Lezzjoni II: San Ġwann de Brebeuf u San Iżakk Jogues


19 ta’ Ottubru – SAN ĠWANN DE BREBEUF U SAN IŻAKK JOGUES, SAĊERDOTI U SĦABHOM MARTRI

TIFKIRA

Bejn l-1642 u l-1649 diversi missjunarji sofrew il-martirju fil-Kanada. L-indiġeni ta’ madwar l-għadira Huron u r-raħal ta’ Iroquios wara ħruxija tal-biża’, neħħew il-ħajja ta’ tmien reliġjużi Ġiżwiti li kienu qedin ifittxu li jressqu lill-pagani ta’ dawk l-inħawi għall-fidi vera. Fosthom kien hemm il-presbiteri Ġiżwiti San Ġwann de Brebeuf, San Iżakk Jogues, San Gabrijel Lalemant, San Anton Daniel, San Karlu Garnier u San Natal Chabanel, ir-reliġjuż Ġiżwita San Ġwann de la Lande, u San Renatu Goupil, li għen fil-missjoni bħala tabib. Iżakk Jogues ħa l-martirju fit-18 ta’ Ottubru 1647, u Ġwann de Brebeuf fis-16 ta’ Marzu 1648.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mill-kitba spiritwali ta’ San Ġwann de Brebeuf, saċerdot u martri

(The Jesuit relations and allied documents)

Ma mmutx ħlief għalik, Ġesù, li għoġbok tmut għalija

Għal jumejn sħaħ, kelli xewqa kbira li nbati l-martirju u kull xorta ta’ sofferenza li ħadu l-martri.

Sidi Ġesù, Salvatur tiegħi, x’nista’ nroddlok għall-ġid kollu li ħejjejtli? Ngħolli l-kalċi ta’ tbatijietek li jien nieħu minn idejk, u nsejjaħ ismek. Inwegħdek quddiem il-Missier etern tiegħek u l-Ispirtu s-Santu, quddiem Ommok l-imqaddsa u l-għarus safi tagħha, quddiem l-anġli, l-Appostli u l-martri, quddiem San Injazju, missieri u San Franġisk Saverju, inwegħdek, iva, Salvatur tiegħi Ġesù, li, kemm jiġi minni qatt ma nwarrab il-grazzja tal-martirju, jekk il-ħniena tiegħek bla tarf għad toffrihieli, qaddej tiegħek bla ma jistħoqqli.

Norbot lili nnifsi li, għall-bqija ta’ ħajti, rrid li qatt ma nkun nista’, u qatt ma jkolli rajja f’idejja biex inwarrab xi okkażżjoni li mmut jew inxerred  demmi għalik, ħlief biss jekk inħoss li għal xi żmien inkun ta’ glorja akbar għalik jekk nagħmel mod ieħor. Anzi nintrabat ukoll li, meta nkun se nieħu d-daqqa tal-mewt, nilqagħha minn idejk bl-akbar ferħ  u għaxqa; u għalhekk maħbub tiegħi Ġesù, biex l-hena tiegħi ikun akbar, minn issa stess noffrilek demmi u ġismi u ħajti, biex jekk tagħtini din il-grazzja ma mmutx ħlief għalik li għoġbok tmut għalija. Agħmel li jiena ngħix b’mod li jkun jistħoqqli d-don ta’ mewt hekk sabiħa. B’dan il-mod, o Alla tiegħi u Feddej tiegħi minn idejk ngħolli l-kalċi tat-tbatijiet tiegħek, u nsejjaħ ismek: Gesù ,Gesù, Gesù.

Alla tiegħi, kemm jisob bija li m’intix magħruf, li din l-art għariba għadha ma daritx kollha lejk, li d-dnub għadu ma nqeridx minha! Imma tassew, Alla tiegħi, li kieku kelli nġarrab it-tbatijiet kollha, imqar l-eħrex sofferenzi, tal-ilsiera ta’ dan il-pajjiż, noffri ruħi minn qalbi biex inbatihom jiena waħdi.

RESPONSORJU                                                                                                

Lhud 11:33a. 34b. 39; Għerf 3:5b

1 Bil-qawwa tal-fidi l-qaddisin rażżnu saltniet, għamlu l-ġustizzja, kisbu l-wegħdiet, tqawwew fit-taqbid. * Kollha qalgħu xhieda tajba bis-saħħa tal-fidi tagħhom.

2 Alla għaddihom mill-prova, u sab li jistħoqqilhom ikunu miegħu. * Kollha qalgħu xhieda tajba bis-saħħa tal-fidi tagħhom.

Talba

O Alla, bil-predikazzjoni u l-martirju  ta’ San Ġwann de Brebeuf u ta’ San Iżakk Jogues u sħabhom , int qaddist l-ewwel frott tal-fidi fl-artijiet tal-Amerika ta’ Fuq; fil-ħniena tiegħek, agħtina li bit-talb tagħhom, iż-żerriegħa tal-insara tikber dejjem iżjed u toktor kullimkien . B’Ibnek.