Riflessjoni tal-Isqof Mario Grech fil-Velja tal-Ordinazzjonijiet Presbiterali u Djakonali

Print Friendly, PDF & Email

Riflessjoni fil-Velja tal-Ordinazzjonijiet Presbiterali u Djakonali
Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria
Il-Ħamis 19 ta’ Mejju 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

SAĊERDOTI BIL-LIBSA TAL-UMANITÀ

F’wieħed mill-kotba tiegħu, il-kittieb Russu Leo Tolstoi jirrakkonta li darba kien hemm re b’qalb iebsa li sejjaħ lill-ħassieba u lis-saċerdoti biex jgħinuh jara lil Alla. Imma la l-filosfi u lanqas it-teologi ma waslu biex jissodisfaw lir-Re. Bidwi fqir li kien qed jirritorna mill-għalqa sema’ b’din id-diskussjoni u offra jgħin lir-Re jaqra xewqtu. Ir-Re ntebaħ li kif wieħed ma jistax iħares lejn ix-xemx għax għajnejh jingħalqu, hekk jiġrilu l-bniedem li jrid jara lil Alla. Għalhekk ir-Re staqsa lill-bidwi Alla x’jagħmel. Il-bidwi qallu li biex iwieġeb għal din il-mistoqsija, kien hemm bżonn li hu u r-Re jibdlu l-ħwejjeġ. Ir-Re aċċetta. Hekk kif il-bidwi fqir libes ta sovran u r-Re xedd il-libsa tal-fqir, il-bidwi fissirlu li dan huwa Alla: li neża’ l-libsa tiegħu ta’ Alla u ħa fuqu l-libsa tal-umanità fqira – hekk stajna naraw lil Alla! Dan huwa l-istess ħsieb li jinseġ Missierna Pawlu meta jgħid li Ġesù, “għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bniedem u deher minn barra bħala bniedem” (Fil 2:6-7).

Din il-Velja għalija tfisser ħafna għax inħossni bħal missier b’għafsa ta’ qalb jara lil uliedu “jitilqu mid-dar” biex jibdew l-avventura ta’ ħajjithom. Għalhekk fil-bidu tal-ħajja saċerdotali tagħkom nixtieq inħallilkom dan il-messaġġ: jekk irridu li l-bniedem tal-lum jara lil Alla, hemm bżonn li aħna s-saċerdoti nilbsu l-libsa tal-umanità li x’aktarx hija libsa fqira, miżera, imtebbgħa u mċarrta. Dan huwa s-saċerdot skont il-ħsieb tal-Konċilju Vatikan II: dak li jagħmel tiegħu l-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tal-bniedem tal-lum, fuq kollox tal-foqra u ta’ dawk li jbatu (ara Gaudium et spes, 1). Hemm bżonn li aħna bħala saċerdoti – jiena magħkom –, u bħala Knisja, nilbsu l-libsa tal-umanità anki jekk hija maħmuġa u mdennsa. Dan nagħmluh billi nfittxu li nkunu qrib min hu fqir u huwa għeri għax ma għandux x’jilbes. Kif qal il-Papa Franġisku dan l-aħħar, min jittraskura lill-foqra jkun qed jagħmel offiża lil Alla.

Imma biex nagħmlu dan għandna bżonn ninżgħu ċerti paramenti (ilbies) sagri li writna mit-tradizzjoni. L-ilbies jirrifletti wkoll stili ta’ ħajja. Ċertu lbies ilellex, irrakkmat, kollu barokk (u magħhom ċerti stili ta’ ħajja) jaqtgħuna minn man-nies! Jien konxju tal-fatt li kultant waqt li nkun niċċelebra l-liturġija jlibbsuni ħwejjeġ li jbegħduni min-nies. Naf li qed ngħid ħaġa li ma tinżilx lil kulħadd, għax in-nies ta’ madwarna jkunu jridu jlibbsuna qisna manikkini tal-vetrina! Jalla n-nies tlibbisna bl-“ilbies” veru tagħha – fis-sens li aħna nħossu fuqna l-libsa fqira ta’ ċkejknin. Tibżgħux tħammġu jdejkom meta tiġu biex ixxiddu din il-libsa mnittna tal-umanità.

Ninsabu fuq l-għatba tal-istaġun tal-festi parrokkjali. Il-festi fihom aspetti pożittivi, imma fl-okkażjoni tal-festa ġieli ssir ċerta ħela li tiskandalizza – fil-festi ma tantx nagħtu l-impressjoni li l-poplu tagħna huwa mħeġġeġ biex jilbes il-libsa fqira tal-umanità. Imma din is-sena l-istaġun tal-festi fid-Djoċesi tagħna ser nibdewh b’festa speċjali bil-Proġett Merħba. Ser inkunu ġenerużi billi nilqgħu fostna grupp ta’ studenti foqra u ppersegwitati mill-Iraq; għal ftit jiem ser nilbsu l-libsa ta’ dan il-poplu li barra li hu nieqes mill-mezzi, nitfulu d-dinjità umana tiegħu u kważi tilef kull tama. Jien nawgura li dan il-proġett ikun biss il-bidu ta’ sensiela ta’ opri ta’ karità ma’ dawn in-nies. Fil-liturġija aħna nilbsu sabiħ biex nagħtu glorja lil Alla, imma l-libsa li verament tigglorifika lil Alla hija din.

Barra l-faqar materjali hemm ukoll il-faqar spiritwali. Fostna hemm min għandu mantar tant tqil għaliex għandu ħajja spiritwali mdennsa, imma fl-istess waqt jixtieq li xi ħadd jgħinu jaħsel ilbiesu biex mill-ġdid jikseb il-bjuda tiegħu. Għeżież presbiteri ġodda, tibżgħux tkunu mdawrin minn persuni li huma midinbin, anki minn midinbin pubbliċi. Ma għandniex niddejqu nerfgħu l-libsa tqila ta’ dawn ħutna – hekk biss inkunu nafu kemm għandna bżonn nużaw il-ministeru tagħna biex nakkumpanjawhom, inħossu magħhom u nissollevawhom mill-piż. L-empatija ma’ dawn in-nies tgħinna nilbsu l-libsa tal-umanità midruba bid-dnub. L-aktar ilbies nobbli huwa dak li jlibbes il-kuxjenza, u nkunu irresponsabbli quddiem il-bniedem u quddiem Alla jekk nagħżlu li nħallu l-kuxjenza għarwiena.

Illum stess ċempilli kappillan li ma tnaffarx meta resqet lejh koppja bil-libsa taż-żwieġ imqattgħa tant li ma tistax tissewwa. Wassalli l-karba ta’ dawn it-tnejn fi żwieġ “irregolari” li talbuh bil-ħerqa jgħinhom jersqu għas-sagramenti. Iltqajt ma’ dan il-kappillan biex naraw kif fid-dawl tat-tagħlim attwali tal-Knisja – qed nirreferi għall-Eżortazzjoni Il-ferħ tal-imħabba –naraw x’nistgħu nagħmlu biex ngħinu lil din il-koppja tilbes il-libsa tal-festa. Naf li jien u hu konna ser nilbsu libsa tqila, imma din hija l-vokazzjoni tagħna u mhux għax tkun kwistjoni delikata, aħna nfarfru jdejna minnha. Il-kappillan aċċertani li ilu żmien jakkumpanja lil din il-koppja u jgħinha tagħmel dixxerniment; fissirli li għamel mixja magħhom f’atteġġjament ta’ talb u konverżjoni. Jien naf li fostna s-saċerdoti hawn min qed jibża’ jmiss b’idejh dawn l-ilbiesi. Agħmlu kuraġġ! L-Ispirtu s-Santu li ser tirċievu għada fl-Ordinazzjoni Presbiterali tagħkom ser jabilitakom biex tkunu nissieġa ta’ libsa ġdida għal ħafna nies u hekk tgħinuhom jaraw mill-ġdid lil Alla għani fil-ħniena. Il-fatt li ma għandniex libsa li tiġi lil kulħadd ma jfissirx li ma għandna libsa għal ħadd! Kull każ għalih.

Inħeġġeġ lill-poplu ta’ Alla biex bit-talb ikompli jakkumpanja lis-saċerdoti. Għinuna biex aħna ninżgħu l-libsa tar-riġidità u tal-mondanità, u nilbsu l-ilbies li verament jirrifletti lill-Mulej Ġesù preżenti fostna.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading