Stqarrija tal-Isqof Mario Grech u l-Kappilani ta’ Għawdex. Għas-Saħħa ta’ Wliedna.


UFFIĊĊJU KOMUNIKAZZJONI KURJA VESKOVILI TA’ GĦAWDEX
Stqarrija għall-Istampa 16 ta’ Ġunju 2016

STQARRIJA TAL-E.T. MONS. MARIO GRECH, ISQOF TA’ GĦAWDEX, U TAL-KULLEĠĠ TAL-KAPPILLANI TA’ GĦAWDEX

GĦAS-SAĦĦA TA’ WLIEDNA

Konxji mit-tħassib tal-ġenituri, għalliema u edukaturi tat-tfal u l-adolexxenti, nixtiequ nagħmlu appell lill-Awtoritajiet fil-bidu tal-istaġun tas-sajf biex f’Għawdex jiġu infurzati l- liġijiet eżistenti dwar il-ħarsien tat-tfal u l-adolexxenti tagħna.

Ħafna drabi jiġri li l-liġijiet diretti li jirregolaw il-bejgħ u l-użu tal-alkoħol mhux qed jiġu infurzati. Hu inkwetanti li minn tagħrif mogħti fil-Parlament, mis-sena 2014 sal-lum jirriżulta li f’Għawdex ħadd ma nqabad jagħti xorb alkoħoliku lill-persuni taħt l-età meta dan isir taħt għajnejn kulħadd sew f’marċijiet, każini, diskoteki u ħwienet li jbigħu l-fliexken tax-xorb. Din it-theddida għas-saħħa tal-minuri ssir wisq aktar gravi meta f’waqtiet ta’ divertiment tkun għaddejja d-droga.

Wieħed jittama li meta persuni taħt l-età jiddaħħlu b’emerġenza l-isptar għax ikunu taħt l- effett ta’ alkoħol eċċessiv jew tad-droga, jittieħdu l-passi li titlob il-liġi.

Għalkemm jeżistu liġijiet li jirregolaw l-età tad-dħul ta’ adolexxenti f’postijiet ta’ divertiment tal-adulti, dawn qed jinkisru b’mod sfaċċat għad-dannu ta’ wliedna. Ħafna jinnotaw li meta rarament tiġi ċċekkjata l-età ta’ min jidħol f’attivitajiet tal-adulti, dan isir biss fil-bidu tal- atttività u b’ħafna eċċezzjonijiet, u l-minuri jispiċċaw jitħallew jidħlu iktar tard. Iħassibna mhux ftit il-fatt li minn tweġiba għal mistoqsija parlamentari jirriżulta li mis-sena 2014 sal- lum f’Għawdex persuna waħda biss ittellgħet il-qorti għax instabet taħt l-età f’diskoteka. Min-naħa l-oħra, adolexxenti minn tnax-il sena ’l fuq ġieli jkunu f’postijiet tad-divertiment tal-adulti mħalltin ma’ persuni adulti anki ta’ ’l fuq minn tletin sena, u dan kif jixhdu ritratti li jittieħdu u jitpoġġew fuq xbieki soċjali mill-istess organizzaturi.

Dawn huma pjagi li ilhom għaddejjin ħafna u li qed iħallu effetti koroh fuq is-soċjetà tagħna u fuq il-formazzjoni ta’ wliedna. Kulħadd jaf kemm problemi huma marbutin direttament mal-vizzji tax-xorb u d-droga u kemm abbużi jistgħu jsiru meta ż-żgħar tagħna jkunu f’kundizzjonijiet bħal dawn. Għandna ħafna x’nitgħallmu u nimplimentaw meta niflu sew il- leġislazzjoni Ewropea f’dan ir-rigward. Nixtiequ nsostnu li għandhom jiġu allokati iżjed riżorsi u materjal għall-NGOs li jaħdmu mal-adolexxenti u ż-żgħażagħ f’kampanji ta’ prevenzjoni. Iżda dan mhux biżżejjed!

Għalhekk bil-qawwa kollha nappellaw lill-Awtoritajiet kompetenti biex ma jagħlqux għajnejhom, għax dan hu sfruttament u abbuż fuq persuni minuri.

Filwaqt li nirringrazzjaw lil dawk il-membri tal-Korp tal-Pulizija li jwettqu dmirhom b’mod kuxjenzjuż u responsabbli, napprezzaw jekk il-preżenza tal-pulizija tkun aktar effettiva.

Nagħmlu l-qalb lil dawk il-ġenituri u edukaturi li huma determinati fl-impenn tagħhom biex ibiegħdu lit-tfal u l-adolexxenti minn dawn il-perikli; fl-istess waqt nappellaw biex ikun

hemm aktar koperazzjoni mal-forzi tal-ordni fil-ħidma tagħhom biex irażżnu dawn l-abbużi. Ħasra li minħabba ndħil minn terzi, il-forza tal-ordni ma tkunx tista’ tinforza l-liġijiet.

Nixtiequ nwieżnu l-ħidma ta’ dawk il-gruppi eżistenti fis-soċjetà tagħna li qegħdin isemmgħu leħinhom dwar dawn il-kwistjonijiet.

Nikkundannaw bil-qawwa l-mod kif qed iġibu ruħhom xi sidien ta’ stabbilimenti li jħallu jidħlu minuri, kif ukoll lil dawk li jaqilgħu l-flus minn bejgħ ta’ alkoħol lill-minuri f’attivitajiet anki pubbliċi. Nappellaw ukoll lis-sidien tal-farmhouses biex ikunu responsabbli lil min jikruhom u għal liema skopijiet. Dawn huma flus imċappsa bid-demm tal-innoċenti.