeġġa tiegħi… għax jien Alla u mhux bniedem, jien f’nofsok il-qaddis, jien ma niġix biex neqred” (11:8-9). X’atteġġjament straordinarju! Mela Alla huwa ġust, imma s-sentiment tal-ħniena jirbaħ fuq is-sens ta’ ġustizzja…, għax f’Alla l-ġustizzja hija miżerikordja. Kif jikteb San Ġakbu fl-ittra tiegħu, “il-ħniena tirbaħ fuq il-ħaqq”.

L-uniku mod kif wieħed jikkonvinċi ruħu mill-benna tal-ħniena ta’ Alla huwa billi jduqha huwa stess. Imma jagħmel esperjenza tagħha biss min jammetti li huwa midneb u mhux ġust, min jirrikonoxxi li huwa marid u mhux spiritwalment bully. Propju għalhekk wieħed mill-Missirijiet tad-deżert jikteb li “min jagħraf id-dnubiet tiegħu huwa akbar minn min jagħmel il-mirakli u jqajjem il-mejtin”. Id-dnub huwa ikrah, imma lanqas id-dnub ma jifridna mill-imħabba ta’ Kristu, anzi, kif kien jgħid Ġwanni Pawu II, id-dnub huwa okkażjoni biex wieħed jagħmel esperjenza tal-ħniena ta’ Alla li waħidha tagħti l-ħajja.

Ma nitħawdux jekk il-miżerikordja ta’ Alla tista’ tkun skandlu. Mill-Vanġeli nafu li fi żmien Kristu n-nies ma tfixklux meta rawh ifejjaq jew jitma’ lil min kien bil-ġuħ; lanqas kienet il-predikazzjoni tiegħu, anki jekk ġieli kien qawwi fi kliemu. Imma dak li skandalizza kien il-miżerikordja li hu kien juri mal-midinbin. Min jaf kemm qalu: Issa żżejjed… dan qed jagħmlu biex jirbaħ is-simpatija u jikber fil-popolarità! Saħansitra Ġwanni l-Għammiedi tħawwad. Hu kien jipprietka li l-Messija ġej kollu korla, bil-mannara f’idu biex kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar (ara Mt 3); imbagħad wasal Ġesù, li kien jagħmilha mal-midinbin, tant li l-Fariżej u l-kittieba kkalunnjawh bħala wikkiel u sakranazz, ħabib tal-pubblikani u l-midinbin (ara Mt 11:19).

Għalhekk ma nistagħġibx li llum ukoll hemm dawk li jitfixklu quddiem il-proposta tal-miżerikordja ta’ Alla. Il-Prijur ta’ Bose jikteb li “l-messaġġ tal-ħniena ma jintlaqax minn dawk li jaħsbu li huma ġusti u paċi ma’ Alla, mentri għal dawk li huma mċappsa bid-dnub u qed jistennew li taslilhom il-maħfra, dan id-diskors huwa balzmu”. Min huwa konvint li huwa safi jilmenta li hawn il-ħela tal-miżerikordja, imma min hu bħal dak il-paralitiku li kien ilu snin ħdejn il-menqgħa ta’ Silwam jistenna biex forsi xi darba jerġa’ jħoss il-freskezza tal-ilma tal-fonti tal-Magħmudija, il-miżerikordja ta’ Alla taqtagħlu xewqtu.

Imma kif nistgħu nirrazzjonaw il-ħniena meta nafu li Ġesù “tqanqal fil-ġewwieni tiegħu” biex ifejjaq lil-lebbrużi fil-jum tas-Sibt? Kif aċċetta li jmur fuq il-mejda ma’ min kien manifestament jikser il-liġi ta’ Alla? Ċertu kliem li jgħid fih tassew x’wieħed jomgħod: bħal meta jgħid li Alla huwa bħal dak il-missier li jilqa’ lil ibnu lura mingħajr ma jagħmillu ebda ċanfira; meta jiddeskrivi bħala ġust lil dak is-sid li ma jimxix bil-prinċipju tal-proporzjon jew meritokratiku u jagħti l-istess paga lill-ħaddiema kollha; meta jippreżenta lil dak ir-ragħaj li jħalli disgħa u disgħin nagħġa waħidhom biex imur ifittex waħda mqarba. Kif nispjegaw il-fatt li lil dik li nqabdet fl-adulterju, jaħfrilha mingħajr ma jagħmlilha ebda kundizzjoni, u jibgħatha fil-paċi?

