Omelija tal-Isqof Mario Grech fl-Erbgħa tar-Rmied

Print Friendly, PDF & Email

Omelija fl-Erbgħa tar-Rmied
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
L-Erbgħa 10 ta’ Frar 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

EŻERĊIZZI TAS-SILENZJU

Mhux ftit jilmentaw fuq l-istorbju. Bir-raġun xi ħadd iddeskriva s-seklu tagħna bħala l-aktar wieħed storbjuż. Mal-ħsejjes tal-karozzi, tal-makkinarju, u l-bqija, għandna l-ħoss ta’ ħafna kliem. Ngħidu wisq; u min jgħid ħafna, ma tantx jiswa! Din l-atmosfera storbjuża mhux biss tegħjina mentalment imma tolqotna spiritwalment. Għax meta nkunu maħkuma minn storbju estern u intern, ikun diffiċli ħafna li nisimgħu lil Alla.

F’dan il-kuntest, fil-bidu ta’ dan ir-Randan nixtieq nagħmlilkom stedina partikulari. Ġesù jistedinna biex insumu. Barra mis-sawm tal-istonku, hemm is-sawm tal-ilsien. Għalhekk jagħmel sew kieku llum ninawguraw erbgħin jum ta’ skiet.

Għażla bħal din tiswielna għall-ġisem. Ftit snin ilu f’Anghiari, qrib Arezzo, grupp ta’ professjonisti, ħassieba, kittieba u ġurnalisti waqqfu “Akkademja tas-silenzju” fejn il-bniedem jitgħallem dwar il-ġmiel tas-skiet u kif jagħmel is-skiet. Din l-Akkademja tippubblika libretti li jitkellmu dwar il-valur u t-teknika tas-silenzju. Ħafna drabi dan it-taħriġ jiswa biex il-bniedem isib lilu nnifsu – għax fil-geġwiġija l-bniedem lanqas jisma’ lilu nnifsu.

Dak li neħtieġu fuq livell uman għandna bżonnu b’aktar urġenza fuq livell spiritwali. Il-Mulej Ġesù jagħtina eżempju. Meta kien ikun ser jagħmel għażliet importanti, kien ifittex postijiet imwarrba biex fil-ħemda jisma’ x’ried jgħidlu l-Missier. Jekk Ġesù kellu bżonn is-skiet, kemm aktar aħna!

It-Tradizzjoni Patristika fil-Knisja tagħna fl-ewwel sekli kienet diġà għarfet il-valur tal-kultura tas-skiet. San Massimo l-Konfessur jgħid li “il-bniedem la jista’ jitlob, la jagħmel penitenza u anqas opri tal-ħniena jekk ma jkunx bniedem tas-skiet. Hija biss it-talba tas-skiet li tgħin lill-bniedem jilħaq l-għanijiet tiegħu” (Centurie). Ma nistgħux fit-talb nisimgħu lil Alla jekk ma nkunux fis-skiet; l-istorbju lanqas iħallina nisimgħu l-karba tal-fqir li jitlobna nagħmlu miegħu l-karità. Fi kliem San Girgor il-Kbir, “is-skiet huwa d-dar tal-mistiċi (dawk li jixtiequ jibnu relazzjoni m’Alla) u Alla huwa Sid is-skiet”. San Anton Abbati josserva li “kif il-ħut imut meta toħorġu mill-ilma, hekk imutu l-monaċi jekk joħorġu mis-skiet”. Bir-raġun għalhekk jista’ jingħad li l-bniedem ta’ Alla huwa dak li joqtol il-kliem biex jinqeda biss bis-skiet. Bis-skiet tiegħu, il-bniedem li jkun għamel esperjenza ta’ Alla, “jgħid” dak li ma jistax jitfisser bil-kliem. Fi kliem il-kittieb Franċiż Leon Bloy, meta l-bniedem jitkellem bl-imħabba dwar Alla, kliemu jsir qisu qabda ljuni għamja jfittxu mnejn jistgħu jixorbu biex jaqtgħu l-għatx.

Bil-Magħmudija aħna sirna “bnedmin ta’ Alla” u għalhekk nistgħu nidħlu f’din id-dar tas-silenzju biex hemm niskopru s-sorpriżi ta’ Alla. Min jista’ jgħid kemm il-Mulej jgħaddi minn ħdejna u ma nintebħux bih għax aħna aljenati bil-ħsejjes! Biex il-Kelma ta’ Alla ssib il-passaġġ u tasal f’qalbna, huwa meħtieġ dan is-silenzju.

Għalhekk nagħmel appell għal “sawm” mill-kliem żejjed! Xi drabi aktar faċli ngħakksu l-istonku milli nagħmlu xatba fuq fommna. Meta nħallu l-ilsien jinħall, nistgħu ngħidu kliem li jġib ħafna ħsara. Mhux lakemm niġbru kelma li mhux suppost inkunu għidniha. Fl-istess waqt, nagħmel tliet suġġerimenti prattiċi li jistgħu jiswew għalina lkoll – għalija, għas-saċerdoti, għar-reliġjużi, għal-lajċi adulti u għaż-żgħar:

(a) Naraw il-film Il Grande Silenzio ta’ Philip Groning miġbud f’Certosa, fl-Alpi fejn grupp ta’ rħieb jgħixu fis-skiet. Għal tliet sigħat “nisimgħu” is-sinfonija tas-silenzju.
(b) Nużaw bil-qies ir-radju, televiżjoni, cds, ipads, mowbajls, internet, u l-bqija. Nippruvaw inrażżnu d-dipedenza tagħna minn dawn il-mezzi storbjużi.
(c) Kuljum insibu knisja jew kappella tal-Ewkaristija u nagħmlu viżta tal-qalb lil Ġesù.

Fir-Randan nisimgħu ħafna dwar “l-eżerċizzi” (prietki). Il-proposta tiegħi hi li nippruvaw nagħmlu eżercizzi għas-silenzju!

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading