It-tempju hu min jisma’ l-Kelma tar-Ragħaj

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 21 ta’ Settembru 2020: Omelija mill-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex fis-Solennità tal-Anniversarju tad-Dedikazzjoni u l-Pussess bħala t-Tielet Dekan tal-Kolleġġjata Ġorġjana. Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/898079119″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”false” /]

It-tempju hu min jisma’ l-Kelma tar-Ragħaj

Il-Vanġelu tal-lum hu interessanti ħafna (Ġw 10:22-30). Kienet id-Dedikazzjoni tat-Tempju, jgħidilna San Ġwann, u kienet ix-xitwa. X’kienet din l-okkażjoni tad-Dedikazzjoni tat-Tempju? Kienet waħda mill-festi kbar tal-Lhud. Ir-Rabbini jżommuha bħala t-tieni festa wara l-festa tal-Għerejjex, il-festa tas-Sukkot. Il-festa tal-Għerejjex kienet issir fil-bidu tas-sajf, waqt illi din kienet issir fix-xitwa – fil-25 tax-xahar ta’ Każlew, jew bejn wieħed u ieħor qrib il-Milied tagħna. Ix-xahar ta’ Każlew huwa x-xahar ta’ Diċembru. U x’kienu jfakkru l-Lhud permezz ta’ din il-festa? Kienu jfakkru meta fis-sena 164 qk Ġuda l-Makkabew kien reġa’ rebaħ it-Tempju ta’ Ġerusalemm. X’kien ġara?

Madwar għaxar snin qabel, Antijoku IV, li kien wieħed mid-dixxendenti ta’ Alessandru l-Kbir, mis-Sirja daħal fl-art ta’ Iżrael, ħakimha u pprova jdawwarha f’reliġjon tal-Griegi, fil-mentalità Ellenistika. Lit-Tempju ta’ Ġerusalemm għamlu tempju ddedikat lill-alla Żeus, li huwa l-alla l-kbir fost il-ħafna allat tal-Griegi. U jgħidilna l-Ktieb tal-Makkabej li għamel xi ħaġa tassew kerha li tissejjaħ fl-Iskrittura l-aktar ħaġa mistkerrha – abominju (ara 1 Makk 1:54). Għaliex saret offerta fuq l-altar li s-soltu fuqu s-saċerdoti joffru s-sagrifiċċju lil Alla, Jaħweh; saret offerta kbira lil dan l-alla Żeus, l-alla tal-Griegi. L-ewwel kien hemm wieħed Ażmonew jismu Mattatija illi beda bil-mod il-mod ixerred mill-ġdid il-mentalità Ġudajka, b’tali mod illi dan Ġuda l-Makkabew, permezz ta’ armata li kienet magħmula minn nies li ma kinux kapaċi, irnexxielu jirbaħ mill-ġdid lit-Tempju ta’ Ġerusalemm u jerġa’ jikkonsagrah, proprju fil-25 tax-xahar ta’ Każlew, jew ta’ Kiżlew kif isejħulu l-Lhud.

U f’din il-festa x’kienu jagħmlu l-Lhud? Kienu jixegħlu mixegħla kbira. Kienu jixegħlu l-lampadarji l-kbar illi kienu l-karatteristika tas-Sukkot, il-festa tal-Għerejjex. U allura l-Lhud permezz ta’ din il-festa reġgħu kkonsagraw it-Tempju lil Alla, reġgħu daħħlu l-mentalità ta’ reliġjon Ġudajka fl-art ta’ Iżrael. Il-Grieg Antijoku kien saħansitra għamel ġinnasju – parti mit-Tempju kien biddlu f’post fejn isir il-ġlied, fejn iż-żgħażagħ Lhud u Griegi kienu jitħarrġu flimkien biex ikabbru s-saħħa tagħhom u jkunu dimostrazzjoni tal-potenza tal-ġisem kif jarawh u jimmaġinawh il-Griegi.

Nistgħu ngħidu li aħna llum fis-seklu 21 qegħdin nerġgħu xi ftit ngħixu din il-mentalità. Il-kultura tar-reliġjon u tal-fidi qiegħda kulma jmur timmaterjalizza u tissekolarizza ruħha. U forsi aħna wkoll għandna bżonn li nerġgħu nikkonsagraw mill-ġdid it-tempju, imma bir-riskju illi ġarrbu l-istess Lhud. Għax meta kkonsagraw mill-ġdid it-Tempju ta’ Ġerusalemm, x’għamel Ġuda? Issegregah aktar, qatgħu aktar min-nies, għamlu aktar xi ħaġa weħidha. Fejn qabel fil-Qaddis tal-Qaddisin kien jidħol aktar minn darba fis-sena s-saċerdot, issa, minn Ġuda l-Makkabew ’il quddiem, is-saċerdot kien jidħol darba f’sena. Sintendi kienet reazzjoni naturali u normali ħafna għal dak l-abominju li kien sar, dik id-diżordni li kienu għamlu l-Griegi fit-Tempju ta’ Ġerusalemm.

U dan huwa r-riskju tagħna wkoll, li Ġesù fil-Vanġelu tal-lum iħabbar, ixandar u jgħallem kontra tiegħu. Għaliex it-Tempju ta’ Ġerusalemm kien preżenza ta’ Alla, kien id-dar tal-poplu, imma l-poplu kien maqtugħ għalkollox minn Alla. Alla kien maqful fil-Qaddis tal-Qaddisin, f’dan l-armarju ’l ġewwa nett, fil-kamra ta’ ġewwa nett tat-Tempju, u n-nies u l-poplu kienu maqtugħa għalihom. U dan huwa r-riskju li nistgħu nġarrbu aħna wkoll illum. Huwa riskju kbir illi l-Knisja, il-fidi tagħna tista’ ġġarrab meta nistgħu nimmaġinaw b’mod żbaljat illi l-fidi hija magħmula għal ftit nies, illi Alla mhux ta’ kulħadd, illi Alla huwa tagħna biss, ta’ dawk li ma għandhomx x’jagħmlu, illi Alla lill-bniedem tal-lum ma jgħidlu xejn.

U allura x’jiġri? Jiġri bil-maqlub ta’ dak li kien ġara fi żmien Epifanju. X’għamlu l-Lhud? Eżaltaw u eżaltaw u reġgħu eżaltaw it-tempju tal-ġebel, għax dik hija d-dar ta’ Alla, u kważi kważi mhux aktar id-dar tan-nies, id-dar tal-poplu. Qatgħu għalkollox lil Alla mill-poplu.

Imma Ġesù huwa l-Messija, huwa Alla f’nofsna, Alla magħmul bniedem. Ġesù huwa t-tempju l-ġdid, id-dar il-ġdida ta’ Alla u tal-bniedem. U jixtieq Ġesù illi aħna ħutu wkoll inkunu din id-dar il-ġdida fejn jgħammar Alla u wkoll fejn jgħammar bil-ħila u fil-milja kollha tiegħu l-bniedem. Nistaqsuh lil Ġesù: Kemm se ddum taqlgħalna qalbna! Għidilna jekk intix il-Messija jew le, għidilna jekk intix id-dar ta’ Alla u d-dar tal-bniedem, għidilna jekk intix Alla magħmul bniedem f’nofsna. U Ġesù ma jirrispondix direttament. Imma jirrispondi b’mod indirett. Jirrispondi għalija u għalik. U jgħidilhom lil-Lhud, kif jgħid lilna: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni”. U Ġesù jagħmel sintesi bejn id-desakrazzjoni tal-Griegi u s-sagralizzazzjoni esaġerata illi għamlu l-Lhud tat-Tempju. U t-Tempju jerġa’ jieħu l-identità vera tiegħu.

U x’inhi din is-sintesi? Hi meta Ġesù qal li n-nagħaġ tiegħu jisimgħu leħnu. Kif jien u int inkunu tempju ta’ Alla u tempju tal-bniedem fil-milja tiegħu? B’liema mod inti tkun bniedem sħiħ, u Alla jgħammar fik bl-ikbar milja tiegħu? B’liema mod Alla jista’ jinkarna fik? Imma fija? Iva, fik! Int ukoll Messija. Int ukoll midluk – masah – biż-żejt tal-Griżma, biż-żejt tal-Magħmudija. Inti wkoll preżenza ta’ Alla. Inti wkoll preżenza tal-bniedem. Imma kif se ngħixuha din?

Qalilna Ġesù fil-Vanġelu: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni”. Kemm nisimgħu leħnu. Kemm nisma’ l-Kelma ta’ Alla. U hekk inti ssir tempju, mhux biss ta’ Alla, imma anki tal-umanità. U jkompli Ġesù: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom”. Lil min jagħraf Ġesù? X’jiġifieri li tagħraf? Tagħraf ifisser, fi kliem l-Iskrittura, tidħol f’intimità kbira ma’ xi ħadd. Lil min jagħraf Ġesù? Jagħraf lilna meta nisimgħu l-kelma tiegħu, minn fuq l-ambone, fil-knisja, jew fid-dar tagħna, jew fil-laqgħa li fiha mmorru. Nippruvaw nixtarruha, inħalluha tinżel mhux biss fil-widnejn tagħna, imma fil-moħħ tagħna, fil-qalb tagħna. Nippruvaw inħalluha toħroġ fl-għażliet tagħna, fid-deċiżjonijiet tagħna. U b’dak il-mod aħna nsiru intimi mal-persuna ta’ Ġesù. Hu jagħraf lilna u aħna nagħrfu lilu.

U kif ikompli Ġesù? “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jien nagħrafhom, u huma jimxu warajja”. Is-sintesi tal-Knisja. Aħna li nisimgħu l-kelma ta’ Ġesù, li nidħlu f’relazzjoni intima miegħu, u li allura nistgħu nissejħu tassew dixxipli tiegħu. Veri dixxipli tiegħu. Nies li jimxu wara l-Imgħallem tagħhom. U jkompli Ġesù: “u jien nagħtihom il-ħajja” – il-ħajja fil-milja tagħha, il-ħajja mhux biss umana. Min jimxi wara Ġesù huwa bniedem tassew, huwa bniedem ta’ veru. Imma mhux biss, min jimxi wara Ġesù għandu l-ispirtu ta’ Alla fih, huwa tempju ta’ Alla, kif qalilna San Pawl. U mbagħad nistgħu nagħtu s-sinifikat ta’ veru lil dan it-tempju tal-ġebel. Għaliex min jagħtihielu t-tifsira lill-ġebel? Min jiddesakrah lill-ġebel? Min ma jħallihx aktar qaddis? Jew min iqisu bħala d-dar vera ta’ Alla u d-dar vera tal-bniedem? Min jekk mhux jien, jekk mhux int… jekk mhux il-moħħ u l-qalb tagħna… jekk mhux il-mod ta’ kif nirraġunaw… jekk mhux il-mod ta’ kif inkunu dixxipli ta’ Ġesù?

Allura l-festa tagħna, il-festa ta’ din il-knisja, hija l-festa ta’ kull wieħed u waħda minna. Ejjew niġġeddu, proprju f’dan l-ispirtu tas-smigħ tal-Kelma. Ejjew nixxennqu għas-smigħ tal-Kelma. Ser nibdew is-Sena Pastorali. Jalla kull dixxiplu jista’ jgħid tassew dak li qal Ġesù għan-nagħaġ tiegħu: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni”, jisimgħu l-Kelma tiegħu. Mhux qed ngħidha jien din, jew xi ħadd mis-saċerdoti tagħkom, imma jgħidha Ġesù. Jekk aħna rridu nkunu nagħaġ tiegħu, irridu nisimgħu leħnu. Ma hemmx mod ieħor. Biex tkun nagħġa ta’ Ġesù, biex tkun Kristjan, trid tisma’ leħnu. U hu jagħrafna u aħna nagħrfu lilu. Nidħlu f’intimità miegħu. U mhux biss. Nimxu warajh. Inkunu veri dixxipli tiegħu. U ħadd minna ma jintilef, anzi jkollna l-ħajja u l-ħajja bil-kotra.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading