Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Ġublew tal-Ħajja Kkonsagrata

Print Friendly, PDF & Email

Omelija fil-Ġublew tal-Ħajja Kkonsagrata
u l-Ftuħ tat-tielet Bieb tal-Ħniena fid-Djoċesi ta’ Għawdex
Santwarju tal-Immakulata Kunċizzjoni, il-Qala
It-Tlieta 2 ta’ Frar 2016, Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

ALLA JŻOMM KELMTU

Kemm inkunu kuntenti meta xi ħadd iżomm il-kelma li jkun tana; fl-istess waqt kemm inħossuna delużi meta xi ħadd jgħaddina biż-żmien għax ma jagħmilx dak li jkun wiegħed. Mingħalina nkunu serraħna fuq dak li jkun għamlilna l-wegħda, imma mbagħad infittxu u ma nsibu xejn.

Sfortunatament qed ngħixu fi żmien fejn waqa’ l-prezz tal-kelma! Kemm isirulna wegħdiet u nibqgħu b’xiber imnieħer! Kemm nagħtu l-kelma, imbagħad niġu naqgħu u nqumu minnha, anki meta nkunu għamilna wegħda solenni! Għandi f’moħħi l-wegħdiet ta’ dawk li jiċċelebraw is-sagrament taż-żwieġ, dawk li nagħmlu aħna s-saċerdoti u l-persuni kkonsagrati. Dawn il-wegħdi ma nagħmluhomx quddiem bniedem imma quddiem Alla, u xorta niksruhom. Għalhekk ma nistagħġibx li fil-ħajja jkun hemm min jistaqsi jew jissuspetta jekk Alla jżommx il-wegħdiet li għamel magħna.

Għax Alla tagħna huwa Alla li wiegħed ħafna. Hu wegħedna l-ġenna fl-art. Hu żgurana li qatt ma hu sejjer jitlaqna. Permezz tal-profeta Isaija, Alla jgħidilna: “Tista’ mara qatt tinsa t-tarbija tagħha u ma tħennx għal bin ġufha? Mqar jekk din tinsa, jien ma ninsiek qatt” (49:15). Biżżejjed wieħed jaqra d-Diskors tal-Muntanja biex ikollu ħjiel tal-barkiet li wegħedna Ġesù (ara Mt 5). Dak li jwiegħed, Alla jwettqu – għax “Alla mhux bniedem biex jigdeb; anqas bin Adam biex jibdielu. Forsi jgħid u ma jagħmilx? Jitkellem u ma jżommx kemtu?” (Num 23:19).

Dakinhar li Marija u Ġużeppi marru fit-Tempju ta’ Ġerusalemm biex jippreżentaw lit-tarbija, huma sabu lil Xmun u lil Anna jistennewhom. F’dawn it-tnejn nilmaħ il-fdal ta’ Israel, dawk il-ftit li baqgħu jittamaw fil-wegħdiet li għamlilhom Alla. Xmun u Anna jesprimu l-istennija ta’ ħafna biex jaraw jekk Alla kienx ser iżomm kelmtu. U meta jilmħu lil Marija u Ġużeppi jmiddu riġlejhom fit-Tempju bit-tarbija Ġesù f’idejhom, Xmun u Anna jaraw fit-tarbija konferma li Alla żamm il-wegħda tiegħu li jibgħatilhom il-Messija. Għax kif jgħid San Pawl, “fih (fi Kristu) il-wegħdiet ta’ Alla kollha saru ‘iva’” (2 Kor 1:20). Dan hu Ġesù li Marija u Ġużeppi llum qed jippreżentawlna, lilna li għalkemm għandna tant tama fil-wegħdiet li għamlilna Alla, fl-istess waqt nistgħu niddakkru mill-kultura ta’ żmienna li tqis il-wegħdiet ta’ Alla bħala frivoli.

Lil Abraham Alla wiegħdu dixxendenza, art u barkiet; fi kliem ieħor, wiegħdu dak kollu li l-qalb tal-bniedem tixxennaq għalih. Dan kollu Alla tahulna fil-persuna ta’ Ġesù Kristu. Fil-fatt, Ġesù jgħidilna: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti u Missieri jħobbu u aħna niġu ngħammru għandu” (Ġw 14:23). Jien konvint li fostna hawn min ħabb bis-serjetà lil Ġesù u qagħad għal kelmtu u għalhekk iħoss lil Alla qrib tiegħu – iħoss li Alla waqqaf tinda biex flimkien jgħammru taħtha.

Ġesù jgħidilna li jekk nibqgħu fih, nagħmlu ħafna frott, għax “kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija… Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott” (Ġw 15:2). Hawn ukoll l-esperjenza tikkonfermalna li meta nibqgħu ma’ Ġesù, aħna naraw frott kotran.

Ġesù wegħedna l-maħfra tad-dnubiet: “Id-dnubiet li intom taħfru jkunu maħfura” (Ġw 20:20). It-toqol tad-dnub ikiddna u jgħawwiġna, imma kemm inħossu faraġ meta nisimgħu li Ġesù joffri li jerfa’ fuq spallejh id-dnub tagħna.

Lill-Apposotlu Pawlu, Ġesù jgħidlu: “Il-grazzja tiegħi hija biżżejjed għalik” – toqgħodx tinkwieta għax il-grazzja tiegħi hija biżżejjed. Kieku nemmnu f’din il-wegħda, kemm jirnexxilna nkeċċu mit-tħassib żejjed tagħna. F’dan ir-rigward, San Pietru jgħidilna: “Ixħtu fuqu l-ħsibijiet kollha tagħkom għax hu jaħseb fikom” (1 Pt 5:7). Imma biex nagħmlu dan, ma rridux inħallu jbejtu f’qalbna beżgħat li ma jħalluniex noqogħdu fuq il-Kelma ta’ Alla.

San Pawl jgħidilna li “Alla tagħna hu fidil, ma jħallikomx tiġġarrbu aktar milli tifilħu; jaħseb li mat-tiġrib jagħtikom il-qawwa u l-għajnuna biex tkunu tifilħu għalih” (Rum 10:13). Din l-eżortazzjoni tfakkarna f’wegħda oħra li kien għamlilna Ġesù: “Jien magħkom sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20).

Illum qegħdin nikkonkludu s-Sena ddedikata lill-Ħajja Kkonsagrata. Nixtieq li ħutna kkonsagrati, bħal Xmun u Anna, jesprimu l-istennija ta’ dan il-poplu; fl-istess waqt nixtieq ukoll li bix-xhieda tagħhom huma jaffermawlna li f’Ġesù twettqu l-wegħdiet ta’ Alla. Nappellalhom biex bl-istil tal-ħajja tagħhom jiżgurawlna li f’Ġesù Alla żamm kelmtu. Il-preżenza tal-persuni kkonsagrati żżomm ħajja l-memorja li Alla qatt ma jidħak bil-bniedem. Mod kif dawn il-persuni jistgħu jikkonvinċuna li Alla jżomm kelmtu huwa billi huma stess ikunu fidili għall-wegħdiet li għamlu fil-jum tal-konsagrazzjoni tagħhom.

Ġejna f’dan is-santwarju Marjan antik fid-Djoċesi tagħna. Fl-istorja ta’ gżiritna nsibu li fl-1615 f’Għawdex ix-xita kienet skarsa. Konvint mill-wegħda li Alla mhux ser jitilqu, ġensna għamel talba qatigħ biex is-Sema jibgħat ix-xita. Dakinhar saret wegħda li jekk tagħmel ix-xita jsir pellegrinaġġ mill-Matriċi ta’ Santa Marija (illum il-Katidral) sal-knisja tal-Kunċizzjoni. Dan il-pellegrinaġġ sar fil-15 ta’ Novembru 1615. Illum aħna ġejna f’dan is-santwarju Marjan antik fid-Djoċesi tagħna misjuqa mid-devozzjoni tagħna lejn Marija li hija ikona li tikkonfermalna li Alla żamm kelmtu – għax permezz tagħha, Alla bagħat lil Ibnu mwiegħed. Żgur li bħal Xmun u Anna, Marija kienet tistenna sinjal li jikkonfermalha li Alla jżomm kelmtu. Nitolbuha f’dan il-Ġublew tal-Ħniena biex tgħinna nibqgħu nemmnu bis-sħiħ li Alla mhux ser jerġa’ lura mill-kelma li ta.

Imma fuq kollox nitolbu bl-interċessjoni tagħha biex Alla jkompli jżejjen din il-Knisja f’Għawdex b’aktar vokazzjonijiet għas-saċerdozju u għall-ħajja kkonsagrata. Nixtieq norbot intenzjoni speċjali mal-“bieb” qaddis ta’ dan is-Santwarju tal-Kunċizzjoni: li kull min jgħaddi minn dan il-Bieb tal-Ħniena jitlob lil Alla jberikna b’aktar vokazzjonijiet saċerdotali, reliġjużi u lajċi kkonsagrati b’viżjoni missjunarja biex hekk ikollna min jibqa’ jfakkarna li Alla tagħna ma jafx ireġġa’ lura kelmtu – għax anki jekk is-sema u l-art jgħaddu, kliemu ma jgħaddix (ara Mt 24:23).

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading