Riflessjoni tal-Isqof Mario Grech fil-Gradwazzjoni tal-Istudenti tal-Ħames Sena tas-Sekondarja

Print Friendly, PDF & Email

Riflessjoni fil-Gradwazzjoni tal-Istudenti tal-Ħames Sena tas-Sekondarja
Skola Sekondarja tal-Bniet tal-Konservatorju tal-Isqof, il-Belt Victoria
It-Tnejn 6 ta’ Ġunju 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IL-MIRA TAL-ISKOLA KATTOLIKA

Nawguralkom li l-ferħ li qegħdin iġġarrbu llum, festa tal-gradwazzjoni tagħkom, jibqa’ fikom. Importanti li tagħżlu ferħ minn ferħ, għax hemm ferħ li jevapora malajr u hemm ferħ li jibqa’ f’qalbna. Żgur li l-formazzjoni akkademika li rċevejtu minn din l-iskola tal-Knisja ser iservikom bħala għodda biex ’il quddiem tkomplu tkattru t-tagħlim. Dan il-pakkett ta’ tagħlim għandu jkun għalikom ċavetta biex tistabbilixxu ruħkom fis-soċjetà u tkunu ferħanin. Imma l-karriera u l-flus ma humiex kollox. Fil-ħajja hemm min għamel suċċess u jimpala l-flus, imma mhux ferħan għax dejjem jitħasseb minħabba l-investimenti li għandu, konxju li jekk is-suq imur ħażin, kulma geddes jista’ jsirlu suf.

Snin ilu, żagħżugħ minn Ippona, Wistin, kien qal li l-qalb tal-bniedem issib mistrieħ biss meta tiltaqa’ ma’ Alla. Dan huwa minnu, għax Alla waħdu jista’ jwieġeb għal ħafna mistoqsijiet li hemm fil-qalb tal-bniedem. Jiena għandi fiduċja li matul dawn is-snin fl-iskola tagħna, l-għalliema mhux biss għaddewlkom it-tagħlim akkademiku, imma rnexxielhom ukoll jgħinukom tagħmlu esperjenza ta’ Alla. Fil-fehma tiegħi, jekk l-iskola tal-Knisja ma jirnexxilhiex tlaqqa’ lill-istudenti tagħha ma’ Ġesù Kristu, tkun falliet fil-missjoni tagħha. Huwa importanti li l-iskejjel tal-Knisja jkollhom miri akkademiċi u kulturali għolja; imma l-aqwa mira li għandu jkollha l-iskola Kattolika hija li tintroduċi lill-adolexxenti fir-relazzjoni ta’ fiduċja ma’ Alla li huwa s-sigriet tal-ferħ veru.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading