Riflessjoni tal-Isqof Mario Grech fit-Tberik tat-Tarbija fil-Ġuf


Riflessjoni fit-Tberik tat-Tarbija fil-Ġuf
Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb
Il-Ħadd 7 ta’ Frar 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

GĦARKUPPTEJNA QUDDIEM IL-MARA TQILA

Aħna spiss nitkellmu dwar Alla, imma jibqa’ l-fatt li d-diskors dwar Alla mhux ħafif għax, għalkemm nitkellmu dwaru, lilu qatt ma rajnieh! F’ċertu sens, Alla tagħna huwa ftit tost, għax waqt li jridna nemmnu fih, hu jistaħbilna – hu Alla moħbi u mistur! Għalhekk ma nistagħġibx b’min jgħidli li ġieli jiġuh xi dubji dwar l-eżistenza ta’ Alla! Imma huwa fatt ukoll li xi kultant Alla jippermetti li jkun hemm xi sinjal li bih nintebħu bil-preżenza tiegħu. Il-mirakli li kien jagħmel Ġesù huma fost dawn is-sinjali.

It-tnissil ta’ kull tarbija huwa wieħed mis-sinjali li jagħtina Alla biex nemmnu fih! Għax il-ħajja umana hija misteru li jaf il-bidu tiegħu fl-att ta’ mħabba ta’ Alla Ħallieq. Ħadd ma jitnissel b’kumbinazzjoni; imma kull wieħed minna konna fil-ħsieb ta’ Alla qabel ma tnissilna. Qabel ma kien hemm ir-rieda tal-ġenituri biex iġibu tarbija, kien hemm ir-rieda ta’ Alla: Alla ried li int u jien nibdew neżistu. Kull ħajja li titnissel hija miraklu ta’ Alla. Għalhekk, il-ħajja hija don kbir u aħna l-bnedmin għandna d-dmir li nilqgħuha, nieħdu ħsiebha u nikkurawha. Għax taf il-bidu tagħha f’Alla, il-ħajja tagħna hija “sagra” u aħna ma nistgħux ma nersqux fil-preżenza tagħha b’qima. Ebda tqala ma tniżżel lill-ġenituri għarkupptejhom; imma nagħmlu sew jekk b’rispett lejn il-ħajja, aħna ninżlu għarkupptejna quddiem l-omm tqila. Altru li ma nistgħux nilagħbu mal-ħajja! Daqskemm ma nistgħux ma nistagħġbux kull meta tiftaħ ħajja ġdida fil-ġnien tal-umanità, daqstant ieħor hija ħasra meta l-bniedem jgħaddilu minn moħħu li jagħmel xi ħaġa li tista’ tqiegħed il-ħajja f’riskju.

Diġà kull ħajja li titnissel fil-ġuf tal-omm hija sinjal tal-Providenza divina – fil-fatt kull tarbija li tiġi fid-dinja hija sinjal li Alla ma nsiniex u li għadu jaħseb fl-umanità. Imma aktar minn hekk, aħna konvinti li fl-imħabba tiegħu Alla ser jibqa’ jipprovdi lil dawn il-bnedmin li għadhom fi ħdan ommhom. Jekk Alla jieħu ħsieb it-tajr tal-ajru u jlibbes il-ġilji tal-widien, Hu sejjer jinsa lill-bniedem, maħluq fuq xbieha tiegħu u mifdi minn Ġesù? Għal Alla l-bniedem, kull bniedem, jiswa aktar mill-għasafar u l-ward, u għalhekk Alla huwa kommess li jipprovdilna biex ngħixu. Dan nixtieq intennih lilkom, ġenituri, li lqajtu dan ir-rigal ta’ ħajja ġdida: bħala missirijiet u ommijiet intom għandkom missjoni sabiħa imma tqila wkoll u nifhem li jkun hemm mumenti fejn jista’ jaħkimkom il-biża’ għax ma tkunux tafu jekk huwiex ser ikollkom biżżejjed biex tgħajxu lil uliedkom. Il-Providenza Divina ma għandhiex limitu u ma tagħżilx bejn il-bnedmin; jekk Alla jagħmel preferenza, din juriha ma’ dawk il-ħlejjaq li huma dgħajfin. Waqt li għalina d-dgħufija tista’ tkun ċirkustanza li taqtgħalna qalbna, għal Alla taf tkun okkażjoni biex juri l-kobor u l-qawwa tiegħu. Tkun kemm tkun magħdura, kull ħajja jibqgħalha d-dinjità tagħha u għaldaqstant ebda ħajja umana ma għandha tiġi ssagrifikata.

Bl-interċessjoni tal-Madonna Ta’ Pinu, li bħal kull omm kellha l-esperjenza tat-tqala, nitlob lil Ġesù jieqaf magħkom, ommijiet u missirijiet, biex ma tibżgħux taffrontaw l-isfidi tal-lum u tiksbu l-qawwa biex tkunu ħarriesa tal-ħajja umana mit-tnissil sat-tmiem naturali tagħha.