Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Pellegrinaġġ Ġubilari ta’ Ġesù Redentur

Print Friendly, PDF & Email

Omelija fil-Pellegrinaġġ Ġubilari ta’ Ġesù Redentur
Bażilika u Kolleġġjata tat-Twelid tal-Verġni Mbierka, l-Isla
Il-Ħadd 5 ta’ Ġunju 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IL-BEWSA TAR-REDENTUR

L-istorja traġika li għaddew minnha l-familja minn Serafta ta’ Sidon (1 Slat 17:17-24) u dik minn Najn (Lq 7:11-17) tixbah ħafna l-esperjenza li jġarrbu għadd ta’ familji. Niftakar f’dawk il-ġenituri li raw il-ħajja ta’ wliedhom tintefa bħal xemgħa minħabba xi inċident tat-traffiku, fuq ix-xogħol jew bil-mard. Għandi f’qalbi lil dawk il-ġenituri li raw il-ħajja ta’ wliedhom tinħasad mill-baruni tad-droga. Min jaf kemm ikunu investew biex kabbru u edukaw lil uliedhom, imbagħad jasal xi ħadd bla kuxjenza u jħarbtilhom il-ħajja ta’ wliedhom u tal-familja! Hemm ġenituri li “tilfu” lit-tifel (jew lit-tifla) li fettilu ma jibqax ikellemhom jew imur jarahom għax tlewmu fuq ħmerija (għax anki jekk ikollhom fuq xiex, il-valur tal-għaqda tal-familja jiżboq kollox). Dawn huma biss ftit eżempji ta’ numru mhux żgħir ta’ ġenituri li qed jibku lil uliedhom.

Peress li l-protagonisti taż-żewġ ġrajjiet ta’ Serafta u Najn huma romol, niftakar ukoll fir-romol tagħna. Huwa fatt li meta persuna tormol, il-ħajja tagħha tinbidel min-nhar għal-lejl. Mhix ċajta li titlef persuna li tkun ħabbejt tant. Kliem ta’ faraġ jista’ jtaffi l-weġgħa tat-telfa, imma ma jfejjaqx il-ġerħa għalkollox. Hemm min isir armel għax jidfen lil martu jew żewġu; imma mbagħad hemm dawk li jsibu ruħhom fiż-żarbun tar-romol għax tiġri xi ħaġa fil-ħajja taż-żwieġ tagħhom u “jinfirdu”. Mhux darba u tnejn ġara li tnejn jiftħu l-ġurnata flimkien u filgħaxija jsibu ruħhom separati. Is-separazzjoni fiż-żwieġ mhix ġrajja feliċi għal ħadd. Ikun hemm ħafna tbatija qabel ma tfaqqa’ l-firda, u tibqa’ t-tbatija wara li tnejn jagħżlu minn xulxin. Is-separazzjoni fiż-żwieġ tibqa’ dejjem storja ta’ mħabba miġruħa u għax huma profondi, dawn il-ġrieħi ma jagħlqux imma jibqgħu jdennu.

Ir-Redentur mhux indifferenti quddiem din ir-realtà tal-familja. Meta ra l-funeral fl-inħawi tal-belt ta’ Najn, Ġesù tħassarhom. Resaq lejn l-armla u mesħilha d-dmugħ minn fuq ħaddejha. Mess il-ġisem mejjet ta’ binha u “raddilhom” il-ħajja – fis-sens li ta l-ħajja lit-tifel u indirettament lil ommu. Kif għamel fil-ġrajja tal-armla minn Najn, hekk jagħmel illum. Mhux aħna mmorru għandu, imma, misjuq mill-ħniena, Hu joqrob lejna biex jakkumpanjana. L-effetti tal-bewsa tal-miżerikordja ta’ Alla huma kotrana. Mhux għax Alla jagħmel il-maġija, imma l-wens li jagħtina jserraħna; l-imħabba tiegħu tinżel bħal balzmu li jfejjaq u jfewwaħ. BiH ħdejna, it-telfiet tagħna jieħdu tifsira ġdida. Għaliex fejn tilħaq jew tmiss il-kompassjoni ta’ Alla, il-frak jerġa’ jgħaqqad, u fejn hemm il-mewt terġa’ tidħol il-ħajja – ukoll fejn hemm riħa ta’ mewt spiritwali minħabba d-dnub.

