Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Ftuħ tal-Kwartieri tal-Grupp tal-Iscouts tax-Xagħra

Print Friendly, PDF & Email

Omelija fil-Ftuħ tal-Kwartieri tal-Grupp tal-Iscouts tax-Xagħra
Bażilika tat-Twelid tal-Verġni Mbierka, ix-Xagħra
Il-Ħadd 1 ta’ Mejju 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

MA’ ALLA MA HEMMX “WORK TO RULE”

Naf ħaddiem li jaħdem bil-prinċipju work to rule, fis-sens li jagħmel biss dak li suppost jagħmel; u naf ieħor li xogħlu tant jagħmlu b’passjoni li ma jagħtix kas la tal-ħin u lanqas tal-kundizzjonijiet! It-tnejn huma ħaddiema, imma wieħed sempliċement jobdi r-regoli tax-xogħol, u l-ieħor għandu qalbu f’dak li qed jagħmel.

Xi kultant fil-ħajja Nisranija tagħna aħna nikkuntentaw li nagħmlu work to rule, fis-sens li noqogħdu għassa biex nosservaw il-liġijiet ta’ Alla, imma qalbna ma tkunx hemm! Min għandu din l-attitudni x’aktarx huwa legalista, minimalista u jimxi mal-ittra tal-liġi. Effett ta’ din l-attitudni, it-twemmin isir mażżra tqila u għaldaqstant ma jagħti ebda faraġ. Nistaqsi jekk hijiex din ir-raġuni tal-faqar spiritwali li għandna llum! Din ix-xorta ta’ reliġjon ma tantx għandha għomor twil għax l-ittra tal-liġi toqol l-ispirtu. Nibża’ li saret wisq insistenza fuq l-osservanza tal-liġi bil-konsegwenza li l-qalb tagħna xxuttat u bbieset. Min ma’ Alla jimxi bir-regola tal-work to rule, jaf ikun ħafna reliġjuż imma ma jkunx Kristjan tajjeb. Wieħed jista’ jkun jobdi l-liġi sal-iċken virgola, imma jekk qalbu ma tkunx hemm, jibqa ’l bogħod minn Alla. Biex nagħti eżempju, wieħed miżżewweġ jaf ikun riġidu biex iħares il-fedeltà, imbagħad ikun aggressiv ma’ martu. Fil-Liturġija wieħed jista’ jirrispetta r-ritwal, imma jibqa’ barra mill-misteru.

Kristu mhux regola jew liġi, imma huwa persuna li jistedinni nidħol f’relazzjoni personali miegħu. It-twemmin Nisrani mhux liġijiet imma laqgħa ma’ Ġesù Kristu. Nista’ nkun naf il-kmandamenti kollha, imma ma nafx lil Kristu; nista’ nagħmel ħafna ċelebrazzjonijiet dwar Kristu, imma xorta ma niltaqax miegħu.

Ġesù jgħidilna li “jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti”. Ħafna drabi aħna nfittxu li “nobdu” il-Kelma tiegħu biex inħobbuh; imma l-proċess huwa l-kuntrarju: l-ewwel irridu nħobbuh biex imbagħad inħarsu kelmtu. L-ewwel jeħtieġ li l-bniedem jissaħħar wara l-ġmiel tiegħu (ta’ Ġesù) biex imbagħad jifhem is-sens tal-Kelma tiegħu u jgħixha. Santu Wistin jgħid: “Ħobb u agħmel li trid!”. Huwa minnu li dan il-parir jista’ jiġi abbużat, imma min iħobb tassew ma jigdibx, ma jagħmilx deni, ma jisraqx, ma jwaħħalx stalletti f’dahar sieħbu, ma jġibx firda, u ħafna aktar. Wieħed rabbi jgħid li kien hemm żmien meta l-poplu Lhudi ma kellux bżonn tal-Kmandamenti għax kien iħobb lil Alla ta’ Abraham; imma meta qalbu tħassret għax taha lil allat oħra, allura kien jeħtieġ il-liġijiet biex jgħinuh jerġa’ jdawwar qalbu lejn Alla. Imma ma għarafx dan il-mument ta’ grazzja u minflok ma reġa’ beda jħobb lil Alla b’qalbu kollha, b’moħħu kollu u bil-qawwa tiegħu kollha, beda jirrelata ma’ Alla bil-prinċipju work to rule! Għax meta l-qalb tkun nieqsa, allura jitfaċċaw ir-regoli!

Ix-xewqa tiegħi hija li llum it-twemmin tagħna jkun iserraħ fuq il-kmandament tal-imħabba aktar milli fuq l-imħabba tal-kmandamenti. Nippreferi li jkun hemm Insara li jkunu sinċerament appassjonati għal Alla, anki jekk minħabba d-dgħufija tagħhom ma jirnexxilhomx josservaw il-Kmandamenti kollha, milli jkun hemm dawk li jwettqu d-dmirijiet reliġjużi (josservaw il-Kmandamenti) anki b’mod skrupuluż, imma qalbhom tkun ’il bogħod minn Alla.

Għalkemm għall-iScouts il-liġi tfisser ħafna, il-fundatur Baden Powell kien konvint li l-qofol tal-formazzjoni tal-membri ma għandux ikun dwar kif josservaw ir-regoli, daqskemm dwar il-motivazzjoni wara l-imġiba tagħhom. Għalhekk l-isfida tal-kapijiet fil-Moviment hija li jedukaw il-qalb ta’ din il-ġenerazzjoni żagħżugħa. Nitlob lil Alla jgħinkom f’dan il-proġett u hekk il-Moviment jibqa’ jkun mixtla fejn jitrawmu ċ-ċittadini ta’ għada.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading