Lezzjoni II: San Kallistu I


14 ta’ Ottubru – SAN KALLISTU I, PAPA U MARTRI

TIFKIRA

San Kallistu jingħad li kien ilsir; wara li kiseb il-ħelsien ġie ordnat djaknu mill-Papa Żefirinu u dan qabbdu jieħu ħsieb il-katakombi ta’ Via Appia li aktar tard issejħu il-katakombi ta’ San Kallistu. Imbagħad sar Papa warajh fis-sena 217. Tħabat ħafna kontra l-eretiċi ta’ żmienu: Adozzjonisti u Modalisti.  Miet martri fis-sena 222 u difnuh fiċ-ċimiterju ta’ Kalepodju f’Via Aurelia, Ruma.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mit-Trattat lil Fortunatu, ta’ San Ċiprijanu, isqof u martri.

(Ad Fortunatum,13)

Fi żmien il-paċi l-kuruna tal-glorja tingħata lil dawk li jimxu skont il-kuxjenza

It-tbatijiet ta’ issa ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-glorja li għad trid tidher fina. Min mhux sejjer għalhekk ma jħabrikx b’kull mod biex jasal għall-glorja bħal din, biex ikun ħabib ta’ Alla, biex minnufih igawdi ma’ Kristu, biex jikseb il-premju tas-sema wara t-tiġrib kollu ta’ din id-dinja? Jekk hi glorja kbira għas-suldatili, wara li rebħu l-għadu, jerġgħu lura f’pajjiżhom għat-trijonf tar-rebħ, kemm aktar u aqwa hi l-glorja ta’ dak li jirbaħ lix-xitan u jidħol rebbieħ fis-sema! Kemm hi ħaġa aqwa twassal is-sinjali tar-rebħa f’dak il-post minn fejn tkeċċa Adam wara li waqa’ fid-dnub, wara li tkun irbaħt l-għadu li bih tqarraq Adam! Kemm hi ħaġa aqwa toffri lil Alla r-rigali li taf li l-aktar se jogħġbuh: fidi sħiħa, fehma safja, tifħir kbir u tjieba liema bħalha! Kemm hi ħaġa aqwa tkun mal-Mulej meta jiġi biex jagħmel ħaqq mill-għedewwa tiegħu, u tkun maġenbhom meta jiġġudikahom! Kemm hi ħaġa aqwa tkun werrriet flimkien ma’ Kristu, tissieħeb mal-anġli u tifraħ bil-wirt tas-sema flimkien mal-patrijarki, mal-Appostli u mal-profeti. Liema persekuzzjoni tista’ tirbaħ ħsibijiet bħal dawn? Liema turmenti jistgħu jegħlbuhom?

Il-fehma mibnija fuq il-veritajiet tar-reliġjon tagħna hi fehma qawwija li xejn ma jċaqlaqha. Ir-ruħ, imwettqa minn fidi sħiħa u soda f’dak li għad irid jiġi, ma titħarrikx mill-biża’ tax-xitan u quddiem it-theddid tad-dinja. Il-persekuzzjonijiet jagħlqulna djarna fuq l-art, imma jiftħulna s-sema; l-antikrist jheddidna imma Kristu jħarisna; tingħatalna l-mewt, imma niksbu ħajja bla tmiem. X’ġieħ tikseb, kemm tkun fiż-żgur, wara li tħalli din id-dinja tal-mewt! Xi glorja jkollok meta tħalli din id-dinja fost it-tiġrib u t-turmenti! X’hena għalik tagħlaq l-għajnejn li bihom tara l-bnedmin fid-dinja, ħa tiftaħhom minnufih biex tara lil Alla u lil Kristu! B’liema ħeffa nitilqu ferħana minn hawn! Tinħataf f’mument mill-art u titqiegħed minnufih fis-saltna tas-smewwiet!

Tajjeb li jkollna u li ngħożżu ħsibijiet bħal dawn! Tajjeb naħsbu fuqhom lejl u nhar! Is-suldat ta’ Alla f’persekuzzjoni bħal din, ma jintrebaħx, minħabba l-qlubija tiegħu, għax dejjem imħejji għat-taqbida. U jekk jissejjaħ minn Alla qabel tibda t-taqbida, dan mhux se jtelliflu l-premju li jkun jistħoqqlu minħabba l-fidi tiegħu, li ħejjietu għall-martirju. Alla l-premju jagħtihulu bla telf ta’ żmien, għax Alla hu mħallef ġust; hu jagħti l-kuruna tal-glorja kemm lil dawk li jitqabdu għalih fi żmien il-persekuzzjoni u kemm lil dawk li fi żmien tal-paċi jimxu skont il-kuxjenza tagħhom.

RESPONSORJU                                                                                                                          Atti 20:28; 1 Kor 40:2

1 Ħudu ħsieb il-merħla kollha li tagħha għamilkom għassiesa l-Ispirtu s-Santu, meta takom is-setgħa. * Biex tirgħu ‘l Knisja ta’ Alla li Alla kiseb għalih bid-demm ta’ Ibnu.

2 Mill-amministraturi wieħed jistenna li jkunu fidili. * Biex tirgħu ‘l Knisja ta’ Alla li Alla kiseb għalih bid-demm ta’ Ibnu.

Talba

Fil-ħniena tiegħek Mulej, isma’ t-talb tal-poplu tiegħek u agħtina l-għajnuna, għall-merti ta’ San Kallistu li llum qegħdin infakkru l-martirju tiegħu. B’Ibnek.