F’dokument li tana madwar xahrejn ilu, Amoris lætitia, il-Papa Franġisku joffrilna bxara tajba dwar il-familja, speċjalment għal dawk li l-istorja tal-imħabba tagħhom hija storja b’ħafna ġrieħi. Huwa jikteb li l-Kelma ta’ Alla mhix damma ta’ tagħlim maqtugħ mir-realtà, imma hija sieħba fil-vjaġġ ukoll għal dawk il-familji li huma fi kriżi jew għaddejjin minn xi tbatija; din il-Kelma turihom it-triq fejn Alla “jixxotta kull demgħa minn għajnejhom u ma jkunx hemm aktar mewt jew luttu, anqas biki, għajat jew tbatija” (Apok 12:4) (ara 22).

F’dan id-dokument hemm kelma ta’ kuraġġ u tama wkoll għal dawk li ż-żwieġ tagħhom tkisser u, billi ma felħux jerfgħu l-piż tas-solitudni jew minħabba raġunijiet marbuta mat-trobbija tal-ulied, daħlu f’relazzjoni oħra. Hemm min ma xtaqx jagħmel għażliet bħal dawn, imma sab ruħu kostrett miċ-ċirkustanzi. Hemm min, meta jħares lura, jisgħobbih mid-dannu li għamel, mit-triq li daħal fiha wara li nfired minn martu, imma issa jinsab f’qagħda li ma jistax joħroġ minnha għax jagħmel aktar deni milli ġid. Dawn huma ftit mis-sitwazzjonijiet ta’ diversi minn ħutna li għamlu deċiżjonijiet li huma f’kuntrast qawwi mat-tagħlim ta’ Ġesù. Spiritwalment iħossuhom bħal “niżlu f’qabar” u ma jistgħux jitilgħu minnu.

Imma l-proposta tal-miżerikordja divina hija għal dawn il-persuni wkoll. Ġesù bata u miet għal dawn ukoll. Ġesù jitħassarhom u jrid jersaq ħdejhom. Huwa jmiss “it-tebut” tagħhom biex jerġgħu jieħdu l-ħajja. Alla ma jaħmilx jara l-funeral ta’ dawn il-familji anki jekk imperfetti. Imqanqal mill-ħniena tiegħu, Ġesù għandu l-mezzi kif iroddilhom il-ħajja. Interessanti li Ġesù mess liż-żagħżugħ meta dan kien bla ħajja; kien wara li n-nifs ta’ Ġesù strieħ fuqu, li l-mejjet “ħareġ” mit-tebut. Huwa ma setax iqum jekk mhux bl-għajnuna tal-grazzja ta’ Alla. Fi kliem ieħor, l-ewwel waslitlu l-grazzja (imħabba ta’ Alla), imbagħad beda ħiereġ mill-kaxxa – beda ħiereġ minn dik is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ ħajja.

Din hija l-kergyma li nixtieq li taslilna llum, festa ta’ Ġesù Redentur. Alla tagħna ġie jżurna. Ma ġiex iżurna biex “jidfinna” imma biex itaffilna l-iebes tal-ħajja. Jekk tassew nemmnu fil-miżerikordja ta’ Alla, la ħadd ma għandu jixtri “t-tebut” tiegħu nnifsu biex jindifen ħaj u anqas aħna ma nistgħu nagħmlu “il-funeral” ta’ ebda persuna – għax jekk norganizzaw il-funeral ta’ xi ħadd, ifisser li nkunu qtajna qalbna minnu u nkunu tajnieh il-kundanna eterna.

Effett tal-laqgħa ma’ Ġesù, il-korteo funebri li kien ħiereġ mill-belt ta’ Najn biddel ir-rotta u reġa’ lura fil-belt biex jiċċelebra l-ħajja. F’dan il-Ġublew tal-Ħniena nagħmel sejħa biex wara din il-laqgħa ma’ Ġesù Redentur, immorru lura lejn l-ibliet u l-irħula tagħna u nitkellmu ma’ ħutna dwar x’kapaċi tagħmel il-miżerikordja ta’ Alla. Din il-Bxara t-tajba għandha qawwa li tnaddaf il-pjazez u t-toroq tagħna minn kull riħa ta’ mewt. Hekk ngħinu lill-ibliet u l-irħula tagħna jinbidlu f’ċentri tal-ħajja.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading