Omelija tal-Isqof Mario Grech fl-Ordinazzjoni Presbiterali

Print Friendly, PDF & Email

Omelija fl-Ordinazzjoni Presbiterali
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
Il-Ġimgħa 20 ta’ Mejju 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IKUN JISIMKOM ĦNIENA

Għeżież Joseph, Massimo u Mario, min jaf x’għaddej minn moħħkom u qalbkom f’dawn il-mumenti ta’ qabel l-Ordinazzjoni presbiterali tagħkom? Nistħajjel li ladarba intom tafu lilkom infuskom aktar milli jafkom l-Isqof tagħkom, u fl-istess waqt tafu x’sejrin tagħmlu, għandkom ftit tat-tensjoni u biża’. Nimmaġina li qegħdin tistaqsu jekk intomx ser tkunu kapaċi twasslu sal-aħħar dan l-uffiċċju ta’ presbiteru (għax kien hemm min beda u waqaf fin-nofs!). Naħseb li għandkom ftit tad-dubji dwar jekk huwiex ser jirnexxilkom twieġbu għall-aspettattivi dejjem ġodda tal-poplu ta’ Alla. Konxju li qed tħossu l-piż tal-wegħdiet li dalwaqt sejrin tagħmlu, speċjalment il-wegħda tal-ubbidjenza lejn l-Isqof u lejn il-Knisja – intom tafu li dawn huma impenji sagri, anki jekk xi kultant ikun hawn min jeħodhom biċ-ċajt. Nistħajjilkom qed tistaqsu jekk intomx ser tkunu fidili għall-wegħda taċ-ċelibat. Insomma, hemm lista twila ta’ mistoqsijiet li niżgurakom li kienu wkoll f’moħħi u f’qalbi tnejn u tletin sena ilu meta kont minflokkom u għadhom jiġuni sikwit, għax bħalkom jien naf iċ-ċokon tiegħi.

Qed ngħidilkom dan għax il-Vanġelu li għadu kif tħabbrilna (Ġw 21:15-17) ippreżentalna lil Pietru li ma kienx ħafna aħjar minnkom, biex na ngħidx li kien f’sitwazzjoni agħar minn tagħkom. Fil-fatt, f’dan l-episodju għandna l-ewwel laqgħa ta’ Pietru ma’ Ġesù wara li ċaħdu, ittradieh, staħa jistqarr li hu dixxiplu tiegħu u abbandunah! Minħabba dawn il-fjaski Pietru tant ħassu kkundizzjonat u pparalizzat li ma kienx kapaċi jintebaħ bil-preżenza mġedda ta’ Kristu fil-komunità. Dan jista’ jiġri lilna wkoll. L-istorja tagħna, bit-tlugħ u l-inżul tagħha, tkun tali li żżommna lura milli nersqu għand Ġesù. Bħal Pietru aħna nimmaġinaw li meta wara xi fjask f’ħajjitna, nerġgħu niġu wiċċ imb wiċċ miegħu, Ġesù jtektikhielna, jagħtina xi ċamata jew twiddiba. Għalhekk wieħed jista’ jimmaġina x’biża’ u tregħid kellu fuqu Pietru f’dan l-episodju.

Imma Ġesù ma jiqafx jissorprendina bl-inizjattivi tiegħu. Huwa jagħżel lil Pietru minn fost sħabu u jistaqsih: “Tħobbni, Pietru?”. Kemm huwa minnu li l-miżerikordja hija l-isem ta’ Alla! Ġesù huwa l-ħniena inkarnata li ddewweb in-nuqqasijiet, id-dgħufija, l-infedeltajiet u d-dnub tagħna. Il-Mulej Ġesù li sejħilkom u jridkom tkunu presbiteri tiegħu, għandu qawwa miżerikordjuża li biha jinsa kull delitt li qatt tistgħu tagħmlu. Nixtieqkom tkunu konvinti minn din il-verità, għax żbalji għad twettqu, imma l-Mulej ħaġa waħda jitlob minnkom: “Tħobbuni?”.

Quddiem din il-proposta, Pietru jwieġbu: “Iva, Mulej, jien inħobbok!”. B’dik l-iva tiegħu, Pietru jibda avventura ġdida – jibda l-mixja morali ta’ ħajtu. Għaliex dak li jagħmel ħajja morali tajba l-ewwel u qabel kollox ma humiex il-liġijiet – attenti biex ma tkunux legalisti jew rigorużi – imma l-esperjenza tal-imħabba. Dan jgħidu San Tumas ta’ Aquino, l-aktar teologu li l-Papa jikkwota fl-aħħar Eżortazzjoni tiegħu. Fil-fatt San Tumas jgħid li l-bidu ta’ ħajja morali umana huwa l-att tal-imħabba. U dan hu li għamel Pietru. Din l-imħabba kapaċi tfejjaq il-ġerħat u tħit it-tiċrit.

