Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Festa ta’ San Girgor il-Kbir

Print Friendly, PDF & Email

Omelija fil-Festa ta’ San Girgor il-Kbir
Knisja parrokkjali ta’ San Girgor il-Kbir u l-Madonna tas-Sokkors
Ir-Raba’ Ħadd tar-Radan, 6 ta’ Marzu 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

NIDĦLU FINA NFUSNA

Kull darba li naqbad il-Vanġelu f’idejja nistħajjel li qed naqbad “lenti” qawwija li tgħinni naqra l-esperjenza umana. F’dan is-sens inħoss li fir-rakkont tal-parabbola tal-Iben il-Ħali hemm ir-rakkont tal-ħajja tagħna. It-tifel iż-żgħir kien komdu fid-dar ta’ missieru. Ladarba kellu l-ġid, ma kienx nieqes mill-mezzi biex jilħaq l-għanijiet ta’ ħajtu. Kien jgħix fl-armonija tal-familja. Fi kliem ieħor, kellu s-serħan tal-moħħ, it-trankwillità u s-sigurtà. Ma naħsibx li hawn xi ħadd li ma jixtieqx li jkollu dan il-patrimonju! Imma ġie mument fejn dan iż-żagħżugħ uża l-libertà tiegħu biex għamel avventura u ħareġ minn triqtu. Fil-Vanġelu naqraw li dan il-bniedem berbaq ġidu, ħela ħajtu u sab ruħu fil-miżerja. Din ukoll tista’ tkun l-istorja tagħna, għax għalkemm għandna patrimonju ta’ ġid uman u spiritwali, aħna wkoll niġu ttentati li nitfgħu wara spallejna dan il-qafas li fih nistgħu ngħixu u nikbru u naħlu ħajjitna! Nagħti xi eżempji.

Aħna għandna dik li nsejjaħ “dar komuni” miżgħuda b’valuri li għaddew mill-prova taż-żmien. Fost dawn insemmi r-rispett lejn il-ħajja umana, l-għarfien ta’ min hu l-bniedem, iż-żwieġ, il-familja, it-tqassim ġust tal-ġid komuni, u oħrajn. Imma biżżejjed ħarsa ħafifa madwarna biex nintebħu li aħna ttentati noħorġu minn din “id-dar ta’ valuri komuni” biex nesploraw ħwejjeġ ġodda; imbagħad dlonk nindunaw li qegħdin inberbqu ġidna!

Nirreferi għall-ħajja tal-familja li b’għafsa ta’ qalb ikollna nammettu li għandha l-infafet tagħha, partikularment f’dak li għandu x’jaqsam mal-fedeltà fiż-żwieġ. L-inċidenti tal-infedeltajiet ma humiex daqshekk rari. Id-dgħufija taf twassal persuna miżżewġa tarmi taħt riġlejha l-valuri sbieħ tal-fedeltà u l-għaqda fil-familja. Il-ġerħat ikkawżati min-nuqqas ta’ fedeltà ma jagħlqux malajr.

Għandi f’moħħi l-valuri reliġjużi li għandna li nistgħu niġbruhom f’dar komuni li tissejjaħ “Knisja”. Aħna għanda x-xorti kbira li l-fidi tagħna fi Kristu hi mżejna b’ħafna ġid spiritwali; imma hawnhekk ukoll ma aħniex ħielsa mit-tentazzjoni li nemigraw biex nimirħu f’esperjenzi reliġjużi oħra. Fil-fatt, hemm dawk li jitilqu din id-dar biex ifittxu kenn f’reliġjonijiet oħra. Ħalli mbagħad niftħu għajnejna u nsibu li l-għażliet li nkunu għamilna jkunu ġabuna fil-miżerja.

Għal dawk li bħall-iben iż-żgħir tal-parabbola ntebħu li wara li jkunu “telqu minn djarhom”, jgħaddu minn ġot-taġen għal ġewwa n-nar, xorta hemm xaqq ta’ tama. Fil-fatt, skont San Girgor, it-turning point tal-iben iż-żgħir tal-parabbola kien meta dan iż-żagħżugħ “daħal fih innifsu”. Fit-tieni ktieb tad-Djalogi li fih jirrakkonta lid-djaknu Pietru l-istorja ta’ Benedittu ta’ Norcia, San Girgor jirreferi għal din il-parabbola tal-Iben il-Ħali biex jgħinna nifhmu fejn kien it-turning point fil-ħajja ta’ San Benedittu (u fejn jista’ jkun is-sigriet għalina). Fil-fatt, il-Papa Girgor jgħid li Benedittu kien imsejjaħ minn xi rħieb f’Vicovaro biex jgħinhom jagħmlu riforma. Benedittu aċċetta, imma meta beda jagħmel ir-riforma u ried li jerġa’ jġib l-affarijiet f’posthom, il-patrijiet ma fehmuhx u riedu jivvelenawh. Wara dan il-falliment, Benedittu qabad it-triq lejn Subiaco u hemmhekk għex numru ta’ snin fis-solitudni, fejn taħt il-ħarsien tax-Xhud il-Kbir (Kristu), huwa daħal fih innifsu – habitare secum.

Jekk skont Nilo ta’ Ancira, is-solitudni hija l-omm tal-ħajja monastika awtentika, aħna nistgħu ngħidu li s-solitudni hija l-omm ta’ ħajja umana u Nisranija awtentika. Huwa fatt li l-prinċipju tal-interjorità – realta li llum sar diffiċli li napprezzawha meta wieħed iqis ix-xibka tal-komunikazzjoni li għandna, anki permezz tal-midja soċjali – huwa prinċipju fundamentali fil-pedagoġija ta’ San Girgor. Ir-riflessjoni ta’ San Girgor titlaq minn din il-ħtieġa li wieħed jidħol fih innifsu kif għamel l-iben il-ħali. Kemm sar diffiċli għalina li nsibu ħin fis-solitudni u s-skiet! Għax kif josserva Blaise Pascal, il-bniedem ma jissaportix is-solitudni għax din iġġibna wiċċ imb wiċċ mar-realtà, tikxfilna l-għawwar u d-difetti tagħna, tlaqqagħna mal-vojt li hemm fina. Ħafna jibżgħu jagħmlu l-pellegrinaġġ interjuri għax jistgħu jiskopru ċerti sorpriżi. Imma huwa meħtieġ li ninżlu fil-profondità tagħna biex nagħrfu lilna nfusna u niltaqgħu mal-Ħallieq.

Hekk għamel l-iben il-ħali wara dik l-esperjenza diżastruża. Hekk għamel Benedittu wara l-falliment f’Vicovaro. Hekk jissuġġerixxi li għandna nagħmlu San Bernard ta’ Clairvaux, li wara San Girgor u San Benedittu huwa meqjus bħala t-tielet missier taċ-ċiviltà tal-Punent. San Bernard juża espressjoni li tixbah lil dik li juża Ġesù fil-Vanġelu u mbagħad itenniha San Girgor: revertere domum¬ – erġa’ lura lejn “id-dar tiegħek” kif għamel l-iben il-ħali li reġa’ lura fid-dar ta’ missieru, kif għandna nagħmlu aħna li nerġgħu lura fid-dar tal-valuri komuni, fid-dar konjugali u fil-Knisja. Il-Papa Ġwanni Pawlu II jgħid li wieħed mid-dnubiet gravi tal-umanità tal-lum huwa l-inkapaċità tal-bniedem li jidħol fih innifsu – li l-bniedem jagħmel dixxerniment (ara Tertio millennio adveniente).

Fid-Djalogi li semmejna, San Girgor ikompli jispjega x’kien ifisser għal Benedittu ta’ Norcia “tidħol fik innifsek” – habitare secum. Huwa jgħid li meta kien fil-ħemda waħdu, Benedittu għaraf lilu nnifsu u ra x’kien hemm fih li kien ibiegħdu minn dik l-għaġna li kien tah Alla, dak Alla li ħalaq il-bniedem fuq ix-xbieha tiegħu nnifsu! Meta daħal fih innifsu, Benedittu seta’ jintebaħ liema kienu l-ħsibijiet u l-azzjonijiet tiegħu li kienu f’kuntrast mar-rieda ta’ Alla. San Girgor jgħid li meta Benedittu niżel f’qalbu, induna li mhux hu li kien jgħix fil-preżenza ta’ Alla, imma li Alla kien jgħammar fih (dan hu parti mill-patrimonju reliġjuż li aħna naħbtu nittraskuraw!). Għalhekk San Girgor jasal għall-konklużjoni li din is-solitudni ffurmat lil Benedittu kif kienet sawret lill-iben il-ħali.

Fid-dawl tal-Vanġelu li tħabbrilna llum u mwieżna minn din il-minjiera ta’ tagħlim li ħallielna l-Papa San Girgor, din hija l-proposta li nagħmel lill-Knisja tagħna llum: ngħożżu l-ħajja interjuri fejn il-bniedem ikun sid ta’ ħajtu. U kif jgħid it-teologu Hans Urs von Balthasar, il-bniedem isib lilu nnifsu biss jekk jiltaqa’ ma’ Alla. Fil-fehma tiegħi l-aqwa opra li tista’ tagħmel il-komunità parrokkjali hija li tgħin lill-membri jidħlu fihom infushom. Min ma jirriflettix, qed jagħmel dnub gravi ħafna. Għalija din l-opra tisboq bil-bosta opri oħra tal-ġebel, tal-bronż, tal-fidda, tal-kartapesta jew taċ-ċaruta! Aħna ma aħniex aħjar mill-iben il-ħali: għandna kollox, imma jista’ jiġri li dan il-ġid ma napprezzawhx u nixxennqu għal avventuri oħrajn li jistgħu jagħmlulna ħajjitna miżerja. Is-sigriet hu li aħna nidħlu fina nfusna. Ma għandniex nibżgħu jekk f’dan il-proċess niltaqgħu mal-miżerja tagħna, għax kif jgħid San Bernard ta’ Clairvaux, il-miżerja tagħmel lill-bniedem ferħan, fis-sens li huwa biss meta l-bniedem jiskopri l-miżerja u l-miskinità tiegħu li jista’ jiggosta l-profondità tal-miżerikordja ta’ Alla. L-isem ta’ Alla huwa miżerikordja għax għandu għal qalbu l-miżerja tagħna. Għalhekk, f’ċertu sens, il-miżerja tiftħilna t-triq biex nitgħaxxqu b’Alla li qed jistenniena nirritornaw f’daru – rivertere domum!

San Girgor jgħallem li din l-esperjenza tas-solitudni nistgħu ngħixuha waqt it-talb. Fiċ-ċirkustanzi li għexna dan l-aħħar, meta għamilna talba pubblika lil Alla għax-xita, komplejt nintebaħ kemm il-Knisja tagħna mhix Knisja li titlob u kemm għal diversi minn ħutna bħal donnu t-talb ma għandux valur. San Girgor jgħid li l-bniedem li jitlob jimmerita li jirċievi dak li Alla fil-kobor tiegħu sa minn dejjem ikun iddeċieda li jagħtih. Għalhekk it-talb ma jibdilx il-fehma ta’ Alla, imma jibdel lilna u jiddisponina biex nilqgħu dak li fil-providenza kbira tiegħu Alla jagħtina. L-istorja ta’ San Girgor tgħidilna li sew meta kien ambaxxatur f’Kostantinopli u sew meta kien Papa, hu kien jibki għax ma kienx ikollu ħin biżżejjed għat-talb – kien jilmenta li ma kellux spazju biżżejjed għal din is-solitudni biex ikompli jidħol fih innifsu u jingħaqad ma’ Alla.

Il-bniedem tal-ħajja interjuri jkollu mod ta’ ħajja li jingħażel minn stili oħra; frott il-ħbiberija tiegħu ma’ Alla, l-imġiba tiegħu jkun fiha diversi kuntrasti tant li fl-interlokutur ġenwin taf tqanqal mistoqsijiet interessanti. Hekk il-bniedem li jgħix bin-nifs ta’ Alla joffri dik li l-Papa Pawlu VI, meta tkellem dwar il-monakiżmu Benedittin, sejħilha “fraternità kumplimentari” – f’dan is-sens il-bniedem ta’ Alla jwitti t-triq għall-kultura tad-djalogu mad-dinja! F’dan id-djalogu miftuħ għal kulħadd u ħadd eskluż, il-kurżità twassal biex il-bniedem ta’ Alla jiġi mistoqsi x’inhu s-sigriet ta’ ħajja li tagħmel sens.

Fil-fehma tiegħi din għandha tkun “l-istrateġija” tal-Knisja llum f’soċjetà fejn diversi huma dawk li bħall-iben iż-żgħir tal-parabbola fettlilhom jitilqu mid-“dar tal-Missier”. Id-dinja għandha bżonn ta’ xhieda ta’ persuni ta’ ħajja interjuri li bl-għażla vera tagħhom favur Alla joffru “gost” differenti. Din hija s-sejħa tagħna llum: li nkunu din il-“fraternità kumplimentari” mal-bqija tas-soċjetà minkejja li l-fehmiet u l-għażliet tagħha jikkuntrastaw qatigħ mal-proġett ta’ Alla. Ma għandniex għaliex naqtgħu qalbna, għax jekk frott ta’ ħajja interjuri aħna niżviluppaw din il-kultura tad-djalogu, aħna naslu biex nikkonvinċu li fid-dar ta’ Missierna hemm ġid li jixraq lil kull bniedem. Għalhekk, meta tisimgħu b’ċerti deċiżjonijiet, poplu ta’ Alla, agħmlu l-qalb. Jien għandi fiduċja kbira li aħna nistgħu nagħmlu differenza. Imma biex dan iseħħ, irridu nsejħu lill-Ispirtu s-Santu jgħinna biex nidħlu fina nfusna u niskopru l-preżenza ta’ Alla.

San Girgor jgħid li “aħna lkoll monaċi”. Din il-kelma ġejja minn monakos li bil-Grieg tfisser il-bniedem li huwa “sħiħ”, liema milja l-bniedem jista’ jikseb biss jekk jiltaqa’ ma’ Alla – għax fi kliem Santu Wistin, il-qalb tal-bniedem issib il-mistrieħ biss f’Alla. Inkunu persuni sħaħ jekk nigganċjaw mal-Ħallieq – ma’ Ġesù Kristu! Il-Papa Girgor isejjaħ lil Kristu “Alla Ħallieq” għax bil-mewt u l-qawmien tiegħu joħloq mill-ġdid. It-triq biex naslu għal din l-armonija hija t-triq tal-ħajja interjuri – nidħlu fina nfusna biex Alla jidħol fina.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading