Sintesi tal-Omelija tal-Isqof Mario Grech fit-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej

Print Friendly, PDF & Email

Sintesi tal-Omelija fit-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
Ħamis ix-Xirka, 24 ta’ Marzu 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IŻ-ŻINĠLA TAL-PASSJONI

Naqbel mal-mistika Madeleine Delbrel li “iż-żinġla” li fiha Ġesù ħasel fiha riġlejn l-Appostli hija “relikwa” speċjali tal-Passjoni tiegħu. Fiha Ġesù jaħsel lill-bniedem mill-ħmieġ kollu tiegħu, anki jekk ikollu qxur ta’ kallijiet. Ġesù ma jitnaffarx quddiem il-ħmieġ tagħna; ebda ħmieġ ma hu ser ibiegħdu minna. Anzi, anki jekk riġlejna jkun fihom l-infafet, Ġesù xorta jaħsilhomlna u jixxottahomlna biex jiffriskana u jserraħna.

Ġesù jagħmel dan “baxxut”, fis-sens li ma jħarisx f’għajnejna biex ma jkollniex għalfejn nistħu minnu. Hu jibqa’ b’għajnejh baxxuti għax ma jinteressahx x’jisimna – hu ma jagħżilx bejn ħbieb u għedewwa, nies li jemmnu jew ma jemmnux, nies li jiġu l-Knisja u oħrajn li ilhom li telqu, nies f’qagħda regolari jew irregolari… fis-skiet huwa lest li jċappas idejh bil-ħmieġ tagħna biex jaħsilna.

Billi waqt li jkun jaħslilna riġlejna Ġesù jkun rasu baxxuta, lanqas aħna ma naraw wiċċu b’mod dirett. Nilmħu biss rifless ta’ wiċċu fl-ilma maħmuġ taż-żinġla! Iva, il-wiċċ ta’ Ġesù jidher fil-miżerja tagħna maħsula mill-Miżerikordja divina!

Interessanti li Ġesù ħaslilhom riġlejhom minkejja li d-dixxipli ma kinux qed jifhmu x’kien qed jagħmlilhom. Ladarba ma fehmux l-azzjoni ta’ Ġesù, seta’ ma kellhomx dik id-dispożizzjoni ideali biex wieħed jirċievi din l-imħabba; imma Ġesù xorta ma ċaħħadhomx minn din il-grazzja. Ħaslilhom riġlejhom konvint li ’l quddiem, propju għax għamlu esperjenza tal-ħasil, għad jifhmu u jiksbu d-dispożizzjonijiet meħtieġa.

Illum aħna l-Isqfijiet irċevejna komunikazzjoni minn Ruma fejn il-Papa talabna nħejju lill-Knisja fdata f’idejna biex tilqa’ l-Eżortazzjoni Appostolika ta’ wara ż-żewġ Sinodi dwar il-familja li ser tkun ippubbikata ftit ġimgħat oħra. Għalhekk f’dan il-lejl qaddis meta Ġesù tana l-kmandament tal-imħabba, inħeġġiġkom titolbu għall-Knisja biex ikollha l-qawwa xxandar il-Bxara t-tajba dwar il-familja li għandha liġi waħda tmexxiha: il-liġi tal-imħabba. Nitolbu biex il-Knisja jkollha kelma li tqawwi u twieżen lil dawk il-ħafna familji tajbin li għandna u fl-istess waqt tieħu dik “iż-żinġla” li Ġesù uża fl-Aħħar Ċena, u bħalu titbaxxa quddiem il-familji li riġlejhom tqalu b’għamla ta’ ħmieġ u taħsilhomlhom. Għall-Knisja l-familja hija kollox – huwa fil-familja li l-bniedem jagħmel l-ewwel esperjenza ta’ komunità li tħobb.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading