Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Quddiesa għall-Ġurnalisti Għawdxin


Omelija fil-Quddiesa għall-Ġurnalisti Għawdxin
Knisja tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria
It-Tnejn 25 ta’ Jannar 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

ĠURNALIŻMU LI JWASSAL AĦBAR TAJBA

L-istedina ta’ Ġesù biex imorru fid-dinja kollha u jxandru l-bxara t-tajba ma saritx biss lill-Appostli, imma hija miftuħa għall-Insara kollha, għax kull min hu mgħammed huwa ħabbar tal-Vanġelu. Għaldaqstant dan il-mandat nistgħu napplikawh ukoll għall-ġurnalisti kollha impenjati fil-qasam tal-komunikazzjoni soċjali.

Huwa minnu li fost il-ġurnalisti hemm dawk li ħsiebhom biss biex iwasslu l-aħbar il-kerha. Ma ngħidx li ma għandniex inkunu nafu bil-kronaka s-sewda, imma din trid tistimulana biex nagħmlu xi ħaġa ħalli negħlbu n-negattiv bit-tajjeb. Meta l-ġurnaliżmu jirrapporta aħbar negattiva, forsi wkoll b’mod sensazzjonali, u jieqaf hemm, nibża’ li flok ma jkun qed jaqdi lis-soċjetà, dan ikun qed “jinqeda” b’dgħufija tal-bniedem għal skopijiet ulterjuri. Każi bħal dawn ikollhom riħa ta’ sfruttament u manipulazzjoni.

Imma l-ġurnalist għandu l-missjoni li jħabbar “aħbar tajba”. Kieku ngħaqqdu l-isforzi tagħna biex permezz ta’ dawn il-mezzi nikkomunikaw il-ħafna pożittiv li hawn madwarna, mhux biss inkunu nirrikonoxxu t-tajjeb, imma nkunu wkoll nistimulaw lill-oħrajn biex ikattru l-ġid.

Meta nqis li din is-sena l-Knisja Kattolika qed tiċċelebra l-Ġublew tal-Ħniena, nemmen li l-miżerikordja hija aspett ta’ din il-bxara t-tajba li għandu jinteressa lill-ġurnalisti. Għalhekk nagħmel appell lil dawk impenjati fid-dinja medjatika, speċjalment lill-ġurnalisti ta’ ispirazzjoni Kattolika, biex jinqdew b’dawn l-għodod qawwija (il-kitba u x-xandir) biex jippromovu l-miżerikordja fis-soċjetà tagħna. Ma tagħmilx ħażin kieku s-soċjetà tagħna tirrifletti ftit dwar kif tista’ tkun soċjetà aktar ħanina!

F’dan il-kuntest nixtieq insemmi kategorija ta’ persuni li għandna bżonn nuru ħniena magħhom biex ngħinuhom isemmgħu l-vuċi tagħhom u hekk issir ġustizzja magħhom. Il-ġustizzja hija l-pedament tal-ħniena. Fejn ma hemmx ħniena ma hemmx ġustizzja! Qiegħed nirreferi għal dawk li jħossuhom żgħar, il-foqra, dawk li huma fil-periferija, dawk li ma għandhomx min jiddefendihom. Anki jekk dawn ma humiex ftit, ħafna drabi din hija kategorija minsija u ttraskurata.

Peress li f’xi każi l-ġurnaliżmu huwa għodda f’idejn min għandu l-flus u l-poter, nifhem għaliex mhux il-mezzi tal-komunikazzjoni kollha jagħtu vuċi lil dawk li huma bla vuċi. Ħafna drabi dawn il-mezzi jintużaw biex titmexxa l-aġenda u l-azjenda ta’ min hu propjetarju tagħhom u għalhekk ftit li xejn jagħtu attenzjoni lil dawk li fis-soċjetà jeħtieġu min jagħmel eku tal-vuċi dgħajfa tagħhom.

Għalhekk l-appell tiegħi lill-ġurnalisti f’din is-Sena tal-Ħniena huwa li nippruvaw nagħtu tama lil min ma għandux, inkunu solidali u nimbuttaw ’il quddiem il-kawża ġusta ta’ dawk li ma għandhomx saħħa biex jiddefendu d-drittijiet tagħhom. Spiss dawn id-drammi umani jseħħu fis-silenzju u fil-moħbi u għaldaqstant importanti li jkollna professjoni (il-ġurnaliżmu) li taħdem biex toħroġ din it-tbatija fid-dieher; ġurnaliżmu li jgħin biex tinħoloq opinjoni pubblika u kuxjenza soċjali biex dawk li huma mċaħħda minn dak li huwa tagħhom bi dritt, jiksbuh lura.

Dan ix-xorta ta’ ġurnaliżmu jagħmel il-ġid lill-individwi li jinsabu għaddejja minn xi għamla ta’ tbatija, frustrazzjoni u inġustizzja; imma huwa wkoll aħbar tajba għas-soċjetà kollha għax jgħin biex bejnietna ninsġu rapporti soċjali li jserrħu fuq ir-rispett tad-drittijiet umani.

Dan hu wkoll Vanġelu – bxara tajba! Nitlob lil Alla jieqaf mal-ġuralisti tagħna kollha biex ikollhom il-mezzi li jeħtieġu biex ikunu jistgħu jiddefendu lil kull bniedem imma b’mod speċjali lil dawk li d-dinjità tagħhom qed tiġi mkasbra.