Omelija tal-Isqof Mario Grech fl-Ammissjoni ta’ żewġ kandidati għall-Ordni Sagri

Print Friendly, PDF & Email

Omelija fl-Ammissjoni ta’ żewġ kandidati għall-Ordni Sagri
Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria
Il-Ġimgħa 10 ta’ Ġunju 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

KULL FAMILJA HI SEMINARJU ĊKEJKEN

Jekk xi darba jkollu jagħlaq dan is-Seminarju Maġġuri fid-Djoċesi tagħna, inkunu ġarrabna telfa kbira. Qed ngħid dan mhux għax hemm xi ħsieb li s-Seminarju jispiċċa, imma biex nesprimi l-għożża li għandi għal din id-dar ta’ formazzjoni tas-seminaristi. Bi gratitudni kbira nirrikonoxxu li matul dawn il-mija u ħamsin sena li dan is-Seminarju ilu wieqaf, kienu kotrana l-barkiet li permezz tiegħu Alla qassam mhux biss fuq il-Knisja f’Għawdex, imma fuq ħafna u ħafna djoċesijiet oħra.

Imma xi jkun jiswa jekk is-Seminarju tal-kbar jibqa’ wieqaf, imbagħad jiġu nieqsa għadd ta’ “seminarji żgħar” li hemm fil-familji tagħna! Fil-fatt, il-familja hija l-ewwel “seminarju” fejn tinżera’, tinbet u tibda timmatura l-vokazzjoni saċerdotali. Jien inħossni grat ħafna lejn il-ġenituri tas-saċerdoti tagħna, għax jien żgur li kienu strumentali biex uliedhom illum huma presbiteri. Il-futur tas-Seminarju tal-kbar jiddependi mis-saħħa tal-familji tagħna fil-ġejjieni. Fil-“Knisja tad-dar” il-ġenituri huma l-ewwel evanġelizzaturi u katekisti għal uliedhom. Il-ħajja spiritwali fil-familja tgħin mhux ftit biex it-tifel jilqa’ s-sejħa li jagħmillu Alla. Ċertament li waħda mir-raġunijiet għaliex naqas in-numru tas-seminaristi tagħna hija l-fattur demografiku. Aktar ma jkun baxx in-numru tal-ulied, anqas ser ikun hemm ġuvintur li jikkunsidraw is-sejħa għas-saċerdozju. Għalhekk, ħidma għall-vokazzjonijiet tippresupponi ħidma b’risq familja b’saħħitha.

Illum aktar minn qatt qabel, irridu nibqgħu nipproponu l-Vanġelu tal-familja li sserraħ fuq iż-żwieġ. Misjuqa mill-imħabba totali, esklussiva u dejjiema, ir-raġel u mara jissiġillaw l-għotja tagħhom lil xulxin biċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ. Kif jgħid il-Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni Amoris lætitia, “il-familja u ż-żwieġ ġew mifdija minn Kristu, ġew irrestawrati fuq xbieha tat-Trinità, misteru li minnu toħroġ l-imħabba vera. Il-patt taż-żwieġ, inawgurat fil-ħolqien u rrivelat fl-istorja tas-salvazzjoni, jirċievi t-tifsira sħiħa tiegħu fi Kristu u l-Knisja. Mingħand Kristu, permezz tal-Knisja, iż-żwieġ u l-familja jirċievu l-grazzja meħtieġa biex jagħtu xhieda tal-imħabba ta’ Alla u jgħixu ħajjithom magħqudin flimkien” (AL 65). Dak kollu li jista’ jxellef din l-esperjenza ta’ mħabba, bħalma huwa d-divorzju u l-adulterju, ma jaqbilx mal-pjan ta’ Alla. Il-kundanna ta’ Ġesù dwar id-divorzju u l-adulterju (ara Mt 5:32) għadha u tibqa’ valida. Fid-dokument li semmejt, il-Papa Franġisku jtenni li “id-divorzju huwa ħaġa ħażina u joħloq ħafna tħassib il-fatt li qed jikber in-numru tad-divorzji. Għalhekk l-ikbar ħidma pastorali tagħna b’risq il-familji hija li nsaħħu l-imħabba u ngħinuhom ifejqu l-feriti, b’tali mod li ma nħallux din id-dramma tal-epoka tagħna tkompli tinfirex” (AL 246).

B’danakollu l-esperjenza tixhdilna li ma humiex waħdiet dawk il-persuni li għal xi raġuni jew oħra jegħjew jerfgħu l-piż ħelu tal-ħajja miżżewġa. Uħud minn dawn jidħlu f’relazzjoni oħra u jkollhom familja – jew jieħdu magħhom ulied frott tal-ewwel żwieġ, jew inisslu ulied ġodda. Illum id-dilemma pastorali ta’ ħafna hija kif ser nittrattaw dawn ir-realtajiet familjari ġodda. Żgur li ma għandniex nevitawhom jew niskartawhom. Jekk mhux għal ħaġa oħra, irridu nżommu quddiem għajnejna li minkejja li ma humiex perfetti, dawn il-familji xorta jafu jkunu “seminarji żgħar”. Niftakar li darba, waqt li konna fis-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-familja, il-Kardinal Schonborn qalilna li hu ġej minn familja “imperfetta” għax il-ġenituri tiegħu huma divorzjati! Dan mhux l-uniku każ. Għalhekk, l-attitudni pastorali tagħna trid tkun waħda li tilqa’ u takkumpanja lil dawn il-koppji biex jirnexxilhom jintegraw ruħhom fil-komunità Nisranija.

Wieħed mill-argumenti li jista’ jgħinna fil-pastorali tagħna ma’ din il-kategorija ta’ familji huwa l-fatt li aħna niġu akar konxji li fil-ħajja mhux kulħadd jimxi b’pass wieħed u mhux ilkoll nifhmu u nirċievu l-istess mod u grad. Qed nirreferi għal dak li jissejjaħ il-prinċipju tal-gradwalità. Il-ħajja hija proċess u tiżvolġi biċċa biċċa, pass wara l-ieħor. Mhux kulħadd jassimila t-tagħrif li jasallu bl-istess mod. Hemm min jintegra dak li jisma’ mill-ewwel, u hemm min jimxi ħafna bil-mod u jbati biex jifhem u jagħmel tiegħu ċerta verità. Qisu għandna sett tazzi ta’ qies differenti… pinta, terz, nofs pinta u tal-grokk. Dawn kollha tazzi. Meta nimlewhom, kollha jimtlew sax-xfar; imma mhux kollha jirċievu l-istess kwantità. Nippreċiża li hawnhekk ma aħniex qed nitkellmu fuq il-“gradwalità tal-liġi” imma fuq “dik il-gradwalità fit-tħaddim prudenzjali tal-atti liberi ta’ dawk il-persuni li ma humiex f’kundizzjoni li jifhmu, japprezzaw u jqiegħdu fil-prattika b’mod sħiħ dak li titlob minnhom il-liġi. Għax anki l-liġi hija rigal minn Alla li juri t-triq, don għal kulħadd mingħajr eċċezzjoni li wieħed jista’ jgħix bl-għajnuna tal-grazzja, anki jekk kull persuna timxi ’l quddiem gradwalment billi bil-mod il-mod tintegra d-doni ta’ Alla u ta’ dak li titlob minnha l-imħabba definittiva u assoluta fil-ħajja personali u soċjali tagħha” (AL 295).

Hemm min jidħol għaż-żwieġ meta jkun għadu ma kisibx din il-maturità spiritwali – u mhux eskluż li jibqa’ jikber fl-għarfien ta’ dak li titlob minnu l-liġi anki wara li jitkisser l-ewwel żwieġ u jidħol fit-tieni relazzjoni. Eżempju li jikkonferma dan huwa każ li rrakkontali wieħed saċerdot. Mar raġel għandu li huwa divorzjat u jinsab fit-tieni relazzjoni. Dan jinsab iddispjaċut għall-mewt għax ġieh riħ ħażin u ttradixxa lis-sieħba tiegħu (il-mara li għandu mit-tieni relazzjoni). Dan ifisser li kien f’din it-tieni fażi, wara li telaq lil martu, li dan ir-raġel fehem il-valur tal-fedeltà u jħoss li qed jonqos gravament meta jaqlibha lill-partner tiegħu! Huwa fatt li għalkemm attwalment dan jinsab b’relazzjoni “imperfetta”, huwa qed jistinka biex jgħożż il-valuri taż-żwieġ. Dawn huma l-elementi kostruttivi li bħala operaturi pastorali għandna ninnutaw biex ngħinu lil dawn il-persuni dgħajfa ħalli, minkejja li jinsabu f’qagħda imperfetta, ikomplu gradwalment jikbru fir-relazzjoni tagħhom ma’ Alla. Ma ninsewx li anki mix-xewk joħroġ il-ward.

Dan ma japplikax għal dawk l-Insara li għalihom sitta u sitta jagħmlu tnax. Hija responsabbiltà ta’ kull wieħed u waħda minna li nfittxu li nkunu nafu lil Ġesù aktar mill-qrib. It-talb personali u liturġiku jgħinna negħlbu d-diffikultajiet li jista’ jkollna fil-proċess biex nassimilaw il-proġett ta’ Alla għalina.

Min-naħa l-oħra aħna l-presbiteri għandna noffru itinerarji varji ta’ katekeżi, formazzjoni u talb biex ngħinu lill-bniedem jikber fl-għarfien tar-rieda ta’ Alla u jidħol f’intimità miegħu. Hija ħasra li ħafna drabi l-kappillani u s-saċerdoti tagħna jkollhom jaħlu ħafna mill-ħin prezzjuż tagħhom f’kumitati, bħalma huma dawk assoċjati mal-festi esterni, li ħafna drabi ma jkun jinteressahom kważi xejn minn din il-missjoni pastorali tal-Knisja. L-enerġija tagħna s-saċerdoti trid tiġi applikata f’ħidma u attività li jsostnu l-ħajja spiritwali u evanġelika tan-nies tagħna. “Illum, aktar minn pastorali tal-fallimenti, huwa meħtieġ dak l-impenn pastorali biex nikkonsolidaw iż-żwiġijiet u hekk nevitaw it-tkissir” (AL 307). L-akkumpanjament individwali u l-formazzjoni tal-kuxjenza huma ħidma prijoritarja. Dan il-ministeru qed dejjem isir aktar meħtieġ u urġenti.

Għeżież seminaristi, Michael u Carl, li llum qed tiġu ammessi għall-Ordni mqaddes għall-ministeru fil-Knisja u ħmistax oħra ser tirċievu l-Ordni tad-Djakonat, inħeġġiġkom biex bħala bennejja ġodda tal-Knisja, ikollkom għal qalbkom il-bini ta’ familji b’saħħithom. Dan l-appostolat jinkludi wkoll il-kura tal-familji li għadhom ’il bogħod mill-ideali tal-Vanġelu dwar iż-żwieġ u l-familja. Anki dan huwa ministeru delikat ħafna. Tibżgħux tqiegħdu jdejkom fuq dawn il-ġrieħi. Żommu quddiem għajnejkom li l-familji kollha, anki dawk mhux perfetti, jistgħu jkunu mixtla ta’ vokazzjoni saċerdotali – huma “seminarji” ċkejkna.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading