Messaġġ tal-Isqof Mario Grech fl-okkażjoni tal-ewwel Gozo Youth Conference


Messaġġ fl-okkażjoni tal-ewwel Gozo Youth Conference
Lukanda Grand Hotel, l-Imġarr, Għawdex
Is-Sibt 19 ta’ Marzu 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

Huwa unur għalija li qed nieħu sehem f’din l-ewwel konferenza organizzata mill-Gozo Youth Council. Id-diversi temi li intom iż-żgħażagħ semmejtu fil-Policy Document għal Għawdex jikkonfermaw kemm intom iż-żgħażagħ tassew intom “id-djamanti” tagħna bħala nazzjon Malti. Il-viżjoni li għandkom għal Għawdex tikxef x’potenzjal qawwi hemm fikom. Nappellalkom biex temmnu fikom infuskom u ma tħarsux lura. Jien nemmen fikom. Jien konvint li intom iż-żgħażagħ m’intomx nieqsa minn dawk il-ħiliet biex bil-kreattività tagħkom iġġibu bidla madwarkom. Aħna l-adulti, kemm fil-kamp ċivili u kemm fil-Knisja, inkunu nonqsu serjament jekk ma nagħtukomx il-wisa’ biex intom tkunu tistgħu toffru s-sehem oriġinali tagħkom. Lil min jibqa’ lura għax ma jafdakomx, ngħidlu li aħjar nieħdu r-riskju li ġġib magħha din il-fiduċja fikom milli nibqgħu mwaħħlin fir-rutina. Nerġa’ ngħid: dan japplika wkoll għall-ambjenti ekkleżjastiċi; inkella, jekk l-element żagħżugħ jibqa’ mrażżan jew eskluż, ir-riskju veru jkun li jkollna Knisja xiħa.

F’diveri oqsma tas-soċjetà tagħna hawn deficit ta’ leadership. Dan nista’ nikkonfermah b’esperjenza personali anki fil-Knisja. Mhux darba u tnejn issir proposta lil xi ħadd biex jerfa’ xi għamla ta’ responsabbiltà u dan ifarfar minn fuq spallejh! Naf b’għadd ta’ organizzazzjonijiet li jilmentaw li llum saret sfida mhux żgħira biex isibu persuna li jistgħu jafdawlha t-tmexxija. Għalhekk inħeġġiġkom biex tinteressaw ruħkom fil-politika li hija arti nobbli u meħtieġa fis-sistema demokratika. Ħasra li aktar nisimgħu bin-negattiv milli bil-ħafna tajjeb li dawn iċ-ċittadini-politiċi jagħmlu. Hemm lok għalikom f’għadd ta’ NGOs li jwettqu ħidmiet soċjali jew kulturali. Kif diġà għidt, nixtieq li fil-Knisja tagħna jkun hemm aktar parteċipazzjoni ta’ żgħażagħ mhux biss bħala dawk li jesegwixxu imma wkoll bħala dawk li jikkontribwixxu fit-tfassil ta’ programmi pastorali.

Napprezza li llejla kien hawn min tkellem dwar kemm hu importanti li ngħożżu u nħarsu l-identità Għawdxija. Jien ngħoddni wieħed minn dawn, għax Għawdex huwa ħafna għal qalbi. Jien ukoll neżortakom biex tħobbu lil din il-gżira tagħna, għax jekk ma nkunux aħna li nindukraw u nippromovu l-wirt Għawdxi, ftit huma dawk li ħa jinteressaw ruħhom ġenwinament minnu. Imma nħoss li kull diskors dwar l-identità Għawdxija bħala reġjun għandu jsir fil-kuntest nazzjonali. Aħna pajjiż wieħed u ma naffordjawx il-frammentazzjoni. Biex tkun irrispettata l-identità tar-reġjun ma jfissirx li għandna nrewħu atteġġjamenti separatisti. Għalhekk l-istedina tiegħi hija biex la nkunu mijopiċi u lanqas parrokkjalisti, u nevitaw il-mentalità insulari. F’dan il-kuntest, nixtieq nara li jkun hemm aktar preżenza ta’ element Għawdxi fil-fora nazzjonali. Nistqarr li jurtani l-fatt li f’dawn il-fora, li huma ħafna, kważi qatt ma nisma’ jew nara parteċipazzjoni Għawdxija. Xi drabi tingħata l-impressjoni li Għawdex ma jidħolx fl-equation ta’ xi wħud li għandhom responsabbiltajiet nazzjonali!

Il-fatt li l-kotra taż-żgħażagħ Għawdxin ikomplu l-istudji fuq livell terzjarju huwa akkwist pożittiv ħafna, u l-inċentivi soċjali biex din il-prattika tissokta huma apprezzati. Imma jekk ma noqogħdux attenti hemm ir-riskju li minħabba din l-esperjenza tad-djaspora f’età daqshekk partikulari, għall-fatt li żagħżugħ jinqata’ mill-familja u jassenti ruħu mill-ambjent oriġinali tiegħu, jistgħu jikbru fih ċerta disaffezzjoni u diżinteress lejn Għawdex! Għalhekk inħoss li dan il-fenomenu migratorju, li minn temporanju jista’ jsir permanenti, għandu jiġi studjat u indirizzat bis-serjetà. Bi pjaċir ngħid li wieħed mis-saċerdoti tagħna, Dun Mark Bonello, li għamel studji dwar il-ħidma pastorali maż-żgħażagħ fl-Università Pontifiċja Salesjana, ftit ilu ppreżenta t-teżi tiegħu bl-isem The Gozitan University Students in Malta. Għalkemm l-awtur iħares lejn din ir-realtà mil-lenti pastorali, naħseb li dan l-istudju u riċerki oħra li saru u jistgħu jsiru, jistgħu jservu ta’ bażi għal aktar diskussjonijiet u proposti għat-tisħiħ ta’ din “ir-riżorsa umana” partikulari.

Nagħlaq billi nħeġġiġkom tkomplu toħolmu u ssibu l-koperazzjoni ta’ ħafna biex dan il-ħolm tagħkom tittraduċuh f’viżjoni għal Għawdex fil-qafas ta’ viżjoni nazzjonali u Ewropea.