Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Quddiesa tal-Ammissjoni għall-Ordni Sagri

Print Friendly, PDF & Email

Omelija fil-Quddiesa tal-Ammissjoni għall-Ordni Sagri
Kappella tas-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria
L-Erbgħa 18 ta’ Frar 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

SAĊERDOTI TALLABA

Meta nisma’ lil Ġesù jgħidilna: “Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom” (Mt 7:7), nistħajjel li qiegħed ikellimna dwar in-natura tagħna kemm bħala bnedmin u kemm bħala presbiteri. Fil-fatt, Ġesù qed jeżortana biex inkunu “tallaba” u “riċerkaturi”. Forsi mhux daqshekk diffiċli li nifhmu li l-bniedem huwa tallab f’kull sens tal-kelma – fil-fatt huma ħafna dawk iċ-ċirkustanzi li għandhom qawwa li jniżżluna nittallbu fuq irkupptejna. Minkejja li aħna l-presbiteri f’ħafna ħwejjeġ naqsmu l-istess destin ma’ ħutna l-bnedmin, is-sejħa u l-missjoni tagħna titlob li b’għażla aħna nkunu tallaba. Irridu nkunu “tallaba” biex inħossu mat-tallaba.

Dan japplika f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħajja spiritwali. Ma aħniex meħlusa mit-tentazzjoni li peress li l-ministeru tagħna jpoġġina ħafna qrib dak li huwa sagru, aħna nistgħu nqisu lilna nfusna bħala bnedmin spiritwalment kompluti. Dan il-kumpless ta’ superjorità spiritwali huwa ingann serju u huwa ta’ xkiel għall-ministeru tagħna. Min jaħseb li huwa perfett fir-relazzjoni tiegħu mal-oħrajn ħafna drabi jħares minn fuq għal isfel u ma jasalx biex jifhem lil min hu mtektek; mentri meta niftakru li aħna tallaba tas-Sema, dan ifakkarna fiċ-ċkunija spiritwali tagħna nfusna u jpoġġina f’qagħda li nikkumpatixxu lil min hu “tallab” bħalna.

Il-fatt li aħna s-saċerdoti nkunu smajna xi ftit lezzjonijiet tat-teoloġija u qbadna xi ktieb f’idejna, jista’ jwassalna għat-tentazzjoni li naħsbu li ma għandniex bżonn “infittxu” aktar il-verità dwar Alla! Min huwa konvint li jaf biżżejjed ma jħossux imbuttat li jkompli jimraħ u jaġġorna ruħu. Din l-iskarsezza fl-għarfien tat-teoloġija u tax-xjenzi umani mhux biss taf tkun kawża li twassal biex bil-mod il-mod niżvojtaw is-saċerdozju tagħna, imma taf tkun ukoll ir-raġuni wara ċerta ħsara, xi drabi irriversibbli, li bil-ministeru nistgħu nagħmlu lill-oħrajn. Meta ninsew li aħna qegħdin fi proċess ta’ tfittxija kontinwa, meta nikkuntentaw bl-għarfien li għandna, allura ma nibqgħux “tallaba” u “fittiexa”.

Din l-attitudni ta’ “tallaba” għandha tgħinna nqisu bil-għaqal ir-relazzjoni tagħna mal-ġid tad-dinja. Aħna ma nagħmlux il-vot tal-faqar, imma lanqas għandna ninqdew bis-saċerdozju biex nagħmlu l-flus. Meta l-assigurazzjoni tagħna tkun il-ġid materjali u mhux Alla u l-Providenza tiegħu, nibdew nippreokkupaw ruħna kemm ser nagħmlu qligħ bir-riskju li nirrendu s-saċerdozju tagħna “karriera” jew “impjieg”! Ma nistgħux nidħlu għas-saċerdozju u fl-istess ħin nippretendu li nfasslu ħajja komda. Mhux is-saċerdozju għalina imma aħna għas-saċerdozju! Meta s-suġġett tal-flus ikun iżżejjed fuq moħħna, jirrendilna l-ministeru miżerja. Nista’ ngħidilkom li għat-talba li saritli mis-Segreterija tas-Sinodu tal-Isqfijiet biex nipproponi xi temi bil-ħsieb li jiġu kkunsidrati għas-Sinodu li jmiss, jien ressaqt żewġ argumenti: (a) is-saċerdozju ministerjali, u (b) il-Knisja fqira fost il-foqra. Dwar il-viżjoni ta’ Knisja fqira, nagħmilha ċara li jien ma nagħtix l-approvazzjoni tiegħi għal ċerti opri li kapaċi jtappnu d-dehra ta’ din il-Knisja.

Jekk ma nkunux tallaba hemm riskju reali li lil min jitlobna l-ħobż, nagħtuh ġebla jew lil min jistaqsina għal ħuta, nagħtuh serp! Għax saċerdot li ma jħossux tallab ma jafx jinżel għarkupptejh quddiem Alla. U meta niċċantaw it-talb, hemm riskju li nimirdu bl-“eġemonija” u bl-awtoreferenzjalità. Hekk dak li ġie fdat f’idejna għall-qadi tal-proxxmu, nirrenduh għodda ta’ poter. Kif għidt fid-Diskors tal-Awguri ta’ din is-sena, anki s-sagrament tal-Qrar kapaċi nużawh bħala mezz ta’ poter fuq il-kuxjenzi għal skopijiet barranin għalkollox għall-ministeru tagħna. Huma diversi l-okkażjonijiet meta flok ħobż nafu ngaraw il-ġebel li xi drabi mhux biss iferi, imma joqtol. Nistgħu nużaw il-predikazzjoni biex bil-kliem inwaddbu l-ġebel lill-miġemgħa. Inkunu nibdlu d-duttrina u saħansitra l-Vanġelu f’ġebel meta nużawha bħala strument ta’ kundanna u mhux ta’ fejqan. Mhux eskluż il-każ li l-istess Ewkaristija tiġi mmanipulata biex flok ma sservi ta’ “ħobż ħaj li niżel mis-Sema”, tinbidel f’ġebel li jweġġa’ lill-oħrajn. Min iżomm f’qalbu u ma jaħfirx, ikun bħal wieħed bil-wadab f’idejh lest li jfajjar il-ġebla lejn min jitolbu ħniena.

Għeżież seminaristi, qed naqsam magħkom dawn il-ħsibijiet anki fil-kuntest tal-fatt li llum uħud minnkom ser iressquli t-talba biex tiġu ammessi fl-Ordni Sagri. Nappellalkom biex tkunu saċerdoti li toffru stil alternattiv ta’ ministeru; anzi, aħdmu biex ikollna Knisja mġedda. Kif għidna fl-aħħar Ittra Pastorali, inħossu li fostna hawn min għandu viżjoni ta’ Knisja mċajpra. Nistqarr li għalija din hija waħda mill-isfidi l-kbar li għandi: meta nara li fil-Knisja tagħna hawn skontri anki bejnietna s-saċerdoti ta’ kif għandha tkun il-Knisja. Biex nagħti eżempju, hawn min għadu joħlom bi Knisja klerikali li teskludi l-lajċi; hawn min għadu jrid jaħli s-saċerdozju tiegħu jilgħab bl-istatwi flok ma japplika ħinu fil-katekeżi. Intennilkom: Kunu saċerdoti li tagħmlu differenza! Madwarkom għandkom eżempji tajbin: imitaw lilhom. Fuq kollox kunu qrib in-nies – min jagħmilha mat-tallaba, ma jdumx biex jifhem għaliex l-Imgħallem qalilna: “Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom”.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading