Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Pellegrinaġġ Penitenzjali b’talb għax-xita


Omelija fil-Pellegrinaġġ Penitenzjali b’talb għax-xita
Knisja Arċipretali tal-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġużepp, il-Qala
Il-Ħadd 28 ta’ Frar 2016, it-Tielet Ħadd tar-Randan
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

ALLA LI JISMA’ L-KARBA TAL-BNIEDEM

Il-fidi fi Kristu laqqgħetna flimkien għal din l-Ewkaristija biex irroddu ħajr lil Alla għall-ġid kollu li jagħtina b’idejh miftuħa. Jekk Alla jipprovdi lill-għasafar u jlibbes bil-ġmiel il-fjuri tal-widien, inkunu boloh jekk naħsbu li sejjer jinsiena! Din il-fiduċja fil-paternità ta’ Alla tagħmlilna l-qalb ukoll meta nkunu minn taħt; imma mhux darba jew tnejn jiġri li meta nsibu ruħna daharna mal-ħajt, naħbtu naqtgħu qalbu u naħsbu li Alla jkun telqana. Fil-fatt hemm min f’ċerti ċirkustanzi iebsin jibda jissuspetta mill-eżistenza ta’ Alla!

Hekk ġralu l-poplu Lhudi meta kien eżiljat fl-Eġittu. Bħala skjavi kienu magħkusin, nieqsa minn dak li kien meħtieġ u ħajjithom mhedda. F’dik il-qagħda l-Lhud ħasbu li Alla kien insiehom. Imma Alla tagħna mhux ta’ hekk. Fil-fatt Alla qal lil Mosè: “Jien ħarist u rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi fl-Eġittu. U jien smajt il-karba tagħhom minħabba fl-argużini tagħhom u għaraft l-uġigħ tagħhom. Issa nżilt biex neħlishom minn idejn l-Eġizzjani u biex intellagħhom minn dik l-art u neħodhom f’art tajba u wiesgħa, f’art li tnixxi ħalib u għasel” (3:7-8). Il-Mulej jibgħat lil Mosè biex ifakkar lill-poplu f’dan Alla li jħoss miegħu u għalih. Meta jagħrfu li Alla huwa solidali magħhom, il-Lhud isibu l-qawwa biex jegħlbu kull xorta ta’ tbatija. Alla tagħna ma jżommx ruħu ’l bogħod minna. Mhux it-tip li ma jinteressahx minn ħajjitna. Huwa tant iħobbna li jagħmel tiegħu l-miżerja tagħna. Meta ngħidu li Alla jismu “miżerikordija” inkunu nfissru li Alla għandu għal qalbu l-miżerja tagħna l-bnedmin – b’miżerja nifhem dak kollu li jtappan il-ġmiel tal-ħajja tagħna. Għaliex mhux passiv quddiem it-traġedja umana, Alla jagħti kas tat-tnehida tagħna u jisma’ l-karba tagħna f’kull ċirkustanza. Huwa għandu l-modi tiegħu u s-siegħa tiegħu kif u meta jintervieni fl-istorja tagħna.

Aħna ma aħna xejn aħjar mill-poplu Lhudi ta’ żmien Mosè, u meta nsibu ruħna fil-bżonn, faċli nkunu ttentati naħsbu li Alla tbiegħed minna jew ikun għeb. Fiċ-ċirkustanzi ta’ bħalissa qed inħossu d-diffikultajiet li ġġib magħha n-nixfa minħabba n-nuqqas ta’ xita. Nifhem li jkun hemm bdiewa li jibdew iħokku rashom dwar kif ser jagħmlu biex jiġbru l-wiċċ tar-raba’ jew jagħlfu l-annimali. Nifhem li jkun hemm familji li jibdew iqisu l-konsegwenzi negattivi ta’ din in-nixfa. Imma llejla ltqajna biex nagħmlu l-qalb lil xulxin billi nfakkru wieħed lill-ieħor li Alla tagħna jaf bina. Hu għandu qalb kbira u mhux ser iħallina nitgħaffġu u nbatu. Kif josserva l-Papa Franġisku, “Alla ma jillimitax ruħu għall-istqarrija ta’ mħabbtu, imma din jagħmilha tidher u tinħass… Hu jħossu responsabbli u għalhekk jixtieq u jrid jarana ferħanin u sereni” (Misericordiæ vultus, 9).

Fi żmien Ġesù kien hemm min ħaseb li dawk li mietu bis-sejf ta’ Pilatu u dawk li ntradmu meta waqa’ t-torri ta’ Silwam (ara Lq 13) ġralhom hekk b’kastig minn Alla. Illum fostna ssib ukoll min jirraġuna bħal-Lhud u jikkonkludi li ċerta tbatija (mard, nixfa, diżastri naturali, u oħrajn) hija xi għamla ta’ tpattija min-naħa ta’ Alla quddiem il-ħażen tal-bniedem. Fiż-żewġ inċidenti li jsemmi l-Vanġelu, in-nies ma staqsewx lilhom infushom għaliex kien hemm il-ġlied u l-vjolenza li wasslet għall-qtil ta’ dawk il-Galilin. Xħin iġġarraf it-torri, huma rabtu dan id-diżastru mal-ġustizzja ta’ Alla minflok ma staqsew jekk min bena t-torri kienx għamel xogħlu tajjeb. Meta dan l-aħħar sar it-terremot fit-Tajwan, sabu li ċerti djar kellhom il-ħitan mimlija bil-laned flok bis-siment, għax min kien responsabbli mill-bini ried jiffranka u jagħmel il-flus b’ingann!

Noqogħdu attenti li ma naqgħux fl-istess żball u quddiem il-problemi tal-lum inwaħħlu f’Alla! Alla tagħna mhux wieħed fatalista u lanqas jikkastiga lill-bniedem; għall-kuntrarju, Alla ta’ Abraham, ta’ Iżakk, ta’ Ġakobb u ta’ Ġesù Kristu huwa dak li jara t-tbatija tal-poplu u jinżel biex jgħinu! Kif ifisser Ġesù fil-parabbola tas-siġra tat-tin, anki jekk is-siġra tkun sterili u bla frott, ma jeqridhiex imma b’ħafna paċenzja u mħabba hu jkompli jagħżqilha madwarha u jagħtiha d-demel bit-tama li xi darba tagħtih il-frott.

Imma lil-Lhud li tkażaw quddiem dawn il-fatti negattivi tal-istorja, Ġesù jistedinhom biex flok ma jirbulaw ir-responsabbiltà fuq Alla jew fuq l-oħrajn, kull wieħed ifittex jagħmel il-parti tiegħu biex inċidenti bħal dawn ma jerġgħux iseħħu. Hekk quddiem ġrajjiet imdemmija b’atti vjolenti, wieħed għandu jistaqsi lilu nnifsu x’għandu jagħmel biex tonqos il-vjolenza u l-qilla bejnietna. X’ser nagħmlu biex is-servizzi li nagħtu, bħal fil-każ tal-industrija tal-kostruzzjoni, ikunu servizzi li jirriflettu l-ġustizzja u mingħajr qerq? Għalina l-kronaka ma għandhiex tkun biss rakkont ta’ ġrajjiet, imma sejħa biex naraw kif nistgħu nagħtu s-sehem tagħna biex ikollna soċjetà aktar ġusta, ħanina u umana.

Illum ninsabu mħassbin minħabba n-nuqqas ta’ xita. Huwa minnu li Alla jtella’ x-xemx fuq kulħadd u jaf jibgħat ix-xita għal kulħadd. Huwa importanti li din il-fidi f’Alla ma tiġix nieqsa fina. Imma x’nistgħu nagħmlu quddiem il-problema tan-nuqqas ta’ ilma, li ma tinkwetax lilna biss imma wkoll lil ħafna oħrajn? Ma nistgħux nibqgħu naħlu l-ilma tal-vit. Hemm ukoll l-ilma li jintuża għat-tisqija tal-għelieqi – imma mhux dejjem konna attenti biex nużawh bil-qies u ġieli kien hemm każi fejn l-ilma ttella’ b’mod abbużiv b’dannu għall-ilma saturat taħt l-art (watertable). X’nistgħu nagħmlu biex meta tinżel ix-xita, l-ilma ma nħalluhx jintilef imma nilqgħuh f’riservi bħalma huma l-widien?

Imbagħad in-nuqqas ta’ ilma ġej ukoll minħabba sfidi ekoloġiċi. Il-bniedem ma jistax jibqa’ jabbuża mill-ambjent naturali. Iktar ma jonqsu s-siġar, inqas ikollna ilma. Hemm rabta bejn il-forestazzjoni, il-klima u x-xita. Aktar ma l-bniedem ikompli jipproduċi gassijiet, aktar ser ikompli jaffettwa dak li jissejjaħ “effett serra” u joħloq tibdil fil-klima. Kif josserva l-Papa Franġisku fl-enċiklika Laudato sì, ftit huma dawk li jirrikonoxxu li “il-klima hija ġid komuni għal kulħadd u ta’ kulħadd” (23). Dan id-diskors jinteressa lilna lkoll għax anki fiċ-ċokon tagħna nistgħu nagħmlu ftit kontroll fuqna nfusna. “Il-bniedem huwa msejjaħ jagħraf il-ħtieġa ta’ bidliet fl-istili ta’ ħajja, ta’ produzzjoni u ta’ konsum biex wieħed jista’ jiġġieled lil dan it-tisħin tal-atmosfera” (ibid). Ir-rispett lejn l-ambjent naturali jgħin ħalli ma jkomplux jitħawdu ċ-ċikli klimatiċi. Konxji mill-fatt li l-problemi ekoloġiċi jġibu magħhom problemi soċjali, huwa dmir tagħna li ngħinu biex ikun hawn opinjoni pubblika aktar b’saħħitha favur l-ambjent u r-riżorsi naturali.

Imbagħad, għalina li nemmnu f’Alla, hemm mod ieħor kif nistgħu ngħinu f’din il-qagħda: billi npoġġu fil-preżenza ta’ Alla u nitolbuh ikollu ħniena minna billi jipprovdilna l-“ħobża” ta’ kuljum (ix-xita), kif ngħidu fit-talba tal-Missierna. Għalina t-talb għandu tifsira profonda ħafna. Permezz tat-talb aħna nerfgħu l-ħsieb tagħna lejn Alla Ħallieq u nafdaw lilna nfusna u lil ħutna taħt il-ħarsa paterna tiegħu. Jekk xi ħadd lilna l-Insara jneħħilna t-talb, ikun qatgħalna kull komunikazzjoni ma’ Alla. Għalina t-talb bil-fidi huwa l-ossiġnu – mingħajru ma ngħixux. Permezz tat-talb aħna ma nikkmandawx lil Alla, imma niddisponu lilna nfusna għall-imħabba tiegħu u hekk bl-għajnuna tal-grazzja nkunu nistgħu nagħmlu xi ħaġa biex intejbu l-ħajja tal-bniedem. Inħeġġiġkom tkomplu “tħabbtu fuq il-qalb ta’ Alla” billi titolbu bil-qalb biex l-umanità kollha tħoss li Alla huwa qrib tagħha u hekk iġġarrab il-qawwa tal-miżerikordja tiegħu.

Nagħlqu din ir-riflessjoni billi flimkien ngħidu t-talba tal-Missierna.