Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Festa ta’ Kristu Ewkaristiku Salvatur


Omelija fil-Festa ta’ Kristu Ewkaristiku Salvatur
Knisja parrokkjali ta’ Kristu Ewkaristiku Salvatur, l-Għasri
Il-Ħadd 12 ta’ Ġunju 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IL-FWIEĦA TAL-MIŻERIKORDJA

Meta xi ħadd iħares lejna bl-ikrah, aħna ġieli nużaw l-espressjoni: “Qisni għandi nagħtik!”. Għax verament, meta min hu midjun ma jroddx il-flus, is-sellief iqarras wiċċu. Imma jekk dan japplika għall-kredituri kollha, jien ċert li fil-konfront tagħna, Alla, li miegħu għandna djun kbar, qatt ma hu ser iqarras wiċċu. Għal Alla, il-kunċett ta’ ġustizzja huwa differenti minn tagħna, u forsi għalhekk hawn min ma jistax jifhem lil Alla. Bejnietna aħna nħaddmu l-ġustizzja retributtiva, fis-sens li kulħadd jieħu dak li ħaqqu: għalhekk min jiddejjen għandu jrodd sal-aħħar ħabba. Imma f’Alla mhux hekk. Lil dak li jonqsu (debitur), Alla ma jagħtihx il-piena, imma jwassallu l-miżerikordja tiegħu biex hekk kif il-midneb iduq din il-benna, jinfetaħ għall-maħfra.

Din il-verità Ġesù jfissirha bl-istorja ta’ dawk it-tnejn min-nies li kellhom id-dejn ma’ wieħed li jislef. Minkejja li ma kellhomx minn fejn iħallsu dejnhom, is-sinjur ħafrilhom it-tnejn (ara Lq 7). Is-sinjur ħafrilhom meta kien jaf li impossibbli għalihom li xi darba jroddulu dak li ħaqqu. Hekk jagħmel Alla magħna. Huwa jagħdirna u jaħfrilna wkoll meta jaf li minħabba d-dgħufija u l-limitazzjonijiet tagħna aħna qatt mhu ser jirnexxilna niġu at par miegħu, fis-sens li qatt mhu ser jirnexxilna ninfatmu għalkollox mid-dnub u nqiegħdu fil-prattika l-proġetti tiegħu għalina.

Kemm hawn min huwa midjun u meta jintebaħ li fl-aħħar tax-xahar mhux ser jgħaqqad is-somma li għandu jagħti, jaħbat jaqta’ qalbu għax min silfu jista’ jtellgħu l-qorti! Alla għandu atteġġjament differenti għalkollox – qatt ma hu ser ikeċċina mid-dar tiegħu, anki jekk nibqgħu debituri miegħu.

Hekk ġralha din il-mara li daħlet fid-dar ta’ Xmun il-Fariżew. Ma setgħetx tostor dnubha, għax kienet midinba pubblika. Minħabba l-imġiba ħażina tagħha, hija kienet fuq fomm in-nies. Biex tiltaqa’ ma’ Ġesù, hija sabet il-kuraġġ biex tmur kontra r-regoli soċjali ta’ żmienha, invadiet id-dar ta’ Xmun bir-riskju li ma tkunx mifhuma, tlaqqatha fuq wiċċha u tiġi mibżuqa ’l barra. L-imħabba tagħha għal Ġesù kienet tisboq bil-bosta l-iskemi soċjali u reliġjużi. Nissuspetta li din ma kinitx l-ewwel darba li ġiet wiċċ imb wiċċ ma’ Ġesù – wisq probabbli kienet daqet il-ħlewwa ta’ kliemu jew lemħitu jagħmel xi att ta’ karità. Il-miżerikordja ta’ Alla saqitha biex tinxteħet f’riġlejn Ġesù. Kemm nixtieq li aħna wkoll ikollna l-istess xorti li kellha din il-midinba: li qalbna tisħon meta tisma’ l-kelma ta’ Kristu u hekk inħaffu l-pass biex nidħlu u nagħmluha miegħu.

L-għemejjel li għamlet din il-mara f’riġlejn Ġesù ma humiex tas-soltu. “Qagħdet warajh ħdejn riġlejh, tibki u xxarrablu riġlejh bi dmugħha u tixxuttahomlu b’xuxitha; imbagħad bisitlu riġlejh u dilkithomlu biż-żejt ifuħ” (Lq 7:38). Ma lissnet ebda kelma, imma b’għemilha kantat imħabbitha għal Ġesù. F’dik l-okkażjoni, din il-mara kissret żewġ “vażetti”: dak tal-alabastru li kien fih żejt ifuħ, u dak tal-laħam (qalbha) li minnu ħareġ id-dmugħ. Dmugħha kien espressjoni tal-indiema li ġarrbet kif ukoll sinjal tal-ferħ li mela lil qalbha għax fi Kristu sabet lil Alla li jaċċettaha kif inhi. Fil-fatt bis-skiet tiegħu Ġesù wrieha li kien qed jilqagħha, japprezzaha u jħobbha. Propju għax iħobbha, lil dik li għażlet li toqgħod fuq wara u mal-art, Ġesù issa jpoġġiha fiċ-ċentru tal-ġrajja. Hekk jiġrilhom dawk li aħna, “in-nies tal-Knisja”, irriduhom jibqgħu barra, jew jekk jixirfu fid-dar fejn jgħammar Ġesù, ninsistu li jibqgħu fuq wara!

Li kien għalih, Xmun il-Fariżew kien lest li jisfratta din iċ-ċelebrazzjoni tal-ħniena divina. Skontu, din il-mara midinba ma kellhiex “tmiss” ma’ Ġesù – id-dnub tagħha kien “jiskomunikaha” darba għal dejjem minn Ġesù. Postha kien barra. Imma l-aktar li fixkel lil Xmun kienet il-miżerikordja li Ġesù wera ma’ din il-mara, tant li mbagħad ġieh dubju jekk Kristu kienx profeta veru jew le. Sfortunatament hekk qed jiġrilhom xi wħud mill-Insara llum. Qed jirritaw ruħhom meta jisimgħu lil “profeta” jipprietka u jikkomunika l-miżerikordja ta’ Alla. Hawn min saħansitra jissuspetta li propju minħabba dan il-fatt, “il-profeta” magħżul u mibgħut minn Alla għalina f’dan il-mument tal-istorja ma huwiex profeta veru imma xi imbruljun jew populista.

Kristu ħaġa waħda jitlob minn Xmun: jitolbu jħares lejn din il-mara b’għajnejn ġodda! Fiha ma kellux jara dik li kisret il-liġi jew li għamlet il-ħażin, imma minflok kellu jilmaħ fiha l-persuna ħielsa u mfejqa mill-ħniena ta’ Alla. Bħal ħafna minna, Xmun kellu ħarsa limitata: ra biss l-imġiba esterna ta’ din il-mara – dak li jissejjaħ l-ordni oġġettiv. Barra li ma seta’ qatt jiġġudika x’hemm fil-ġewwieni ta’ din il-persuna, Xmum lanqas kellu l-ħila japprezza d-diqa, it-tbatija u d-dmugħ tagħha. Dan hu li neħtieġu aħna: li nitgħallmu ma niġġudikaw lil ħadd, għax anki jekk dak li jidher ma jkunx jaqbel perfettament ma’ dak li Alla jindikalna fil-Vanġelu, jista’ jiġri li suġġettivament dik il-persuna jkollha responsabbiltà morali differenti.

Dettall interessanti f’dan ir-rakkont huwa li l-ġrajja kollha sseħħ madwar il-“mejda tal-ikla”. Xmun kien konvint li madwar din il-mejda ma kienx hemm spazju għal din il-midinba pubblika. Għall-kuntrarju, Ġesù jaċċettaha. Il-mejda tal-ikel toffri l-okkażjoni biex il-midneb jagħmel esperjenza tal-miżerikordja ta’ Alla. Aħna wkoll niltaqgħu madwar il-mejda tal-Ewkaristija. Ma nagħmlux minn din il-mejda għodda tal-qasma bejn il-qaddisin mill-midinbin. Kif jgħallimna l-Papa Franġisku, “l-Ewkaristija mhix il-premju tal-perfetti, imma rimedju ġeneruż u ikel għal min hu dgħajjef” (Amoris lætitia, 305).

Fid-dawl ta’ dawn ir-riflessjonijiet, nawguralkom li bħal din il-mara li ltaqgħet ma’ Kristu għand Xmun, ilkoll tkunu tarmu l-fwieħa, anki jekk intom debituri ma’ Alla. Il-fwieħa li tibqa’ mhix dik taż-żjut aromatiċi, imma tal-miżerikordja ta’ Alla.