Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Festa Devozzjonali tal-Verġni Mqaddsa Addolorata


Omelija fil-Festa Devozzjonali tal-Verġni Mqaddsa Addolorata
Pjazza Indipendenza, il-Belt Victoria
Il-Ġimgħa 18 ta’ Marzu 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IL-BNIEDEM F’ĦOĠOR ALLA

Min jista’ jgħid x’għadda mill-qalb tad-Duluri bil-ġisem mejjet ta’ Ġesù f’ħoġorha? Dak il-ġisem li kien mimli ħajja, tjubija u ġmiel issa jinsab mitluq, bla kulur u fi proċess ta’ taħsir.

Imma meta nqis li Ġesù tana lil Ommu Marija bħala omm tagħna, nistħajjel lil Marija llum iġġedded id-duluri tagħha meta f’ħoġorha tħaddan lill-bniedem, kemm bħala individwu u kemm bħala kollettività. Għax il-bniedem ukoll iġarrab id-daqqa tal-mewt soċjali, morali u spiritwali. Din it-tħarħira tal-mewt xi kultant tidher ukoll fuq dawk ir-realtajiet imsawra minn diversi bnedmin flimkien bħalma hija l-familja u s-soċjetà. Ħarsa madwarna tikkonfermalna li huma diversi dawk l-esperjenzi umani li qed jintfew bħal xemgħa. Ċertu ‘malaise’ familjari u soċjali jindika li l-qalb tagħna qed tixraf u mhix kapaċi tħobb aktar; jindika wkoll li anki l-ispirtu tagħna qed jinxef u għalhekk il-bniedem mhux qed ikun sensibbli biżżejjed. Anki l-menti tagħna bħal donnhom qed jiddallmu tant li ma nibqgħux nirraġunaw. Dan kollu jissarraf fi tbatija kbira. Quddiem il-bniedem addolorat, id-Duluri ma tafx tibqa’ passiva, imma, imbuttata mill-qalb materna tagħha, hi tħaddanna fuq ħoġorha.

Imma mbagħad hemm għamla oħra ta’ mewt li tnikket lil Marija. Meta kellha f’ħoġorha l-ġisem bla ħajja ta’ Ġesù, id-Duluri ma tibkix biss lil Binha mejjet, imma qalbha tingħafas ukoll għax qed taħseb f’dawk li tawh il-mewt. Id-duluri ta’ Marija joktru qatigħ meta tara li l-bniedem ma jilqax lil Ġesù, l-Iben ta’ Alla. Min jista’ jkejjel in-niket tagħha meta tara li Ġesù “ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx… li ħabbew id-dlam aktar mid-dawl”. Kieku l-Lhud għarfu d-don ta’ Alla li waslilhom fil-persuna ta’ Ġesù Kristu, kieku ma kinux huma stess jgħaddu mill-passjoni u l-esperjenza tal-mewt. Din hija r-raġuni għaliex tkattru d-duluri ta’ Marija meta rathom jaqtgħu s-sentenza tal-mewt ta’ Alla. Il-bniedem fehem li jista’ jibni l-imperu tiegħu mingħajr Alla; imma fl-istess waqt ma ntebaħx li mingħajr Alla hu jkun mingħajr boxxla u għalhekk jitlef l-orjenatament u kull sistema tiġġarraf. Marija tħoss għalina għax taf li meta l-bniedem ikeċċi lil Alla minn ħajtu u mill-pjazza, hu ser ibati, għax id-dfin ta’ Alla jfisser li jkun difen lilu nnifsu u hekk ikun ipoteka l-ġejjieni tal-kultura u tas-soċjetà. Marija taf li dik il-persuna jew dik is-soċjetà li jidhrilha li tista’ tibni lilha nfisha mingħajr ma sserraħ fuq il-ġebla tax-xewka li hi Kristu, ma tkunx qed taqta’ s-sentenza tal-mewt ta’ Alla imma tagħha nfisha. Oqtol lil Alla u tkun qed toqtol lill-bniedem. Illum il-ġurnata ma hemmx bżonn ta’ ħafna elaborazzjonijiet biex nifhmu dan id-dulur ta’ Marija. Meta l-bniedem jiddisponi minn Alla, ikun joħloq ħafna tbatija madwaru.

Meta ftit ilu wassalnielkom l-Ittra Pastorali tar-Randan, aħna l-Isqfijiet għidna li l-Knisja hija “sptar fil-kamp tal-gwerra fejn diversi qegħdin jilagħbuha mal-mewt; m’għandniex noqogħdu nistaqsu kemm il-marid, ngħidu aħna, għandu zokkor jew il-kolesterol għoli, għax dak li jeħtieġ il-marid f’dan il-mument huwa xi ħaġa aktar importanti: li ngħinuh jitbiegħed mill-mewt… B’dan irridu nfissru li f’din il-Knisja-sptar, l-aktar ħaġa essenzjali hija li l-bniedem tal-lum jintebaħ li Alla jeżisti u li dan Alla tant iħobb lid-dinja li tana lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih isalva”. Dan għidna aħna l-Isqfijiet xi ġimgħat ilu biex niddeskrivu s-soċjetà tagħna llum! Ippermettuli nappellalkom biex dik l-Ittra terġgħu tixtarruha għax fiha passaġġi importanti!

Marija hija l-Addolorata għax f’ħoġorha hemm int u jien li b’mod jew ieħor inħossu l-mewt fuqna; imma s-sejf ikompli jinfdilha qalbha meta tara li l-bniedem irid joqtol lil Alla. Hija tħoss mhux tant għal Kristu daqskemm għal min jaħseb li jista’ jippronunzja l-mewt ta’ Alla, għax hekk ikun qed jiddikjara l-mewt tiegħu stess u ta’ dawk ta’ madwaru.

Fil-Vanġelu għandna li Marija kienet “wieqfa” ħdejn is-salib. Dan ifisser li minkejja li Kristu kien mejjet u minkejja li s-soċjetà “qatlet” lil Alla, Marija ma titlifx it-tama. Hija kienet temmen li Ġesù, għalkemm kien ser jitqiegħed fil-qabar, ma kienx ser jindifen definittivament. Kienet konvinta li l-qabar ma kienx postu. Marija hija konvinta wkoll li kif Ġesù mejjet ma kienx ser jibqa’ fil-qabar, hekk ukoll il-bniedem mejjet mhux ser jibqa’ midfun. Anqas is-soċjetà li tkun barriet lil Alla ma għandha postha fil-qabar. Ħadd ma hu għad-difna. Id-Duluri kienet temmen li l-ħniena ta’ Alla tant hi kbira li Alla kien ser jerġa’ jagħti l-ħajja lil dak il-ġisem mejjet. Il-ħniena ta’ Alla tant hija qawwija li wkoll jekk il-bniedem jipprova jinsa jew inissi lill-oħrajn dwar Alla, misjuq mit-tjubija tiegħu Alla ser ikompli jagħmel lilu nnifsu ħaj u preżenti fostna u b’xi mod aħna niġu f’tagħna u nintebħu li jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja.

Ħadd ma huwa kkundannat biex jibqa’ fil-qabar. Bħad-Duluri għandna din it-tama qawwija fil-miżerikordja ta’ Alla li jħoss għall-bniedem u jrid li l-bniedem u l-umanità jsibu posthom f’ħoġru, kif Ġesù huwa f’ħoġor id-Duluri. Alla, li jħobbna, lest li jħaddanna miegħu, lest li jagħtina dik it-tgħanniqa u tmellisa paterna u materna tiegħu.