Bil-lenti imċajpra


Bħalissa, min qed jidħol fil-Facebook tiegħi, qed jinduna li, għal kull jum li jgħaddi, il-Mulej qed jagħtini clip ta mhux aktar minn 40 sekonda, u b’ħames ilsna jekk jogħġbok! Jiġifieri bl-ilsien Malti, Ingliż, Taljan Franċiż u Ġermaniż. Ma rridx nippreżenta ruħi li jien poligotta għax allura vera nkun aljotta! Imma l-Mulej QALBU F’IDU!

L-interessanti hu li l-clip ta’ nhar il-Ħadd 6 ta’ Settembru 2020 ġie naqra mċapjar. Minħabba li l-ħin jgħaddi malajr, u ħaġa iġġib lil oħra, ma tantx kelli ċans nara x’ġara. La sarlu l-ħin is-sinjur kellu joħroġ! Hu kif inhu! Għax, kif jgħallmuna ħutna t-Taljani, veru hemm il bello della diretta imma ma rridux lanqas niżbarazzaw minn nofs il bello della registrazione anki!

Hu x’inhu l-każ, dan l-imbierek clip tani ftit biċċa xogħol biex nara l-għaliex il-camera bdiet tiġi imċajpra. Minn selfie dawwart il-funzjoni tal-mobile f’camera. Alla jbierek x’ċarezza! Tassew li ċar kristall kien ix-xogħol! Għall-ewwel ħsibt li l-problema kienet se tittranġa! Iżda mhux talli ma tranġatx talli aktar issuktat tiġġandar!

Dħalt fis-settings tal-camera ħa nara jekk il-problema kinitx minn hemm. Imma hemmhekk kollox kien jaħdem arloġġ! Allura fejn kienet il-problema? Ma nafx kif, kif kont qed nistrieħ ftit fis-sodda, wara nofstanhar ta’ xogħol bla heda fl-għalqa tal-Mulej fettilli mmur għall-camera tal-mobile fuq barra. U, f’dik iċ-ċkunija kollha, x’taħsbu li nsib? Li kulma riedet il-camera kienet mesħa fuq il-lenti! Daqshekk kulma riedet! U meta msaħta erġajt dehert Alla jbierek bħall-jiem l-oħra!

It-tagħlima hi waħda: naddaf il-lenti Patri Mar! Il-lenti ta’ ruħek! Biex tara kollox ċar u mhux qabda ċpar li, tant kemm ikun oħxon, taf titfixkel fil-qfieli taż-żarbun tiegħek stess! Aħseb u ara mela jekk tidħolx f’ħaddieħor jew f’xi ħaġa oħra u hekk tikser ‘l hawn u tikser ‘l hemm! Biex ma ngħidlekx, li taf tibqa’ tal-post! Hemm bżonn li l-lenti ta’ ruħna tkun ċara! Għax il-kuxjenza tkun ċara! Ma teżiżti l-ebda kuxjenza li ġġagħlni nħossni sew basta naġixxi skont il-but, il-fama, il-pużizzjoni, is-setgħa, il-pjaċir u l-bqija! Le! Jekk il-kuxjenza tiegħi hi dan it-tip aħjar immur inqerr qrara ħalli nibda’ nara kollox ċar, niddeċiedi b’kuxjenza ċara u nġib ruħi b’mod ċar u qatt ambigwu. Għax l-ambigwu ma jagħmilx l-individwu!

Meta l-kuxjenza tiegħi tkun ċara titbiegħed mill-ħsara għax tibda’ tara u mhux tgara! Xi ġmiel meta ħajti ngħixha b’kuxjenza kwieta, għax fil-verità u fl-integrità! Hekk, ma’ San Ġwann Battista De La Salle, lil Mulej ngħidlu b’ħajti: Kulfejn immur se nsibek, Alla tiegħi!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.