Ladarba qed nitkellmu fuq l-imħabba, ifisser ukoll li għandu jkun hemm preżenza. Għalhekk, kif għamel Pietru, agħmlu intom ukoll: għixu fil-preżenza ta’ Kristu Rxoxt li b’mod misterjuż huwa storikament preżenti permezz tal-Knisja li tagħha intom saċerdoti. Mingħajr din il-Preżenza, ma hemmx moralità. Agħmlu l-qalb! Ixħtu wara spallejkom kulma jista’ jaqtgħalkom qalbkom, anki d-dnub tagħkom, għax il-Mulej iħobbkom u kulma jitlob minnkom hi l-imħabba!

F’dan il-passaġġ San Ġwann juża żewġ termini bil-Grieg għall-kelma “imħabba”. Fil-bidu hu jqiegħed fuq fomm Ġesù l-kelma agapao, fis-sens li lil Pietru Ġesù jistaqsih jekk iħobbux b’dik l-imħabba sħiħa u bla kundizzjoni li twasslu biex jingħata kollu kemm hu. Imma Pietru, biex jgħidlu li jħobbu, juża l-kelma phileo – li timplika livell ibxax ta’ mħabba (“inħobbok jekk tħobbni, nirrispettak”). Għalhekk mat-tielet kolp, Ġesù jbaxxi l-istandard tal-imħabba li jitlob minn Pietru u jistaqsih: “Almenu inti ħabibi?” (phileo). Hawnhekk qalb Pietru tingħafas għax Pietru jinduna li Ġesù niżżel l-aspettattiva tiegħu u flok imħabba (agape) issa talbu rispett (phileo). Imma kif josserva Oriġene, Kristu għandu din l-imħabba kondixxendenti: huwa jixtieq li Pietru jħobbu b’dik l-imħabba sħiħa u bla kundizzjoni, imma xħin ra li Pietru mhux kapaċi jħobbu b’dik il-kwalità ta’ mħabba, jitlob minnu mħabba inqas impenjattiva. Hawn jidher kemm huwa realistiku Kristu. Huwa jitlaq mill-persuna u l-kapaċità tagħha. Jekk il-bniedem mhux kapaċi jagħtih il-mija fil-mija, allura Ġesù jaċċetta ħamsin jew tletin – l-importanti li aħna nħobbuh. Dan qiegħed jagħmel magħkom illum, għeżież presbiteri ġodda: anki jekk ma tifilħux tagħtuh l-imħabba totali (agape), almenu offrulu l-imħabba tal-ħbieb (phileo) u bil-mod il-mod bil-grazzja tiegħu din l-imħabba tikber.

Dan kollu mhux biss qed ngħidhulkom għall-ħajja spiritwali tagħkom, imma wkoll għall-ħajja ministerjali tagħkom. Għax hawnhekk għandna ċavetta tal-pastorali. Ħafna drabi bħala saċerdoti ser tiltaqgħu ma’ persuni li jkunu għamlu falliment minn ħajjithom u mill-ħajja tal-familja tiegħu. Probabbli bħal Pietru dawn ukoll jibżgħu jersqu quddiem Ġesù. Imma huwa s-saċerdot li jrid jagħmel preżenti lil Ġesù għall-bniedem tal-lum. U minflok ma nċanfruhom, nikkundannawhom jew naqtgħuhom, fuq l-eżempju ta’ Ġesù aħna rridu nagħmlulhom offerta ta’ mħabba: Tħobbni int, Ġużepp? Tħobbni inti, Manwela? Huwa minn dan l-att ta’ mħabba li tibda l-ħajja morali tajba tal-bniedem. Azzjoni hija tajba jew le skont kemm il-bniedem ikun magħqud ma’ Alla. Meta niltaqgħu mar-realtà tal-ħajja, insibu li ħafna drabi l-bniedem ma jafx u ma jistax iħobb lil Alla b’dik l-imħabba totali. Aħna nixtiequ u għandna nimpenjaw ruħna biex il-bnedmin iħobbu lil Alla b’ruħhom u b’qalbhom kollha, imma jekk dak li jkun ma jistax jilħaq dan il-grad, ma naqtgħulux qalbu imma nakkumpanjawh u ngħinuh biex għalissa jħobb lil Alla kemm jista’, imbagħad il-grazzja tagħmel il-mirakli. Nafdaw f’Alla għax hu biss jista’ jibdel il-qalb tagħna – isqof, presbiteru, reliġjuż, lajk – biex tkun tista’ tħobbu fuq kollox.

Fil-bidu tal-ħajja presbiterali tagħkom nixteqilkom minn qalbi li tkunu barka għall-Knisja u għad-dinja. Ftakru li bl-Ordinazzjoni saċerdotali llum sar jisimkom “Ħniena”.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading