Diskors tal-Isqof Mario Grech fl-Inawgurazzjoni tal-Mafkar f’ġieħ San Ġorġ Preca


Diskors fl-Inawgurazzjoni tal-Mafkar f’ġieħ San Ġorġ Preca
Zuntier tal-Knisja ta’ San Ġakbu, il-Belt Victoria
Il-Ġimgħa 6 ta’ Mejju 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

KNISJA B’SUBGĦAJHA FUQ IL-PJAGI

Dun Ġorġ Preca kien devot ħafna tal-pjagi ta’ Ġesù. Barra li kiteb id-Djalogu fuq il-pjagi ta’ Kristu, kien iħeġġeġ lis-soċji biex jikbru f’din id-devozzjoni tant li jipproponilhom it-talb magħruf bħala “offertorju tal-pjagi” u “il-kult tal-pjagi”. Fuq kollox, fost dawk li taw ix-xhieda tagħhom fil-proċess tal-Beatifikazzjoni ta’ Dun Ġorġ, hemm min qal li dan is-saċerdot qaddis kellu l-pjagi f’idejh!

Id-devozzjoni li kellu lejn il-pjagi ta’ Ġesù tixhed kemm Dun Ġorġ kien jemmen li Ġesù huwa l-Feddej tagħna l-bnedmin – Ġesù fdiena bil-passjoni u l-mewt tiegħu. Huwa jikteb li “il-pjagi tas-Sinjur tagħna Ġesù Kristu huma l-kawża tas-salvazzjoni tagħna – huma l-għejun tal-grazzja ta’ Alla”. Din hija verità li llum hemm bżonn intennuha madwarna: wieħed kien hemm li tassew xerred demmu għalina għax iħobbna – Alla li sar bniedem. Il-pjagi mqaddsa huma manifestazzjoni tal-miżerikordja ta’ Alla li fil-persuna ta’ Ġesù ta lilu nnifsu għall-mewt biex aħna ngħixu.

Imma l-pjagi ta’ Ġesù huma wkoll il-pjagi tal-umanità. Billi bit-twelid tiegħu Ġesù twaħħad ma’ kull persuna, Hu jerfa’ fuqu t-tbatija tagħna kollha; kull ferita li ssir lilna ssir lilu wkoll u kull pjaga tiegħu tirrifletti l-pjagi tagħna. Għaldaqstant kull meta npoġġu subgħajna fuq il-pjaga ta’ Ġesù, aħna nkunu qegħdin inpoġġuhom fuq il-ġerħat tal-bnedmin; u kull meta nitmeżmżu quddiem il-feriti tal-bnedmin, inkunu nagħlqu għajnejna għall-pjagi ta’ Ġesù.

Nemmen li kif ma beżax ipoġġi sebgħu fuq il-pjagi ta’ Ġesù, hekk ukoll Dun Ġorġ ma baqax lura milli jqiegħed sebgħu fuq il-pjagi tal-bnedmin.

Dan hu li nixtieq mill-Knisja tagħna: li filwaqt li ma tehda qatt tħares lejn il-pjagi ta’ Ġesù msallab dejjem lest biex iħaddan lil kulħadd u jaħfer kull xorta ta’ dnub, fl-istess ħin tagħmel minn kollox biex b’ħafna tjubija u tenerezza ddaħħal subgħajha fil-pjagi tal-bniedem tal-lum.

Il-lista tal-pjagi hija twila mhux ħażin – hemm pjagi li jmissu l-ġisem, oħrajn li jmissu l-qalb (affettività), u oħrajn ta’ natura spiritwali. Imbagħad hemm pjagi li jtertqu lill-individwu, lill-familja kif ukoll lis-soċjetà.

Pjaga partikulari li nemmen li huwa urġenti li aħna npoġġu subgħajna fuqha hija l-pjaga tal-kuxjenza tal-bniedem kontemporanju. F’ċerti każi, il-kuxjenza tant mardet li hawn min għamlilha l-ħofra u difinha darba għal dejjem. Aħna nafu li meta l-bniedem jitlef il-kuxjenza jsir qisu bastiment mingħajr tmun. Meta l-kuxjenza tmut, il-bniedem isir perikoluż għax ikun sprovvist minn kull kriterju ta’ x’għandu jagħmel u x’għandu jevita.

Il-pjaga tal-kuxjenza hija l-agħar pjaga li jista’ jkollna għax therrina minn ġewwa u konsegwenza ta’ hekk, aħna nherru l-istrutturi li nkunu fihom. Meta l-kuxjenza timrad, il-ġisem kollu jittieħed. Għax meta l-bniedem joħnoq il-viċi tal-kuxjenza, huwa jkun irnexxielu jimmuta l-vuċi ta’ Alla – u fejn il-vuċi ta’ Alla hija fgata jew mitfija, ikun hemm diżordni kbir kemm fil-ħajjja tal-individwu u kemm fis-soċjetà.

Nafu li Dun Ġorġ ħadem qatigħ biex ifejjaq il-pjagi tal-kuxjenza, għax kien iddedikat biex ixandar il-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu. Huwa t-tagħlim żbaljat jew in-nuqqas ta’ tagħlim li jikkawża l-pjaga tal-kuxjenza. Għalkemm nemmen li l-ħidma ewlenija tagħna bħala Knisja għandha tkun il-formazzjoni tal-kuxjenzi billi nipproponu lil Ġesù Kristu u l-Vanġelu tiegħu, nitħasseb meta nara li fil-Knisja għad hemm min ma fehemx l-urġenza ta’ din il-prijorità. Kif bl-insistenza fuq it-tagħlim Nisrani Dun Ġorġ irnexxielu jwaqqaf “is-Soċjetà” tiegħu, jien konvint li jekk inpoġġu subgħajna fuq din il-pjaga u niddedikaw aktar l-enerġiji tagħna biex nakkumpanjaw lill-bniedem ħalli b’kuxjenza mdawla u msawra jagħmel id-dixxerniment responsabbli, inkunu qegħdin inpoġġu l-pedament ta’ “soċjetà” mġedda f’pajjiżna.