Quddiesa u Rużarju mill-Kurja tal-Arċisqof – 15 ta’ Settembru


It-Tlieta, 15 ta’ Settembru 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fit-Tifkira ta’ Marija Addolorata fil-Kurja tal-Arċisqof …

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Evanġelju li għadna kemm qrajna, fit-tradizzjoni popolari tal-Knisja tal-Punent, huwa l-ewwel mis-seba’ duluri tal-Madonna. Huwa l-mument tal-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju. Ġużeppi u Marija jieħdu lil Ġesù fl-40 jum, il-Kandlora, fit-tempju u jippreżżentawh lill Mulej. Ikun hemm Xmun li qed jistenna li l-Mulej jurih is-salvazzjoni ta’ Iżrael. Mhux biss jgħid profeżija ta’ glorja fuq it-tifel, imma jispjega lil ommu li se jkun “sinjal li jmeruh” (Lq 2:34). Ħin minnhom jgħid lil omm Ġesù: “Inti wkoll”, min-naħa tiegħek, “sejf jinfidlek ruħek” (Lq 2:35). Minn din il-profezija ta’ Xmun li qiegħda fl-Evanġelju ta’ San Luqa kapitlu 2, ġejja t-tradizzjoni li d-Duluri jkollha l-qalb tagħha minfuda b’sejf.

Tradizzjonalment għandna d-devozzjoni tas-seba’ duluri ta’ Sidtna Marija. X’inhuma dawn is-seba’ duluri? Tlieta minnhom huma dwar it-trobbija ta’ Ġesù u erba’ minnhom marbutin mal-passjoni tiegħu.

L-ewwel tlieta huma propju dwar dan l-episodju li għadna kemm smajna: il-preżentazzjoni u t-tħabbira tas-sejf li jinfed il-qalb ta’ Marija. It-tieni dulur ta’ Sidtna Marija hu meta hi u Ġużeppi jkollhom jaħarbu minn Iżrael u jmorru refuġjati fl-Eġittu biex iħarsu lit-tifel mill-qilla ta’ Erodi. It-tielet dulur huwa meta l-Madonna u San Ġużepp, għaliex f’dawn l-ewwel tliet duluri San Ġużepp jissieħeb mad-duluri tal-Madonna, Ġesù, li għandu 12-il sena, jintilfilhom u jibqa’ Ġerusalemm. Huma mingħalihom li kien mal-ħbieb u jirrealizzaw li ntilef. Ma jafux fejn qiegħed u jagħmlu żewġt iljieli jfittxuh f’dak il-vjaġġ ta’ ritorn lejn Ġerusalemm. Il-Madonna tgħid “b’qalbna maqsuma” (Lq 3:48).

Imbagħad hemm episodju, li huwa ir-raba’ dulur, li mhuwiex fl-Evanġelju imma aħna nqimuh u nitolbu dwaru fil-Via Crucis fir-raba’ stazzjoni meta Ġesù jiltaqa’ ma’ ommu hu u sejjer mgħobbi bis-salib lejn il-kalvarju. L-aħħar tliet duluri huma Ġesù msallab, Ġesù jitqiegħed f’ħoġor ommu bħall-kwadru li hawn propju warajja fil-kappella llum, u mbagħad id-difna ta’ Ġesù.

Imma nistgħu ngħidu li fil-ħajja ta’ Sidtna Marija hemm ukoll tliet duluri oħra li qegħdin fl-Evanġelji u li aħna ħafna drabi ninsewhom. L-ewwel nett hemm id-dulur ta’ binha li jitlaq mid-dar ta’ Nazaret fejn kien trabba, fejn tgħallem is-sena ta’ mastrudaxxa, biex jibda l-ħajja pubblika tiegħu. Immaġġinaw l-omm li tara ’l binha jitlaq mid-dar u ma tafx eżattament x’hemm jistennih, għalkemm kienet taf li se jkun glorja ta’ Iżrael imma wkoll sinjal li jmeruh.

Skont l-Evanġelju ta’ San Mark, ħin minnhom ikollha terġa’ tmur tfittxu għax xi ħadd jgħidilha li qed jiġġennen. Fil-fatt l-Evanġelju jgħidilna li xi wħud mill-qraba qalulha hekk. Marija marret tfittxu u tirrealizza li dak li kienu qalulha ma kienx veru. Imma immaġinaw l-inkwiet ta’ Sidtna Marija meta tagħmel il-vjaġġ minn Nazaret għal Kafarnahum biex tmur tiġbor lil binha li qalulha qed jitlef moħħu (ara Mk 3:21).

… aħna u nsegwu d-duluri tagħha, nifhmu li bħalha ma nistgħux naħarbu fejn naraw it-tbatija …

Meta Ġesù jirritorna Nazaret, nafu li pprietka fis-sinagoga imma mbagħad fl-aħħar ma ridux jilqgħu l-kelma tiegħu li qalilhom qed isseħħ intom u tisimgħu (Lq 4:21), u riedu jwaddbuh għal isfel mill-irdum ta’ Nazaret. Immaġinaw lill-Madonna, din il-mara ta’ Nazaret, tara lil binha miċħud min-nies li trabba magħhom. Dak huwa dulur kbir tal-Madonna.

Nitolbu lill-Madonna biex aħna u nsegwu d-duluri tagħha, nifhmu li bħalha ma nistgħux naħarbu fejn naraw it-tbatija, b’mod speċjali tan-nies li nħobbu, tan-nies ta’ madwarna. Qegħdin f’mument ta’ pandemija, qegħdin f’mument fejn ħafna nies għaddejjin minn taqtigħ il-qalb, mill-mard, mit-tensjoni kbira anke għaliex m’għandhomx sintomi imma jgħidulhom għandhom il-COVID-19. L-awtoritajiet tas-saħħa qed jippruvaw jagħmlu li jistgħu biex jgħinu s-sitwazzjoni diffiċli ħafna.

Illum, aħna u niċċelebraw il-Madonna tad-Duluri, nitolbuha biex tagħtina l-qalb tagħha. Bħalma għedna fis-sekwenza tagħha: “Iġġegħelni nħoss il-pjagi fija, is-salib u kull tbatija, u nissaffa b’demmu”, b’demm ibnek. Din it-talba tkun ukoll talba għalina f’dan il-mument.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Lhud 5:7-9
Salm: 30, 2-6; 15-16.20
Evanġelju: Lq 2:33-35

Sors: www.knisja.mt