Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Pellegrinaġġ Penitenzjali Djoċesan tar-Randan

Print Friendly, PDF & Email

Omelija fil-Pellegrinaġġ Penitenzjali Djoċesan tar-Randan
Santwarju Nazzjonali Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb
Il-Ġimgħa 12 ta’ Frar 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

ID-DNUB BIEB GĦAL ALLA

Bħal ħafna u ħafna pellegrini oħra, illejla ġejna f’dan is-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu biex niltaqgħu ma’ Ġesù. Imma f’dan is-Santwarju fejn hu qiegħed Ġesù? Ċertament qiegħed fit-tabernaklu fejn hemm l-Ewkaristija. Qiegħed fil-Kelma, għax Ġesù huwa l-Kelma li saret laħam u għammar fostna. Nistgħu ngħidu li niltaqgħu ma’ Ġesù permezz ta’ Marija f’din id-dar tagħha. Kemm nisma’ rakkonti ta’ pellegrini li jiġu hawn Ta’ Pinu biex jiftħu qalbhom ma’ din l-Omm tas-Sema, u Marija tintroduċihom ma’ Ġesù.

Imma nixtieq inqiegħed għall-attenzjoni tagħna opportunità oħra fejn int u jien nistgħu nħallu lil Ġesù jħaddanna miegħu: id-dnub tagħna huwa post speċjali fejn tista’ ssir il-laqgħa tagħna ma’ Ġesù. Għax l-Iben ta’ Alla għalhekk sar bniedem: biex ifejjaqna mill-ġrieħi tagħna. Għalhekk il-bniedem spiritwalment ferut jiftaħ il-qalb ħanina ta’ Alla li dejjem jgħarrex biex jieħu fuq spallejh it-toqol tal-piżijiet tagħna. Il-mara midinba li daħlet fid-dar ta’ Xmun iltaqgħet ma’ Ġesù propju meta hija ammettiet id-dnub tagħha (ara Lq 7:36-50). Imma fil-każ ta’ Xmun, minkejja li stieden lil Ġesù għall-ikel fid-dar tiegħu, il-“laqgħa” vera baqgħet ma seħħitx – għax b’differenza mill-mara midinba, Xmun ma għarafx id-dnub tiegħu. Xmun fetaħ il-bieb tad-dar tiegħu għal Ġesù, imma ma kellux il-kuraġġ li jbexxaqlu l-bieb ta’ qalbu; waqt li din il-mara, konxja mid-dgħufija tagħha, tiftaħ qalbha għat-tjubija, il-ħlewwa u l-miżerikordja ta’ Alla. Għalhekk id-dnub isir “bieb” biex Alla jidħol fil-ħajja tagħna.

Din il-mara hija inti u jiena. Bħalha ma għandniex nibżgħu nammettu d-dnub tagħna. Mhux biex nibqgħu lsiera tad-dnub, imma biex insibu r-raġuni ħalli nersqu għand il-Feddej u nduqu l-benna tal-maħfra u l-għożża tat-tgħanniqa tiegħu.

Jiena nara li dak li għamlet il-mara midinba ma’ Ġesù, Ġesù għamlu magħha. Il-mara marret bil-vażett tal-alabastru biż-żejt ifuħ biex tidilku bih, xarrbitlu riglejh bi dmugħha u xxottathomlu. Fil-fehma tiegħi dan kollu serva bħala stqarrija kemm tal-indiema tagħha u kemm ta’ mħabbitha. Min-naħa tiegħu, Ġesù jagħmel l-istess: hu li hu “vażett” mimli fwieħa, jitkisser bil-passjoni u l-mewt tiegħu biex il-fwieħa tiegħu tinfirex fuq din il-mara li tirrappreżenta lilna l-midinbin; fuq din il-mara wkoll tinżel demgħa minn għajnejn Ġesù li jibki bil-ferħ meta jara lill-midneb jerġa’ lura għal dak l-istat li fih ħalqu Alla.

Is-sagrament tal-Qrar li ser niċċelebraw illejla huwa okkażjoni biex aħna niltaqgħu ma’ Ġesù u npoġġulu fi ħdanu d-dnub tagħna. Aħna nistgħu nersqu lejn il-konfessur għax diġà l-imħabba ta’ Alla qanqlitna biex niġu f’din id-dar ta’ Marija. Kienet din l-istess imħabba ta’ Alla li imbuttat lill-mara midinba biex tidħol fid-dar ta’ Xmun u dduq il-qawwa ħelliesa tal-Feddej. Ejjew nersqu għand is-saċerdot u nitolbuh il-maħfra biex illejla wkoll il-Mulej ikisser il-vażett tal-balzmu tiegħu u bih jidlek il-ġerħat tagħna u nħossu taqa’ fuqna d-demgħa sħuna li taħrab lil Kristu, ir-Redentur tagħna, li qed jibki għax qalbu mimlija bil-ferħ meta jarana rridu nagħmlu ħbieb miegħu u ma’ xulxin.

Huwa għalhekk li jien nixtieq li dan is-Santwarju Ta Pinu jkun dejjem, imma speċjalment matul din is-sena tal-Ġublew tal-Ħniena, ċentru nazzjonali ta’ rikonċiljazzjoni fejn aħna niġu niltaqgħu ma’ Kristu fl-istqarrija ta’ dnubietna u hekk nisimgħuh jgħidilna: “Il-fidi tagħkom, l-imħabba tagħkom, salvatkom. Morru fis-sliem”.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading