Messaġġ tal-Isqof Mario Grech fl-għoti tal-fakultà tal-Qrar lis-saċerdoti ġodda


Messaġġ fl-għoti tal-fakultà tal-Qrar lis-saċerdoti ġodda
Knisja parrokkjali tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor il-Kbir, Ta’ Kerċem
Is-Sibt 28 ta’ Mejju 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

F’din is-Sena tal-Ħniena, meta nikkunsidra li s-Sagrament tal-Qrar huwa wieħed mill-kanali ewlenin li minnhom taslilna l-miżerikordja ta’ Alla, ħassejt li l-fakultà biex tiċċelebraw dan is-sagrament għandi nagħtihielkom waqt mument ta’ talb mal-komunità. Il-ministeru tal-konfessur xejn ma huwa ħafif. Fil-fatt, kif jgħidu, il-konfessur għandu “widnejh maħmuġa”, għax meta nisimgħu l-istqarrija tad-dnubiet, il-penitenti jferrgħu f’ħoġorna l-iżbalji u n-nuqqasijiet tagħhom. Niftakar lill-Isqof Nikol Ġ. Cauchi jgħidilna li zijuh, li kien qassis mimli bil-għomor, qabel kien jidħol fil-konfessjonarju, kien jieqaf jgħid talba għax Alla biss jaf ma’ min kien jista’ jiltaqa’ waqt il-Qrar. Dan il-parir għadu validu llum ukoll.

Huwa minnu wkoll li hemm penitenti li jafdawlna ħafna sigrieti tal-ħajja spiritwali tagħhom u huwa ta’ faraġ għalina meta tirrakkontawlna kemm l-Ispirtu ta’ Alla jaħdem fil-moħbi; imma jibqa’ l-fatt li ħafna jfittxu lill-konfessur biex bis-setgħa saċerdotali tiegħu huwa jaħraq id-dnubiet fuq il-fjamma tal-imħabba divina.

Għalhekk, filwaqt li llum uffiċjalment f’isem il-Knisja nagħtikom il-ġurisdizzjoni jew il-fakultà biex tqarru, nitlob lill-Ispirtu s-Santu jkompli jsawwab fuqkom il-qawwa tiegħu biex tkunu tistgħu tħabbu mill-ġdid lill-bniedem ma’ Alla u ma’ ħutu l-bnedmin. Ħa jkun l-Ispirtu ta’ Alla d-dawl għall-menti tagħkom biex meta aħna l-penitenti nersqu f’riġlejkom il-konfessuri, intom ikollkom il-kelma eżatta biex tgħinuna niffurmaw il-kuxjenza tagħna u hekk ngħixu ħajjitna skont ir-rieda ta’ Alla. Nafdakom lill-Ispirtu s-Santu biex ifawwar qlubkom bil-Ħniena divina, biex possibbilment ma jkun qatt li xi penitent jirrikorri għandkom u intom tibagħtuh ’il barra mingħajr ma tagħtuh l-assoluzzjoni.

Nirrakkomandalkom biex ma tittraskurawx il-konfessjonarju. Jekk hemm bżonn, aħlu ż-żmien tistennew fih, għax ma nafux xħin il-grazzja tista’ tmiss il-qalb tal-midneb u timbuttah biex iduq il-ħelsien li Qrara tajba taf tagħti.