Sintesi tal-Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Quddiesa tas-60 Anniversarju minn meta l-istatwa ta’ Santa Marija ttellgħet il-Katidral


Sintesi tal-Omelija fil-Quddiesa tas-60 Anniversarju
minn meta l-istatwa ta’ Santa Marija ttellgħet il-Katidral
Pjazza tal-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
Il-Ġimgħa 29 ta’ April 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

MATER MISERICORDIÆ

Jinżel għasel il-kliem ta’ Ġesù meta jgħidilna: “Ejjew għandi, intom lkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jien nserraħkom”. Min minna ma jħossux imtaqqal bil-piż tal-ħajja? Hemm il-piż tal-vokazzjoni tagħna, it-toqol tar-responsabbiltajiet tagħna, it-tagħbija tal-istorja tagħna! Fuq kollox, ilkoll nerfgħu fuq spallejna l-madmad tad-dnub tagħna. Ħadd minna ma jista’ jgħid li huwa bla dnub. “Jekk ngħidu li ma għandniex dnub, inqarrqu bina nfusna u s-sewwa ma jkunx fina” (1 Ġw 1:8).

Id-dnub huwa dak kollu li dwaru tniggiżna l-kuxjenza. Ikun gwaj kbir jekk il-bniedem iraqqad il-kuxjenza biex ma jibqax iħoss it-tingiż tagħha. Il-kuxjenza hija l-vuċi li hemm fina li tgħidilna x’inhu t-tajjeb li għandna nagħmlu u l-ħażin li għandna nevitaw. Meta l-bniedem joqtol il-kuxjenza huwa theddida għall-oħrajn u għalih innifsu. Mod kif insikktu l-kuxjenza huwa meta ngħixu ninnegaw li d-dnub jeżisti u għalhekk kollox isir permess. Xi drabi huma l-istess kruha u toqol tad-dnub li kapaċi jwassluna f’dan l-istat ta’ denial tad-dnub.

Wara Kristu fl-istorja tal-umanità persuna waħda setgħet tgħid li kienet bla dnub. Din hija l-Assunta. Anzi, hija ġiet imtellgħa s-Sema bir-ruħ u l-ġisem propju għax kienet l-Immakulata. Hija gawdiet mill-Ħniena divina qabel ma tnisslet. La ma kinitx taf x’inhu dnub, hi saret Mater Misericordiæ biex tgħin lilna, imtaqqlin bil-piż tad-dnub, nersqu għand Ġesù, li hu t-tpattija għal dnubietna. Għalhekk nistgħu npoġġu fuq fommha dak il-kliem kollu ħlewwa ta’ Ġesù: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jien inserraħkom”.

Billi l-miżerikordja ta’ Alla hija l-mutur tal-istorja, dik li nisslet lil Ibnu bħala bniedem ma kellhiex tara t-taħsir tal-qabar u għalhekk ġiet assunta fis-sema bir-ruħ u l-ġisem. Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġrajja tal-Assunzjoni, il-ħajja tagħna mhix biss pellegrinaġġ fil-wied tad-dmugħ, imma bħal Marija aħna wkoll matul din il-mixja nistgħu nġarrbu l-esperjenza tal-qawwa tal-ħniena ta’ Alla li tibdel kull għamla ta’ taħsir li niltaqgħu miegħu fil-ħajja.

Kif Santa Marija qatt ma tittraskura lil dawk li bid-dmugħ f’għajnejhom isejħulha u jgħidulha: “Dawwar lejna dawk l-għajnejn tal-ħniena”, hekk ukoll id-devoti veri tagħha għandhom jistinkaw biex iserrħu xi ftit lil dawk li jinsabu mħabbtin u mtaqqlin. Fost id-diversi opri tal-ħniena li nistgħu nagħmlu hemm l-għajnuna li nistgħu nagħtu lil ħutna immigranti. Huwa tal-mistħija li ċ-ċiviltà Ewropea saret tant xħiħa ma’ dawn il-persuni. Min bil-ħsieb ixerred il-biża’, jiżra’ s-suspetti u jesaġera meta jsemmi l-iżbalji tal-ftit minnhom bl-għan li joħloq reazzjoni li tbegħedhom minna, qed jonqos gravament. Jekk minħabba s-sistema tal-push back (li tista’ titħaddem direttament jew indirettament), jintilfu l-ħajjiet umani, min hu responsabbli minn dan huwa qattiel.

F’dan il-kuntest, nixtieq insemmi l-Proġett Merħba li d-Djoċesi tagħna għadha kif ħabbret. F’Ġunju l-Knisja f’Għawdex ser iġġib grupp ta’ studenti u għalliema mill-Iraq bix-xewqa li “ix-xemx” terġa’ titla’ għalihom – mhux ix-xemx sajfija tagħna, imma dik it-tama li dawn tilfu minħabba l-persekuzzjoni li għaddejjin minnha. Tassew nixtiequ li bil-waqfa tagħhom fostna u msaħħna bl-imħabba ġeneruża tagħna, dawk iż-żgħażagħ jerġgħu jibdew jemmnu li jum ġdid jista’ jfeġġ għalihom.

Ħa tkun din ix-xbieha tal-Assunta, f’dan is-sittin anniversarju minn meta ttellgħet f’dan il-Katidral, għelm ta’ x’kapaċi tagħmel il-miżerikordja ta’ Alla mal-bnedmin.