Omelija tal-Isqof Mario Grech fl-Għoti tal-Ministeru tal-Lettorat

Omelija fl-Għoti tal-Ministeru tal-Lettorat
Il-Ħadd 21 ta’ Frar 2016, it-Tieni Ħadd tar-Randan
Knisja arċipretali tal-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġużepp, il-Qala
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

ALLA JKELLEMNA FID-DLAM TAL-ĦAJJA

Il-dlam huwa esperjenza komuni għalina lkoll. Fil-ħajja hemm waqtiet fejn inħossu li s-separju jinżel fuq għajnejna, moħħna u qalbna u naqtgħu qalbna li jgħaddi dak il-mument tad-dlam. Din hija l-esperjenza tagħna individwali kif ukoll ta’ għadd ta’ familji – fil-fatt, kemm ikun hemm ġenituri li jibku mingħajr ma jintebħu wliedhom stess, għax iħossuhom li jkunu daħlu jew daħħluhom fi sqaq mudlam! Hija l-esperjenza ta’ kull min għandu vokazzjoni – tiegħi bħala isqof, tas-saċerdoti, tar-reliġjużi u tas-seminaristi.

Meta wieħed isib ruħu f’mument iebes bħal dan, ma jfissirx li dan ikun raġel jew mara ħażina. Fl-Ewwel Qari smajna r-rakkont ta’ Abraham. Kieku dan il-pellegrinaġġ spiritwali tiegħu bdieh b’ħafna entużjażmu; fil-fatt, meta sema’ lill-Mulej isejjaħlu, telaq kollox u ħalla art twelidu. Ma kienx jaf fejn kien sejjer, imma hu għamel att ta’ fiduċja f’Alla. Imma mbagħad Abraham daħal f’fażi tad-dlam! “Waqa’ fuq Abram ngħas qawwi u waqgħu fuqu biża’ u dalma kbira” (Ġen 15:12). Min minna ma jafx x’inhu l-biża’ tad-dlam fil-ħajja?

Mhux biss hemm id-dlam individwali, imma hemm ukoll dak li ħassieba Spanjola, Maria Zambrano, issejjaħ “id-dlam kollettiv u kulturali”. Bħala eżempji ta’ dan id-dlam fil-kollettività soċjali nsemmi dak li għandu x’jaqsam mal-familja – illum tant nisimgħu b’mudelli ta’ familja li bir-raġun nistaqsu x’inhi l-familja. Għandna mistoqsijiet dwar x’inhu l-bniedem u kemm nistgħu nintervienu fil-ħajja tiegħu. Saħansitra jqumulna mistoqsijiet dwar x’valur għandha l-ħajja, tant li hawn min hu tant fid-dlam li jaħseb li meta ma nkunux nistgħu nerfgħu aktar il-piżijiet, allura ntemmu l-ħajja tagħna stess jew ta’ ħaddieħor. M’iniex nitkaża jew ngħaddi ġudizzju fuq dawn il-qagħdiet, imma qed nagħti xi indikazzjoni dwar xi tfisser din id-dalma kollettiva u kulturali.

Hemm ukoll il-kollettività ekkleżjali. Ma nkunux boloh li ma nirrikonoxxux li anki l-komunita Nisranijà tgħaddi minn mumenti ta’ dlam. Fl-aħħar Ittra Pastorali għidna li xi drabi l-viżjoni tagħna ta’ Knisja “tiċċajpar” u ma nafux x’tifsila ser nagħtu lil din l-imbierka Knisja f’pajjiżna. X’tip ta’ Knisja rridu għas-soċjetà tagħna?

Iċ-ċpar li semmejt ifakkarni fl-esperjenza tat-tliet dixxipli li telgħu ma’ Ġesù fuq l-għolja tat-Trasfigurazzjoni. F’waqt minnhom, dawn it-tlieta daħlu fi sħaba u mtlew bil-biża’. Jien ninterpreta din is-sħaba bħala ċappa ċpar – xi darba ċ-ċpar tant ikun oħxon li wieħed ma jarax madwaru. Fil-każ tad-dixxipli dan iċ-ċpar kien ikkawżat mit-tħabbira li Ġesù kien għadu kif għamlilhom dwar il-passjoni u l-mewt tiegħu. Għax qabel telgħu fuq l-għolja, Ġesù qalilhom li Bin il-bniedem kien ser ibati ħafna, jiċħduh ix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba u joqtluh (ara Lq 9:22). Mhux diffiċli biex nifhmu li fid-dawl ta’ dan il-kliem waqgħet dalma fuq il-menti tad-dixxipli!

Għalkemm sabu ruħhom f’dawn il-qagħdiet, la Abraham u lanqas d-dixxipli ma qatgħu qalbhom mill-ħajja, għax fl-esperjenza tad-dlam u taċ-ċpar huma semgħu l-vuċi ta’ Alla. Alla jkellem lill-bniedem anki meta jkun fid-dlam.

Quddiem il-ġrajja tal-Passjoni, Ġesù wkoll bħal ħass dalma nieżla fuqu, tant li talab lid-dixxipli tiegħu biex jakkumpanjawh għax ried imur jitlob. Huwa normali li fil-mumenti tad-dlam u l-ambigwità, il-bniedem jinżel għarkupptejh fil-preżenza ta’ Alla u minn qalbu toħroġ il-karba: “Kellemni!”.

Hekk għamel Abraham u f’dik id-dalma waslitlu l-Kelma bil-barka ta’ Alla. Alla jwiegħdu dixxendenza kotrana u li l-wirt tiegħu jinfirex mix-xmara tal-Eġittu sax-xmara tal-Ewfrat.

Hekk għamlu t-tliet dixxipli u semgħu leħen mis-sħaba jgħid: “Dan hu Ibni l-maħtur, isimgħu lilu”.

Dan id-dlam jitfaċċa f’kull storja umana, anki fl-istorja tal-vokazzjoni. Huwa normali li fid-dixxerniment tas-sejħa wieħed ikollu d-dubji, l-ambigwitajiet tiegħu u jibda jiddubita minn Alla u minnu nnifsu. Għalhekk nagħmel il-qalb lil dawk l-adolexxenti u żgħażagħ li jinsabu fil-mixja vokazzjonali, għax propju meta jkunu għaddejjin mill-lejl mudlam tas-sensi (espressjoni ta’ San Ġwann tas-Salib, ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù, ta’ Santa Teresa ta’ Lisieux, u tal-Beata Teresa ta’ Calcutta), huma jisimgħu leħen il-Mulej.

Illum is-seminarista Joseph Hili ser jirċievi l-Ministeru tal-Lettorat biex f’isem il-Knisja jkun jista’ jxandar il-Kelma ta’ Alla. Għandna bżonn ta’ persuni li f’din id-dalma kollettiva u kulturali jwasslulna l-Bxara t-tajba li hija l-vuċi ta’ Alla.

Ma għandniex għalfejn nibżgħu meta ngħaddu mill-esperjenza tal-lejl mudlam, għax hekk inkunu nistgħu nifhmu lil min jinsab għaddej minn din il-fażi. Jekk aħna stess ma nġarrbux xi tfisser din l-esperjenza tad-dlam, faċli nkunu ttentati li naqtgħu l-qalb jekk mhux ukoll neskludu lil min hu fid-dlam, lil min qiegħed jagħmel mistoqsijiet eżistenzjali tqal, lil min, frott ta’ dawn il-mistoqsijiet mhux imwieġba, jista’ jieħu inizjattivi mhux tajbin għalkollox. Ma għandna naqtgħu jiesna minn ħadd. Ma għandniex għalfejn nirtiraw mir-realtajiet li ma humiex ċari għalkollox, anqas u anqas intellgħu l-ħitan tal-firda jew inħallu l-preġudizzju jaħkimna – imma naraw kif nistgħu nimxu flimkien, niddjalogaw u ngħinu lil din il-kollettività mdallma biex tisma’ l-vuċi ta’ Alla. Meta l-bniedem jisma’ “il-Leħen tal-Maħbub”, imbagħad ikun jista’ jara dak li ma jkunx qed jara b’għajnejh jew jisma’ bis-sensi naturali. Hekk ġara fuq l-għolja tat-Trasfigurazzjoni. Sa dakinhar għalihom Ġesù kien biss iben il-mastrudaxxa minn Nazareth; imma wara li għaddew mill-esperjenza tad-dlam u waslitilhom il-Kelma, huma setgħu jaraw lil Kristu sħiħ – lil Kristu msebbaħ.

Hekk jiġri lilna: għalkemm id-dlam huwa tqil u kollu riskji, jekk aħna niftħu qalbna għall-Kelma kollha ħlewwa u verità ta’ Alla, aħna naslu biex naraw dak li llum ma għadniex naraw.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading