Diskors tal-Isqof Mario Grech fil-Preżentazzjoni tal-Eżortazzjoni appostolika Amoris lætitia lill-kleru


Preżentazzjoni tal-Eżortazzjoni appostolika Amoris lætitia lill-kleru
Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria
Is-Sibt 4 ta’ Ġunju 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

Kif josserva l-Papa Franġisku, ninsabu mhux f’epoka ta’ tibdil, imma f’tibdil ta’ epoka. Quddiem is-sitwazzjonijiet ġodda li qegħdin ifaqqsu, qed ikollna nħabbtu wiċċna ma’ sfidi u diffikultajiet ġodda u bħala saċerdoti ħafna drabi ninfixlu għax ma jkollniex tweġiba, xi wħud iħossuhom bħal ħuta barra mill-ilma u għalhekk jirtiraw, waqt li oħrajn joffru “ħobż” imsaħħan għax ilu maħbuż u għalhekk nieqes mill-freskezza. Dan kollu japplika fil-konfront tal-ħajja miżżewġa u tal-familja. Permezz tal-aħħar żewġ Sinodi tal-Isqfijiet – il-fehmiet sinifikattivi tal-maġġoranza kwalifikata tal-Padres Sinodali hija riflessa tajjeb ħafna fl-Amoris lætitia – il-Knisja għamlet eżerċizzju biex it-teoloġija tagħha, partikularment it-Teoloġija Morali Kattolika, la tkun waħda kiesħa maħduma fuq l-iskrivanja (312) jew f’“mużew”, anqas “teoloġija tal-gallerija tal-istorja”, imma “teoloġija tat-triq” jew “tal-fruntiera” – meta ngħid “teoloġija tat-triq” ma rridx infisser li tkun teoloġija tal-ħabba gozz, imma teoloġija li tkun aktar sensibbli għar-realtà. It-teoloġija tal-fruntiera hija dik ir-riflessjoni li tlaqqa’ l-Vanġelu mal-ħtiġijiet tal-bniedem tal-lum. Kif osservaw l-Isqfijiet Ġermaniżi waqt is-Sinodu, “fil-Knisja ħafna drabi aħna nirriflettu b’mod statiku u l-ħsieb tagħna mhux wieħed bijografiku u storiku”. Għalhekk “hu meħtieġ li ma niqfux fuq tħabbira [tal-Vanġelu] li tibqa’ fuq il-livell tat-teorija, maqtugħa mill-problemi reali tan-nies” (201).

Fit-tieni intervent li għamilt fl-aħħar Sinodu, kont osservajt li “it-teoloġija vera ma tistax ma tkunx ikkuntestwalizzata. Kif insibu fl-Evangelii gaudium, ‘ir-realtà hi ogħla mill-idea… ir-realtà sempliċement hi, waqt li l-idea tiġi elaborata’ (231). Dan ifisser li l-esperjenza tiġi qabel id-duttrina, u l-idea mifruda mill-esperjenza tista’ twassal għall-idealiżmi vojta. Dan il-periklu nsibuh anki fit-tagħlim li l-Knisja hija fid-dmir li toffri dwar iż-żwieġ u l-familja. Għalhekk hu importanti li naqraw l-esperjenza taż-żwieġ illum bid-dwal u d-dellijiet tagħha. Dan irridu nagħmluh ukoll għax l-esperjenza ta’ mħabba fidila, anki jekk miġruħa, tista’ tkun locus theologicus”.

F’ittra li kitbilna ftit qabel ma kienet ippubblikata l-Eżortazzjoni, il-Kardinal Lorenzo Baldisseri, Segretarju Ġenerali tas-Sinodu, jgħid li l-għan ta’ dan id-dokument mhux li jibdel id-duttrina imma “li jerġa’ jqiegħed” (ricontestualizzare) id-duttrina għall-qadi tal-ħidma pastorali tal-Knisja. Id-duttrina tiġi interpretata f’relazzjoni mal-kerygma Nisranija u fid-dawl tal-kuntest pastorali li fih din id-duttrina tiġi applikata, waqt li jibqa’ ċar li s-suprema lex hija s-salus animarum.

Il-ħtieġa li nżommu widnejna mal-art mhix immotivata biss mill-bżonn li nkunu nafu x’qegħdin iġarrbu n-nies, imma wkoll biex nintebħu x’qed jgħid l-Ispirtu ta’ Alla fl-istorja tagħhom. Għax kif jippreċiża l-Papa Franġisku, “jagħmlilna tajjeb li nagħtu kas tar-realtà konkreta, għaliex it-talbiet u s-sejħat tal-Ispirtu jidwu anki fl-istess ġrajjiet tal-istorja, li permezz tagħhom il-Knisja tista’ titmexxa lejn intelliġenza aktar profonda tal-misteri bla qies taż-żwieġ u tal-familja” (31). Li ma nkunux maqtugħin mir-realtà jgħinna biex ma nippreżentawx “ideal teoloġiku taż-żwieġ astratt iżżejjed, jew mibni b’mod artifiċjali, imbiegħed mis-sitwazzjoni konkreta u mill-possibbiltajiet reali tal-familji hekk kif inhuma” (36). Lilna r-ragħajja tal-erwieħ, il-Papa jeżortana biex “nisimgħu bi mħabba u serenità, b’xewqa sinċiera li nidħlu fil-qalba tat-tbatija tal-persuni u nifhmu l-ottika tagħhom, sabiex ngħinuhom jgħixu aħjar u jagħrfu l-post tagħhom fil-Knisja” (312).

Il-kunċett ta’ “kuntestwalizzazzjoni ġdida” għandu wkoll tifsira teoloġika. Kien terminu li użah Urs Von Balthassar (1974) fil-ktieb tiegħu Il complesso antiromano meta tkellem dwar il-kolleġġjalità; bih ried ifisser li affermazzjoni duttrinali diġà definita, kellha tiġi integrata f’totalità aktar wiesgħa. B’referenza għal din l-Eżortazzjoni, il-Papa jistedinna biex nibdew inħarsu lejn id-duttrina u l-prassi dwar iż-żwieġ u l-familja mil-lenti tal-miżerikordja. Għaliex mod tipproponi l-pakkett teoloġiku/pastorali dwar iż-żwieġ u l-familja f’kuntest fejn Ġesù huwa l-leġislatur u l-imħallef, u mod l-istess pakkett jiġi offrut f’kuntest fejn Ġesù hu Wiċċ il-ħniena tal-Missier u li d-dekalogu ġdid tiegħu fih liġi waħda: il-liġi tal-imħabba. Fl-Eżortazzjoni hemm diversi passaġġi li juru li l-Papa qed jipproponi l-miżerikordja divina bħala prinċipju ermenewtiku tar-riflessjoni teoloġika u tal-pastorali: “Bla ma nnaqqsu xejn mill-valur tal-ideal tal-Vanġelu, jeħtieġ nakkumpanjaw bil-ħniena u s-sabar il-passi ta’ maturità tal-persuni li huma jibnu jum wara l-ieħor, u nagħtu spazju lill-miżerikordja tal-Mulej li tixprunana biex nagħmlu t-tajjeb possibbli” (308). Dwar it-Teoloġija morali jikteb: “Jekk minn naħa huwa minnu li hemm bżonn inħarsu s-sħuħija tat-tagħlim morali tal-Knisja, min-naħa l-oħra rridu dejjem noqogħdu attenti biex inpoġġu fid-dieher u nippromovu l-valuri l-aktar għolja u ċentrali tal-Vanġelu, b’mod speċjali l-primat tal-imħabba bħala tweġiba għall-inizjattiva b’xejn tal-imħabba ta’ Alla… Ikun jaqbel għalhekk li dejjem inqisu bħala inadegwat kull kunċett teoloġiku li jispiċċa biex ipoġġi fid-dubju l-omipotenza nfisha ta’ Alla, u b’mod partikulari l-miżerikordja tiegħu” (311). Min jaf sewwa t-Teoloġija morali, jaf tajjeb dak li jgħid Sant’Ambroġ: “Caritas est mater omnium virtutum quæ omnes informat”. Dan ifakkarni f’dak li l-Papa kiteb fl-Evangelii gaudium: “Il-veritajiet kollha rivelati joħorġu mill-istess għajn divina u nemmnuhom bl-istess fidi, imma xi wħud minnhom huma iżjed importanti biex bihom nistgħu nesprimu b’mod aktar dirett il-qalba tal-Vanġelu. F’din il-qalba fundamentali jilma l-ġmiel tal-imħabba feddejja ta’ Alla li dehret f’Ġesù Kristu” (36). Frott ta’ dan, kemm fid-dommi tal-fidi u kemm fit-Teoloġija morali hemm ġerarkija ta’ veritajiet (ibid).

Biex nifhmu l-mens tal-Papa Franġisku f’din l-Eżortazzjoni, inħoss li rridu nżommu quddiem għajnejna dak li hu stess kien qal f’intervista lil Antonio Spadaro SJ ftit xhur wara li beda l-pontifikat tiegħu: “San Vinċenz ta’ Lerins jagħmel paragun bejn l-iżvilupp bijoloġiku tal-bniedem u t-trasmissjoni tad-depositum fidei minn epoka għall-oħra, li jikber u jissaħħaħ mal-medda tas-snin. Ara, dak li jifhem il-bniedem jinbidel maż-żmien, u hekk ukoll l-għarfien tal-bniedem jinżel iktar fil-fond. Ejja naħsbu f’meta l-iskjavitù kien permess jew il-piena tal-mewt kienet aċċettata mingħajr diffikultà ta’ xejn. Hekk wieħed jikber fl-għarfien tal-verità. L-eseġeti u t-teologi jgħinu lill-Knisja timmatura l-ġudizzju tagħha. Anki x-xjenzi l-oħra u l-evoluzzjoni tagħhom jgħinu lill-Knisja tikber f’dan l-għarfien. Hemm normi u preċetti sekondarji tal-Knisja li darba kienu effikaċi, imma li issa tilfu l-valur jew is-sinifikat tagħhom. Hi żbaljata l-viżjoni tad-duttrina tal-Knisja bħala ħaġa monolitika li għandna niddefenduha bla ma nitħarrku” (La Civiltà Cattolica, 2013).

Giordano Muraro josserva li “nirrikuntestwalizzaw” il-patrimonju duttrinali li għandna dwar iż-żwieġ u l-familja jfisser li nipproponuh fil-kwadru ġdid tal-miżerikordja. Hekk jagħmel Franġisku meta jikteb li “it-tagħlim tagħna dwar iż-żwieġ u l-familja ma jistax jieqaf milli jitnebbaħ u jiġġedded fid-dawl tat-tħabbira tal-imħabba u l-ħlewwa (ta’ Alla) biex ma jsirx biss difiża ta’ duttrina kiesħa u mingħajr ħajja. Fil-fatt, ma nistgħux lanqas nifhmu b’mod sħiħ il-misteru tal-familja Nisranija jekk mhux fid-dawl tal-imħabba infinita tal-Missier, li dehret fi Kristu” (59). Meta nqiegħdu tant stejjer ta’ mħabba taħt din il-lenti tal-imħabba, isir possibbli li aħna naraw is-semina Verbi wkoll f’sitwazzjonijiet li għadhom ma humiex perfetti. Fil-fatt, fi kliem il-Papa, “il-Vanġelu tal-familja jsaqqi wkoll dik iż-żerriegħa li qed tistenna biex timmatura u jieħu ħsieb dawk is-siġar li għalkemm nixfu, ma għandhomx jiġu ttraskurati” (76). Għalhekk, filwaqt li l-Knisja “għandha dejjem tipproponi l-perfezzjoni u tistieden lill-bniedem biex jagħti tweġiba aktar sħiħa lil Alla” (291), għandna “napprezzaw l-elementi kostruttivi f’dawk is-sitwazzjonijiet li jew għadhom ma jikkorrispondux jew jistgħu qatt ma jikkorrispondu mat-tagħlim tal-Knisja dwar iż-żwieġ” (292). Din “il-pastorali tal-ħniena u ta’ kuraġġ” (293) tpoġġina qrib dawn ħutna bit-tir li ngħinuhom jagħmlu mis-sitwazzjoni partikulari tagħhom “opportunità ta’ mixja lejn il-milja taż-żwieġ u tal-familja fid-dawl tal-Vanġelu” (294). Fost dawn ir-realtajiet hemm dawk li jikkoabitaw, dawk li daħlu għall-impenn taż-żwieġ ċivili u dawk li huma divorzjati miżżewġa mill-ġdid. “Fil-perspettiva tal-pedagoġija divina, il-Knisja għandha ħarsa ta’ mħabba lejn dawk li jieħdu sehem fil-ħajja tagħha b’mod imperfett: flimkien magħhom titlob għall-grazzja tal-konverżjoni, tinkuraġġihom biex jagħmlu s-sewwa, biex bl-imħabba jieħdu ħsieb xulxin u biex joffru li jkunu ta’ servizz fil-komunità li fiha jgħixu” (78). Il-Papa jkompli jgħid li “quddiem sitwazzjonijiet diffiċli u familji miġruħa, jeħtieġ infakkru prinċipju ġenerali: ħa jkunu jafu r-ragħajja li għall-imħabba tal-verità, huma obbligati jiddixxernu tajjeb is-sitwazzjonijiet (FC 84). Il-grad ta’ responsabbiltà mhux l-istess fil-każijiet kollha u jista’ jkun hemm fatturi li jillimitaw il-kapaċità tad-deċiżjoni. Għalhekk, filwaqt li trid tiġi espressa b’mod ċar id-duttrina, għandhom jiġu evitati dawk il-ġudizzji li ma jqisux il-kumplessità tas-sitwazzjonijiet differenti, u huwa meħtieġ li nkunu attenti għall-mod kif il-persuni qed jgħixu u qed ibatu minħabba l-kundizzjoni tagħhom” (79).

Filwaqt li huma t-teologi li għandhom ikomplu japprofondixxu r-riflessjoni teoloġika “għax ma għandniex nistennew li d-diskussjonijiet duttrinali, morali u pastorali jiġu solvuti b’interventi tal-Maġisteru” (3), nifhem li l-prassi pastorali tolqot lill-operaturi pastorali kollha, partikularment lilna s-saċerdoti fil-ministeru tagħna bħala konfessuri li “naħdmu” f’dan il-“kamp tal-gwerra”. Lil dawk li jippreferu “pastorali aktar riġida li ma tagħti lok għall-ebda konfużjoni”, flimkien mal-Papa ngħidilhom li “Ġesù jrid Knisja attenta għall-ġid li l-Ispirtu jxerred qalb id-dgħufija: [irid] Omm li fl-istess waqt li tesprimi b’mod ċar it-tagħlim oġġettiv tagħha, ma tiċħadx it-tajjeb possibbli, anki jekk tidħol għar-riskju li titħammeġ bit-tajn tat-triq” (308).

Għalhekk, kif għandna nġibu ruħna ma’ dawk li l-imħabba tagħhom hija miġruħa u għandhom xewqa li jaraw lil Ġesù? Id-direzzjoni jagħtihielna l-Papa partikularment f’kapitlu tmienja tal-Eżortazzjoni, u billi kien hemm min ipprova jagħti interpretazzjoni żbaljata ta’ dan l-approwċ pastorali, inħossu fir-responsabbiltà tiegħi li naqsam magħkom x’inhu l-Maġisteru tal-Knisja llum f’dan ir-rigward, li filwaqt li f’kontinwità mat-Tradizzjoni ma jbiddel xejn mid-duttrina u mill-morali, imma jagħtina “dixxiplina pastorali” ġdida animata mill-miżerikordja, li nixtieq li tiġi applikata fid-Djoċesi tagħna.

Il-pastorali tagħna trid isserraħ fuq erba’ azzjonijiet: nilqgħu, nakkumpanjaw, niddixxernu u nintegraw. Din hija attitudni pastorali li għandna nuru ma’ kulħadd u mal-familji kollha (ngħidu aħna dwar il-kwistjoni tal-paternità responsabbli, il-persuni tal-istess sess), inkluż ma’ dawk il-familji midruba. Il-Papa jikteb: “Hu importanti illi lid-divorzjati li qed jgħixu f’rabta ġdida ngħinuhom iħossuhom parti mill-Knisja, li ‘mhumiex skomunikati’ u mhumiex meqjusa bħala tali, għaliex jagħmlu dejjem parti mill-komunjoni ekkleżjali. Dawn is-sitwazzjonijiet jitolbu dixxerniment attent u akkumpanjament ta’ rispett kbir, fejn jiġi evitat kull lingwaġġ jew atteġġjament li jġagħilhom iħossuhom iddiskriminati u li jippromovi s-sehem tagħhom fil-ħajja tal-komunità. Li tieħu ħsieb tagħhom, għall-komunità Nisranija ma jfissirx li qed iddgħajjef il-fidi tagħha jew ix-xhieda tagħha fuq l-indissolubbiltà taż-żwieġ, anzi, propju f’din l-għożża hi tesprimi l-imħabba tagħha” (243). F’parti oħra jtenni: “Il-Knisja għandha ssieħeb b’attenzjoni u għożża lil uliedha l-aktar dgħajfa, milquta minn imħabba miġruħa u mifnija, u tagħtihom lura l-fiduċja u t-tama, bħad-dawl tal-fanal ta’ port jew ta’ musbieħ mixgħul f’nofs in-nies biex idawwal lil dawk li tilfu t-triq jew inqabdu f’nofs tempesta qalila. Ma ninsewx li spiss il-ħidma tal-Knisja tixbah lil dik ta’ sptar fil-kamp tal-gwerra” (291).

Il-Papa japplika wkoll il-loġika tal-integrazzjoni, anki fir-rigward ta’ dawk l-Insara li jikkoabitaw jew li assumew biss l-impenn taż-żwieġ ċivili. “Dawn is-sitwazzjonijiet kollha għandna naffrontawhom b’mod kostruttiv, u nippruvaw nibdluhom f’opportunitajiet ta’ mixja lejn il-milja taż-żwieġ u tal-familja fid-dawl tal-Vanġelu. Irridu nilqgħuhom u nakkumpanjawhom b’sabar u delikatezza” (294).

Dawn il-persuni ma nistgħux nibqgħu ngħinuhom billi sempliċiment napplikaw in-normi ġenerali għas-sitwazzjoni tagħhom hekk li nkunu qisna qegħdin inwaddbu l-ġebel kontrihom (ara 305) – ma nistgħux “insolvu kollox billi napplikaw normi ġenerali jew naqbdu xi riflessjonijiet teoloġiċi u nisiltu minnhom konklużjonijiet eċċessivi” (2).

Filwaqt li jsejjes l-argument delikat, imma meħtieġ, fuq l-intuwizzjoni ta’ San Tumas, il-Papa jgħid li “huwa żbaljat li nieqfu biss biex naraw jekk l-għemil ta’ persuna jissodisfax jew le xi liġi jew norma ġenerali, għax dan mhux biżżejjed biex niddixxernu u niżguraw li hemm fedeltà sħiħa lejn Alla fil-ħajja konkreta tal-bniedem. Nitlob bil-ħerqa sabiex dejjem inżommu quddiem għajnejna dak li jgħallimna San Tumas ta’ Aquino u li dan it-tagħlim nagħmluh tagħna ħalli napplikawh fid-dixxerniment pastorali: ‘Minkejja li fil-ħwejjeġ ġenerali hemm ċerta neċessità, aktar ma wieħed jinżel fil-ħwejjeġ partikulari, aktar isib indeterminazzjoni […] Fil-kamp prattiku mhijiex l-istess għal kulħadd il-verità jew in-norma prattika f’relazzjoni mal-partikulari, imma biss f’relazzjoni ma’ dak li hu ġenerali; u anki fost dawk li jaċċettaw l-istess norma prattika għall-każijiet partikulari, din mhijiex magħrufa l-istess minn kulħadd […] U aktar tikber l-indeterminazzjoni aktar ma tinżel fil-partikulari’. Huwa minnu li n-normi ġenerali jippreżentaw ġid li ma għandux jiġi mwarrab jew ittraskurat, imma fil-formulazzjoni tagħhom ma jistgħux iħaddnu s-sitwazzjonijiet partikulari kollha. Fl-istess ħin irridu ngħidu li, propju għal din ir-raġuni, dak li jagħmel parti minn dixxerniment prattiku quddiem sitwazzjoni partikulari ma jistax jitgħolla għal-livell ta’ norma. Dan mhux biss iwassal biex tinħoloq każistika insopportabbli, imma jpoġġi fir-riskju l-valuri li jridu jiġu mħarsa bl-akbar attenzjoni” (304).

Għalija dan huwa paragrafu kardinali tal-Eżortazzjoni għax jimmarka l-passaġġ minn morali normattiva għal waħda aktar personalistika. Il-liġijiet xorta waħda hemm ħtieġa tagħhom u jibqgħalhom il-valur pedagoġiku tagħhom, imma l-formulazzjoni tagħhom waħidha jew l-esiġenzi oġġettivi tagħhom, mhux dejjem huma biżżejjed biex wieħed jirregola r-relazzjoni tiegħu ma’ Alla.

F’dan il-kuntest il-kuxjenza għandha fakultajiet u responsabbiltajiet għolja ħafna. Imma ħafna drabi aħna, inkwantu niġu mitluba biex indawlu l-kuxjenzi, urejna li aħna diffidenti fil-konfront tal-kuxjenza tal-oħrajn u azzardajna nieħdu post il-kuxjenza ta’ ħaddieħor. Dan huwa abbuż serju ħafna. Il-Papa jgħid li “insibuha bi tqila biex nagħtu spazju lill-kuxjenza tal-fidili, li ħafna drabi jwieġbu bl-aħjar mod possibbli għall-Vanġelu qalb il-limiti tagħhom u jistgħu jmexxu ’l quddiem id-dixxerniment personali tagħhom quddiem sitwazzjoni li fiha jitkissru l-iskemi. Aħna msejħin biex niffurmaw il-kuxjenzi, u mhux nippretendu li neħdulhom posthom” (37). F’passaġġ ieħor il-Papa jispjega li l-kuxjenza għandha funzjoni li tmur ’l hinn minn waħda ta’ karattru normattiv: “Kuxjenza mdawla, iffurmata u akkumpanjata mid-dixxerniment responsabbli u serju tar-Ragħaj… tista’ mhux biss tagħraf li sitwazzjoni ma tweġibx oġġettivament għall-proposta ġenerali tal-Vanġelu, imma tista’ anki tagħraf b’sinċerità u onestà dik li fil-mument preżenti tista’ tkun it-tweġiba ġeneruża li tista’ tiġi offruta lil Alla, u tiskopri b’ċerta ċertezza morali li dik hi l-għotja li Alla nnifsu qiegħed jitlob qalb il-kumplessità konkreta tal-limiti, minkejja li għad mhijiex b’mod sħiħ l-ideal oġġettiv” (303). Fi kliem ieħor, meta jħaddem il-kuxjenza, in-Nisrani jħares lejn il-qagħda tiegħu bl-għajnejn ta’ Kristu.

Bħala għajnuna lill-persuna biex l-għażliet tagħha ma jkunux deċiżjonijiet suġġettivi jew sempliċi adattament għaċ-ċirkustanzi, il-Knisja tipproponi d-dixxerniment. L-eżerċizzju tad-dixxerniment jikkonferma kemm l-istorja jew il-kuntest tal-persuna singola huma fatturi determinanti biex wieħed jasal ħalli jsib x’inhi r-rieda ta’ Alla għalih, kif semmejt aktar ’il fuq.

L-Eżortazzjoni titkellem fuq żewġ aġenti li huma “obbligati” jagħmlu dan id-dixxerniment quddiem dawk is-sitwazzjonijiet li jkunu f’kuntrast maż-żwieġ Nisrani (293, 222). Hemm “id-dixxerniment pastorali” li jolqot ir-ragħajja tal-erwieħ, u hemm “id-dixxerniment personali” li trid tagħmel il-persuna involuta f’dawn is-sitwazzjonijiet biex tara x’inhuma r-responsabbiltajiet morali tagħha. Huwa evidenti li hawnhekk għandna l-pedagoġija tal-Eżerċizzi Spiritwali ta’ Sant’Injazju ta’ Loyola li huma metodu li jgħin lil min qed jiddixxerni, pass wara l-ieħor, ġurnata wara l-oħra, ħalli jagħmel esperjenza ta’ Ġesù u hekk isib ir-rieda ta’ Alla għalih. Dan id-dixxerniment jista’ jsir fil-foro interno non sacramentale (moral counseling) jew fil-foro interno sacramentale (il-Qrar) – ħafna drabi jibda fil-foro interno non sacramentale imbagħad jista’ jwassal għas-sagrament tal-Qrar.

F’dawn il-każijiet is-saċerdoti huma fid-dmir li jakkumpanjaw lill-persuni interessati fit-triq tad-dixxerniment. “Dan huwa itinerarju ta’ akkumpanjament u ta’ dixxerniment li jorjenta lil dawn il-fidili biex jagħrfu fil-kuxjenza tagħhom u quddiem Alla l-qagħda li jinsabu fiha. Il-kollokju mas-saċerdot, fil-‘foro interno’, jgħin biex jissawwar ġudizzju korrett fuq dak li qed ixekkel il-possibbiltà ta’ sehem iżjed sħiħ fil-ħajja tal-Knisja u fuq il-passi li jistgħu jiffavorixxu u jsaħħu dan it-tisħib” (300).

Dan id-dixxerniment mhux maħsub biex tiġi applikata n-norma ġenerali għas-sitwazzjoni, imma bħala għajnuna ħalli l-kuxjenza tasal biex tagħraf “il-ġid possibbli f’sitwazzjoni” (308) anki jekk dan “il-ġid possibbli” ma jkunx jaqbel b’mod sħiħ mal-Vanġelu (ara 303); anzi, kif diġà għidna, il-kuxjenza “tista’ mhux biss tagħraf li sitwazzjoni ma tweġibx oġġettivament għall-proposta ġenerali tal-Vanġelu; imma tista’ anki tagħraf b’sinċerità u onestà dik li fil-mument preżenti tista’ tkun it-tweġiba ġeneruża li tista’ tiġi offruta lil Alla, u tiskopri b’ċerta ċertezza morali li dik hi l-għotja li Alla nnifsu qiegħed jitlob qalb il-kumplessità konkreta tal-limiti, minkejja li għad mhijiex b’mod sħiħ l-ideal oġġettiv” (303).

Ħafna drabi minn dan ix-xorta ta’ dixxerniment il-persuna tagħmel il-passaġġ għas-sagrament tal-Penitenza; imma jista’ jagħti l-każ li mhux dejjem jiġri hekk. Fil-fatt, il-moralista Basilio Petrà jgħid li xi drabi jkun il-każ li l-persuna ma jkollhiex bżonn tqerr. Skont id-duttrina, il-Qrara hija meħtieġa meta wieħed ikollu dnubiet gravi jew mejta. Wieħed ikun ħati ta’ dnub gravi meta l-materja tkun gravi (materia grave), ikun jaf li qed jagħmel għemil ħażin (piena avvertenza) u jkun liberu li jaġixxi (deliberato consenso). F’dawn is-sitwazzjonijiet huwa possibbli li persuna ma jkollhiex responsabbiltà morali ta’ għemilha. Il-Papa josserva li “mhuwiex aktar possibbli [li nkomplu] ngħidu li dawk kollha li jinsabu f’sitwazzjoni hekk imsejħa ‘irregolari’ qed jgħixu fl-istat tad-dnub il-mejjet, nieqsa mill-grazzja santifikanti. Il-limiti ma jiddependux sempliċement minn injoranza tan-norma. Il-bniedem, anki jekk jaf tajjeb in-norma, jista’ jkollu diffikultajiet kbar biex jifhem il-valuri mħaddna (valori insiti) fin-norma morali jew jista’ jkun f’kundizzjonijiet konkreti li ma jħalluhx jaġixxi mod ieħor u li jieħu deċiżjonijiet oħrajn mingħajr ma jaqa’ mill-ġdid fil-ħtija. Kif esprimew ruħhom tajjeb il-Padri Sinodali, ‘jista’ jkun hemm fatturi li jillimitaw il-ħila ta’ deċiżjoni’” (301). L-istess Katekiżmu tal-Knisja jagħmilha ċara li “il-ħtija u r-responsabbiltà ta’ xi għemil jistgħu jonqsu jew jispiċċaw għalkollox minħabba l-injoranza, in-nuqqas ta’ attenzjoni, il-vjolenza, il-biża’, id-drawwiet, ir-rabtiet ta’ mħabba bla rażan u fatturi oħra psikiċi jew soċjali”. Ċirkustanzi oħra li jafu jnaqqsu r-responsabbiltà morali huma l-immaturità affettiva, imġiba li l-persuna tkun laħqet drat, l-istat ta’ qtigħ il-qalb u fatturi oħra. “Għal din ir-raġuni, ġudizzju negattiv fuq sitwazzjoni oġġettiva ma jimplikax ġudizzju fuq il-ħtija (imputabilità o colpevolezza) tal-persuna involuta… Il-konsegwenzi tal-atti mwettqa ma humiex neċessarjament l-istess fil-każi kollha” (302). Għalhekk, l-effetti ta’ ksur ta’ liġi ma humiex neċessarjament dejjem l-istess għal kulħadd, “lanqas f’dak li jirrigwarda d-dixxiplina sagramentali, u dan peress li permezz tad-dixxerniment wieħed jista’ jasal biex jagħraf li f’sitwazzjoni partikulari ma jkunx hemm ħtija gravi” (300, nota 336). F’dawk il-każi fejn il-ħtija u r-responsabbiltà “jispiċċaw għalkollox”, biex wieħed jersaq għall-Ewkaristija, il-Qrar huwa ssuġġerit bħalma hu għal kull Nisrani f’mixja kontinwa ta’ konverżjoni – imma mhux neċessarju. Peress li dan id-dixxerniment jaf ikollu konsegwenzi serji ħafna, nirrakkomanda li jsir ma’ persuna spiritwalment matura.

Bħala regola, dawk li huma divorzjati u miżżewġa mill-ġdid ma jistgħux jirċievu s-sagramenti; imma l-Papa jgħid li “minħabba l-kundizzjonamenti u l-fatturi attenwanti, hu possibbli li, f’sitwazzjoni oġġettiva ta’ dnub – li mhijiex suġġettivament ħatja jew mhijiex ħatja b’mod sħiħ – wieħed jista’ jgħix fil-grazzja ta’ Alla, jista’ jħobb, u jista’ anki jikber fil-ħajja tal-grazzja u tal-imħabba, huwa u jirċievi l-għajnuna tal-Knisja għal dan il-għan” (305). F’ċeri każi, din l-għajnuna “tista’ tkun anki l-għajnuna tas-sagramenti. Għaldaqstant infakkar lis-saċerdoti li l-konfessjonarju m’għandux ikun sala tat-tortura imma l-post tal-miżerikordja tal-Mulej. Bl-istess mod, nirrimarka li l-Ewkaristija mhijiex il-premju tal-perfetti, imma hi d-duwa b’saħħitha u ikel għad-dgħajfin” (305, nota 351). Għal dawk li għandhom dubju jekk din l-Eżortazzjoni bidlitx id-dixxiplina li tirregola ċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti u l-persuni divorzjati u miżżewġa mill-ġdid, infakkar li għal mistoqsija li saritlu dwar dan is-suġġett fil-konferenza stampa waqt li kien qed jirritorna minn Lesvos għal Ruma, il-Papa Franġisku wiegeb: “Iva”.

F’dan ma għandna xejn ġdid għaliex skont il-morali tradizzjonali, anki skont il-praxis confesarii ta’ San Alfons Maria de Liguori, “per l’assoluzione non si può esigere dal penitente pentito più di quanto possa dare”. Hemm ċirkustanzi fejn biex jagħti l-assoluzzjoni, il-konfessur ma jistax jesiġi mill-penitent li jabbanduna sitwazzjoni fejn hemm periklu morali gravi jekk dan ikun jissarraf f’dannu gravi għalih innifsu jew lejn persuni li tagħhom huwa responsabbli. Fil-fatt, konna nitkellmu fuq “occasio proxima et necessaria peccandi”. F’sitwazzjoni fejn il-penitent ikollu kuxjenza suġġettivament difensibbli, kien possibbli li l-konfessur jassolvi u jammetti għall-Ewkaristija anki jekk il-konfessur huwa konxju li quddiemu għandu għemil li għall-Knisja huwa diżordni oġġettiv.

L-Eżortazzjoni tistabbilixxi li d-dixxerniment għandu jsir skont it-tagħlim tal-Knisja u l-orjentamenti tal-Isqof. Dan jiżgura li l-Maġisteru tal-Knisja ser jibqa’ l-gwida. Ħadd ma jista’ jgħid li qegħdin naċċettaw is-suġġettiviżmu morali jew li warrabna l-kmandamenti! Fl-istess dokument hemm lista ta’ sitt kriterji (300):
1. eżami ta’ kuxjenza b’waqtiet ta’ riflessjoni biex wieħed jagħraf ir-responsabbiltajiet tiegħu/tagħha u jekk ikollu ħtija, jindem minnha: “Riflessjoni sinċiera tista’ ssaħħaħ il-fiduċja fil-miżerikordja ta’ Alla li ma tiġi miċħuda lil ħadd”;
2. jeżamina r-responsabbiltà tiegħu ta’ ġenitur billi jara kif huwa jkun ġab ruħu ma’ wliedu meta tkisser iż-żwieġ;
3. jara kienx hemm tentattivi ta’ rikonċiljazzjoni u jekk is-sitwazzjoni hijiex waħda irreversibbli;
4. jistħarreġ saritx karità u ġustizzja mal-partner u mal-ulied;
5. jiżen x’effett ser ikollha r-relazzjoni ġdida fuq il-bqija tal-familja u l-komunità;
6. ikejjel x’effett ser ikollha din ir-relazzjoni ġdida fuq dawk li qegħdin jippreparaw għaż-żwieġ.

Barra minn dawn, l-Eżortazzjoni toffri wkoll eżempji li jistgħu jgħinu fid-dixxerniment: “Il-persuni divorzjati li reġgħu żżewġu, ngħidu aħna, jistgħu jsibu lilhom infushom f’sitwazzjoni differenti ħafna minn xulxin, li ma jistgħux jintefgħu f’keffa waħda jew jiġu msakkra f’affermazzjonijiet riġidi żżejjed li ma jħallux lok biex isir dixxerniment personali u pastorali adegwat. Mod għandek it-tieni unjoni li ssodat maż-żmien, b’ulied ġodda, b’fedeltà ppruvata, b’dedikazzjoni ġeneruża, b’impenn Nisrani, b’għarfien tal-irregolarità tas-sitwazzjoni tagħhom u b’diffikultà kbira biex jerġgħu lura bla ma jħossu fil-kuxjenza li ser jaqgħu fi dnubiet ġodda. Il-Knisja tirrikonoxxi sitwazzjonijiet fejn ‘ir-raġel u l-mara, minħabba raġunijiet serji – bħalma huma, ngħidu aħna, l-edukazzjoni tal-ulied – ma jistgħux jissodisfaw l-obbligu tas-separazzjoni’. Hemm ukoll il-każ ta’ dawk li għamlu sforzi kbar biex isalvaw l-ewwel żwieġ u ġarrbu abbandun inġust, jew inkella l-każ ta’ dawk li daħlu fit-tieni żwieġ minħabba l-edukazzjoni tal-ulied, u xi drabi huma suġġettivament ċerti fil-kuxjenza li ż-żwieġ ta’ qabel, li tfarrak b’mod irreparabbli, qatt ma kien validu. Ħaġa oħra, iżda, hija rabta ġdida li ġejja minn divorzju reċenti, bil-konsegwenzi kollha tat-tbatija u ta’ taħwid li jolqtu lit-tfal u lil familji sħaħ, jew is-sitwazzjoni ta’ min naqas ta’ sikwit mill-impenji familjari tiegħu. Irid ikun ċar li dan mhuwiex l-ideal li l-Vanġelu jipproponi għaż-żwieġ u l-familja” (298).

Konklużjoni
Minn dawn il-ftit riflessjonijiet, jien konvint li permezz tal-Amoris lætitia l-Papa Franġisku qed joffrilna qafas teoloġiku, morali u pastorali biex filwaqt li nibqgħu nwasslu l-Vanġelu tal-familja, noffru dak li awgurat il-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi fl-1973: “Li nuru kura partikulari ma’ dawk li qed jgħixu f’għaqda irregolari u li nsolvu dawn il-każijiet bit-tħaddim ta’ prattiċi approvati milll-Knisja dwar il-foro interno kif ukoll b’mezzi oħra ġusti”. Meta tqis il-kumplessità tat-tematiċi li semmejna, ir-riflessjoni teoloġika mhix ser tieqaf tagħmel l-approfondimenti tagħha. Evidentement min-naħa tagħna l-operaturi pastorali rridu nieħdu b’aktar impenn il-formazzjoni teoloġika u pastorali tagħna. Kollox juri li din il-pastorali mhix waħda ħafifa u ta’ malajr, imma waħda impenjattiva sew li tgħabbina b’ħafna responsabbiltà quddiem il-persuni, quddiem il-Knisja u quddiem Alla. Nafu li ma għandniex “riċetti ħfief” (298). Nirrakkomanda li ħadd ma jaħrab minn din ir-responsabbiltà u li ħadd ma jittratta dawn il-persuni b’mod leġġer. La huwa l-każ li nkeċċu dawn il-persuni mill-konfessjonarju u lanqas huwa każ li naħarqu t-tappi tal-proċess tad-dixxerniment u nibagħtu l-messaġġ li xejn ma hu xejn. Ma rridux inkunu riġidi imma lanqas noħolqu morali doppja.

Fir-rigward ta’ dawn il-każijiet ma għandi ebda ħsieb li nillimita l-fakultà tal-Qrar ta’ ħadd; imma ser inwaqqaf kummissjoni ta’ ftit saċerdoti li flimkien miegħi bħala Isqof, “ministru tal-Miżerikordja divina”, inkunu garanti li f’dawn il-każi d-dixxerniment barra mill-foro sagramentali jkun qed isir skont l-ispirtu tal-Eżortazzjoni. Għalhekk, każi bħal dawn jistgħu jiġu referuti lil din il-Kummissjoni.

Intemm billi nistieden lilkom, għeżież ħuti saċerdoti, biex dejjem aktar insammru għajnejna fuq Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb. Għadna kemm iċċelebrajna lbieraħ il-Qalb ta’ Ġesù – nitolbuH sabiex qalbna tkun dejjem aktar tixbah lil Tiegħu. Kif qalilna l-Papa fl-ewwel meditazzjoni li għamel lis-saċerdoti l-Ħamis li għadda, “il-qalb ta’ Kristu hija qalb li tagħżel it-triq l-aktar qrib u li timpenjaha. Din hija l-miżerikordja: li tħammeġ l-idejn, tmiss, tirriskja, trid tikkonvolġi ruħha mal-persuna l-oħra, iddur lejn dak li hu personali b’dak li hu l-aktar personali, ma ‘tittrattax każ’, imma timpenja ruħha ma’ persuna, mal-ġrieħi tagħha. Inqisu ftit il-lingwaġġ tagħna. Kemm drabi, mingħajr ma nindunaw, ngħidu: ‘Għandi każ ta’…’. Ieqaf! Minflok għid: ‘Għandi persuna li…’ […] Hemm xi ftit ta’ klerikaliżmu: li nirriduċu l-konkretezza tal-imħabba ta’ Alla, ta’ dak li jagħtina Alla, tal-persuna li għandna quddiemna, għal ‘każ’. U hekk ninqata’ u ma jmissnix. U hekk ma nħammiġx idejja; u hekk nagħmel pastorali pulita, eleganti, fejn ma nirriskja xejn. U fejn – tiskandalizzawx ruħkom – lanqas għandi l-possibbiltà ta’ dnub tal-mistħija. Il-miżerikordja tmur lil hinn mill-ġustizzja, iġġib għarfien u kompassjoni, u twassal biex tinvolvi ruħek fil-ħajja tal-persuna li għandek quddiemek” (L-ewwel meidtazzjoni, 2 ta’ Ġunju 2016).

Illum, il-festa tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, nitolbuha sabiex iddakkarna dejjem aktar bil-ħarsa tagħha, il-ħarsa ta’ Qalb safja, li “issaffina mill-katarretti li ma jħalluniex naraw lil Kristu fl-erwieħ, li tfejjaqna minn kull ‘mjopija’ (short-sightedness) li ma tħalliniex naraw il-ħtiġijiet tal-persuni, li huma dawk ta’ Kristu inkarnat; li tfejjaqna minn long-sightedness li ma tħalliniex naraw id-dettalji ż-żgħar, dak li hemm miktub irqiq fejn iseħħu r-realtajiet l-aktar importanti fil-ħajja tal-Knisja u tal-familji tagħna” (It-tieni meditazzjoni, 2 ta’ Ġunju 2016).