Il-Vanġeli huma miżgħuda b’xeni bħal dawn u forsi aħna wkoll naslu biex nirrimarkaw: Imma allura fejn hija l-ġustizzja ta’ Alla? Din il-miżerikordja mingħajr limitu bħal donnha tagħmilha ħafifa li wieħed jidneb! Nerġa’ ngħid, meta nirraġunaw b’dan il-mod inkunu qed nittantaw lil Alla biex japplika l-ġustizzja kif nifhmuha aħna l-bnedmin – ġustizzja punittiva! Imma kif tgħid l-Iskrittura, it-toroq ta’ Alla ma humiex it-toroq tagħna l-bnedmin. Kif jikteb il-Papa Franġisku, “kieku Alla kellu jieqaf sal-ġustizzja, kieku ma kienx jibqa’ Alla; minflok kien ikun bħall-bqija tal-bnedmin li (meta jidhrilna) ninsistu fuq ir-rispett lejn il-liġi. Il-ġustizzja waħidha mhix biżżejjed u l-esperjenza tgħallimna li jekk infittxu biss lilha, inkunu nirriskjaw li neqirduha. Summum ius summa iniustitia. Għalhekk Alla jmur ’l hemm mill-ġustizzja bil-ħniena u l-maħfra. Dan ma jfissirx li niżvalutaw il-ġustizzja. Min jiżbalja jrid jiskonta l-piena, biss dan mhux it-tmiem, imma l-bidu tal-konverżjoni biex jista’ jduq il-ħlewwa tal-maħfra” (MV, 21). Fi kliem il-Papa Franġisku, “l-ebda dnub tal-bniedem, hu kemm hu kbir, ma jista’ jgħaddi lill-ħniena ta’ Alla jew irażżanha” (il-Papa Franġisku, L-Isem ta’ Alla huwa Ħniena, p. 61). Mhux l-indiema taqla’ l-maħfra, imma hija l-maħfra li tingħatalna li tqanqalna għall-indiema u l-proponiment li nagħmlu s-sewwa.

Misericordiæ Vultus. Dan ma jfissirx biss li l-ħniena ta’ Alla għandha wiċċ, li huwa Ġesù Kristu; imma jfisser ukoll li Alla jaf il-wiċċ ta’ kull wieħed minna u b’ħarstu fuq wiċċna, huwa jaqra l-istorja ta’ kull wieħed u waħda minna u jimxi magħna b’mod personali, għax għalih kull bniedem għandu l-uniċità tiegħu u huwa irrepetibbli. Il-wiċċ jirrifletti l-uniċità ta’ kull persuna. Għalhekk il-mod kif nistgħu nagħmlu esperjenza tal-ħniena tiegħu huwa uniku u ma jista’ jiġi mqabbel ma’ ebda ġrajja ta’ persuna oħra. Għaldaqstant, meta xi ħadd li skont l-għarfien limitat li jkollna tiegħu jidher li jkun f’sitwazzjoni li oġġettivament tkun tiskontra mal-Kelma ta’ Alla, ma għandniex għalfejn nitfixklu jew nieħdu skandlu. Ħafna drabi, għalkemm ikollna konoxxenza tiegħu, aħna nkunu nafu biss il-bixra tiegħu u mhux il-wiċċ veru tiegħu. Dan jista’ jkun il-każ tal-bniedem b’żewġt uċuħ f’sens pożittiv: hemm il-bixra li jinnota kulħadd, imbagħad hemm il-wiċċ li jirrifletti dak biss li l-individwu jħallih jirrifletti. Għalhekk il-ġudizzju għandna nħalluh għal Alla.

Huwa biss jekk aħna personalment inkunu għamilna din l-esperjenza ta’ Alla ħanin li nistgħu nittrasmettu lill-oħrajn din il-Bxara t-tajba. Meta aħna nirċievu din ir-rivelazzjoni, aħna ngħadduha lill-oħrajn, fil-każ tagħna lill-istudenti tagħna. Biex isseħħ din it-trasmissjoni għandna bżonn inkunu nafu l-wiċċ ta’ kull student, inkwantu li fuq il-wiċċ naraw dak li hemm fil-profondità tal-persuna li għandna quddiemna. Il-wiċċ jirrakkonta t-tensjoni li jkun għaddej minnha l-istudent, il-kisbiet u l-fallimenti li jkun qed jgħix, id-dubji li jkunu jifilġuh, ix-xewqat li jkun jixtieq jara jitwettqu. Il-wiċċ ikun fih ukoll il-marki tal-istorja tal-familja tiegħu – ħafna drabi huwa propju mill-wiċċ li jikxef id-drammi tal-ħajja li dak li jkun jipprova jostor. Meta fir-relazzjoni tagħna mal-istudenti ma nagħtux kas tal-uċuħ, faċli jiġrilna bħas-saċerdot u l-Levita li Ġesù jsemmi fil-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb: nibqgħu ’l bogħod mill-ġrajja li tkun qed tintiseġ fil-ħajja ta’ dak l-istudent. Aktar ma nittawlu f’għajnejn dak li jkun, aktar nistgħu naraw il-ġerħat, it-tiċrit u l-imbarazz li wieħed ikollu fl-intern tiegħu biex imbagħad nuru kompassjoni u ħniena. Dan ikun l-aqwa rakkont tal-Vanġelu li għalliem jista’ joffri.

Sa miż-żminijiet tan-nofs, it-tradizzjoni Nisranija tipproponi l-għemejjel tal-ħniena: sebgħa li jolqtu l-ġisem u sebgħa oħra lill-ispirtu. Dawn tal-aħħar jappellaw b’mod partikulari għall-istituzzjonijiet edukattivi għaliex huma indirizzati għall-bniedem inkwantu essri spiritwali li għandu l-fakultajiet li jifhem u jiddeċiedi – għandu l-kuxjenza u l-libertà. It-tnejn huma relatati ma’ xulxin. Il-grad ta’ libertà jvarja skont kemm wieħed ikollu kuxjenza ffurmata. Fost l-għemejjel tal-ħniena li jmissu l-ispirtu hemm li tagħti parir, tfarraġ, tqawwi l-qalb, twissi, tgħallem u tissaporti. Permezz ta’ dawn l-għemejjel wieħed jista’ jgħin lill-istudent jifforma dik il-fakultà li tgħinu jisma’ l-eku tal-vuċi ta’ Alla. Impenjata fid-dixxerniment, il-kuxjenza hija laboratorju tal-miżerikordja ta’ Alla. Fil-fatt huwa fil-kuxjenza li “ħafna drabi (l-Insara) jwieġbu bl-aħjar mod possibbli għall-Vanġelu qalb il-limiti tagħhom u jistgħu jmexxu ’l quddiem id-dixxerniment personali tagħhom quddiem sitwazzjoni li fiha jitkissru l-iskemi” (AL 37). Il-kuxjenza għandha funzjoni li tmur ’l hinn minn waħda ta’ karattru normattiv: “Kuxjenza mdawla, iffurmata u akkumpanjata mid-dixxerniment responsabbli u serju tar-Ragħaj… tista’ mhux biss tagħraf li sitwazzjoni ma tweġibx oġġettivament għall-proposta ġenerali tal-Vanġelu, imma tista’ anki tagħraf b’sinċerità u onestà dik li fil-mument preżenti tista’ tkun it-tweġiba ġeneruża li tista’ tiġi offruta lil Alla, u tiskopri b’ċerta ċertezza morali li dik hi l-għotja li Alla nnifsu qiegħed jitlob qalb il-kumplessità konkreta tal-limiti, minkejja li għad mhijiex b’mod sħiħ l-ideal oġġettiv” (AL 303).

Nemmen li dan il-Ġublew tal-Ħniena qed jibgħat messaġġ lill-Knisja lokali preżenti fl-iskejjel. Fi żmien meta qed naraw iseħħu madwarna tibdiliet kbar, ma nistgħux nibqgħu passivi. Mhux billi nagħmlu kruċjati, imma billi nieħdu dawk l-inizjattivi biex noffru l-ħniena, prinċipalment billi nieħdu dawk il-passi, anki ċkejkna, biex ngħinu lill-proxxmu tagħna jintebaħ li Alla huwa viċin tiegħu – u li ma hemm xejn imniġġes li ser inaffar lil Alla. Fi Kristu l-miżerikordja ta’ Alla ħadet għamla ta’ laħam; aħna mhux biss nistgħu mmissu magħha, imma bħal Kristu nsiru l-wiċċ tal-miżerikordja għall-bniedem tal-lum.

Nofs ta’ seklu ilu, Piju XII kien qal li t-traġedja ta’ dak iż-żmien kienet li kienu tilfu s-sens ta’ dnub, il-kuxjenza ta’ x’inhu dnub. Ma’ dan illum nistgħu nżidu t-traġedja li nqisu l-ħażen tagħna, id-dnub tagħna, bħala xi ħaġa li ma tistax titfejjaq jew tinħafer. Neqsin mill-esperjenza konkreta tal-ħniena. “Id-dgħufija taż-żminijiet li qed ngħixu fihom hi dan ukoll: li sirna nemmnu li m’hemmx possibbiltà ta’ fidwa, ta’ driegħ li jista’ jerfagħna, ta’ tgħanniqa li ssalvana, taħfrilna, terġa’ tgħollina ’l fuq, timliena bi mħabba bla tarf, li tistabar, li tagħder, li terġa’ tqabbadna t-triq” (il-Papa Franġisku, L-Isem ta’ Alla huwa Ħniena, p. 32).

Meta niffaċilitaw laqgħa bejn il-fqir (fis-sens wiesa’ tal-kelma) mal-ħniena, jiġi inawgurat proċess ta’ umanizzazzjoni li jaf jissorpendina fejn jista’ jwassal. Min juża l-miżerikordja jkun qed jevanġelizza lil Alla. Il-miżerikordja hija l-mutur biex tinbena ċiviltà umana, partikularment f’epoka fejn il-maħfra (fil-familji, fuq ix-xogħol, fost il-ħbieb) qed issir virtù skars. Il-psikanalista Massimo Recalcati jistqarr li mill-attività professjonali tiegħu jikkonferma li jekk hemm esperjenza umana li tixbah lil dik tal-qawmien mill-mewt, hija l-esperjenza li tirċievi l-maħfra, għax il-maħfra toffri lil dak li jkun ċans ġdid biex jerġa’ jibda jgħix.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading