Messaġġ tal-Isqof Mario Grech fil-Konferenza “Il-Volontarjat u s-Servizzi Soċjali”


Messaġġ fil-Konferenza “Il-Volontarjat u s-Servizzi Soċjali”
Grand Hotel, l-Imġarr, Għawdex
Is-Sibt 19 ta’ Marzu 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

Ilkoll xi darba smajna b’Caravaggio, Ugo Foscolo, Casanova, Alexandre Dumas, Saint Exupéry, Willy Brandt, Bill Clinton u Barack Obama. Fattur komuni għal dawn il-persuni kollha huwa li kollha trabbew minn single parent! Altru li mhux korrett li xi ħadd jgħid li familja b’ġenitur wieħed hija familja mhux sħiħa! Filwaqt li nirrikonoxxu li dawn l-esperjenzi magħrufa bħala “small families” jeħtieġu attenzjoni u għajnuna għax isibu ruħhom f’sitwazzjonijiet ekonomiċi u soċjali żvantaġġjati, is-soċjetà ma tistax tinjorahom jew isserraħ il-kuxjenza billi tagħtihom karità! Anki jekk matul is-snin naqset l-istigma soċjali u ekkleżjali dwar din it-tip ta’ familja u seħħ żvilupp konsiderevoli fis-servizzi soċjali li joffri l-Istat lil dawn il-familji, xorta fadal ħafna xi jsir fuq livell ta’ programmi ta’ taħriġ, sapport psikoloġiku, politika familjari, liġijiet ta’ xogħol, liġijiet fiskali, housing, u ħafna iktar.

Jien inħossni grat ħafna lejn Dar Ġużeppa Debono, l-Anawim u l-Ordni ta’ San Lazzru, it-tlieta għaqdiet ta’ ispirazzjoni Kattolika, li dalgħodu organizzaw din il-Konferenza. Il-familja mhux biss hija l-qofol tal-azzjoni pastorali tal-Knisja, imma l-Knisja tħeġġeġ lis-soċjetà ċivili biex ma tehdiex issostni kull familja għaliex “il-familja hija skola ta’ umanità iżjed għanja […] u l-pedament tas-soċjetà” (Gaudium et spes, 52).

Fl-aħħar Sinodu tal-Isqfijiet li sar f’Ottubru li għadda dwar i-familja jingħad espressament li “il-Knisja tagħmel tagħha, fi qsim kollu mħabba, il-ferħ u t-tamiet, it-tbatija u l-uġigħ ta’ kull familja. Li tkun qrib tal-familja bħala sieħba fil-mixja, għall-Knisja jfisser li b’għerf taddotta atteġġjament varjat: kultant hemm bżonn li tibqa’ qrib u tisma’ fis-skiet; drabi oħra, jeħtieġ tiċċaqlaq biex turi t-triq li wieħed għandu jimxi; u drabi oħra, jixraq li ssegwi, twieżen u tagħmel il-qalb. Din l-‘arti tal-akkumpanjament’ tgħallimna ninżgħu l-qorq quddiem l-art imqaddsa tal-persuna l-oħra. Jeħtieġ li l-mixja tagħna nagħtuha ritmu b’saħħtu li jqegħidha qrib tal-oħrajn, b’ħarsa mimlija rispett u ħniena imma li fl-istess ħin ikollha l-ħila tfejjaq, teħles u tħeġġeġ il-maturità fil-ħajja Nisranija” (Dokument finali, 77).

F’paragrafu 80 is-Sinodu jsemmi espressament dawn il-familji ta’ single parent: “Il-familji b’ġenitur wieħed għandhom għeruq differenti: missirijiet jew ommijiet bijoloġiċi li qatt ma riedu jintegraw ruħhom fil-ħajja tal-familja, sitwazzjonijiet ta’ vjolenza li minnhom xi ġenitur kellu jaħrab flimkien mal-ulied, il-mewt ta’ xi wieħed mill-ġenituri, wieħed mill-ġenituri li ta dahru lill-familja, u sitwazzjonijiet oħra. Hi x’inhi l-kawża, il-ġenitur li baqa’ jgħix bit-tfal miegħu għandu jsib l-għajnuna u l-faraġ tal-familji l-oħra li jsawru l-komunità Nisranija, kif ukoll fi ħdan l-organizzazzjonijiet parrokkjali. Dawn il-familji spiss huma milquta wkoll mill-gravità tal-problemi ekonomiċi, mill-inċertezza ta’ xogħol prekarju, mid-diffikultà biex jgħajxu lil uliedhom, min-nuqqas ta’ dar”.

Dan jikkonferma li l-Konferenza tal-lum hija fil-linja tal-ħsieb tal-Knisja dwar il-familja. Jien nawgura li r-riflessjoni ta’ dalgħodu sservi ta’ stimolu biex is-soċjetà kollha, b’mod partikulari l-komunità Nisranija, jintensifikaw l-approwċ tagħhom lejn dawn il-persuni li f’ħafna mill-każi jkunu “milquta mill-imħabba midruba jew mitlufa, u troddilhom il-fiduċja u t-tama, bħad-dawl ta’ fanal f’port jew ta’ fjakkla f’nofs in-nies biex iddawwal lil dawk li tilfu t-triq jew sabu ruħhom f’nofs tempesta” (55).