Qari tal-Quddies tat-Tnejn tal-XX ġimgħa matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

L-Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn

QARI I
Il-Mulej kien iqajjem l-imħallfin, imma anqas minnhom ma semgħu.
Imħ 2, 11-19

Qari mill-Ktieb tal-Imħallfin

F’dak iż-żmien, ulied Iżrael għamlu l-ħażin f’għajnejn il-Mulej u servew lill-allat Bagħalim. Telqu l-Mulej, Alla ta’ missirijiethom, li ħariġhom mill-art tal-Eġittu, u marru wara allat oħra minn fost l-allat tal-ġnus ta’ madwarhom, u bdew jadurawhom; u inkurlaw lill-Mulej.

U telqu lill-Mulej u servew lil Bagħal u lil Għastarot. U xegħlet il-korla tal-Mulej għal Iżrael, u telaqhom f’idejn il-ħallelin li serquhom, u biegħhom f’idejn l-għedewwa tagħhom ta’ madwarhom, hekk li ma setgħux iżjed jieqfu lill-għedewwa tagħhom. Kull meta kienu joħorġu għat-taqbid id il-Mulej kienet kontrihom bħalma kien qal il-Mulej, u kif kien ħalfilhom il-Mulej; u kellhom dwejjaq kbar.

U l-Mulej kien iqajjem l-imħallfin, u dawn kienu jsalvawhom minn id il-ħallelin. Imma anqas mill-imħallfin tagħhom ma semgħu; anzi żnew wara allat oħra u adurawhom. Malajr warrbu mit-triq li mxew fiha missirijiethom, li semgħu l-liġijiet tal-Mulej, ħaġa li huma ma għamluhiex.

U kull meta l-Mulej kien iqajmilhom l-imħallfin, il-Mulej kien ikun mal-imħallef u kien isalvahom minn id l-għedewwa tagħhom sakemm kien idum ħaj l-imħallef; għax kien il-Mulej iħenn għall-krib tagħhom minħabba dawk li kienu jaħqruhom u jgħakksuhom. Iżda meta kien imut l-imħallef, kienu jerġgħu jitħassru, u jsiru agħar minn missirijiethom, u jmorru wara allat oħra biex jaqduhom u jadurawhom; qatt ma nqatgħu mill-għemejjel ħżiena tagħhom u mill-ebusija ta’ rashom.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 105 (106), 34-35.36-37.39-40.43ab u 44

R/. (4a): Ftakar fija, Mulej, fi mħabbtek għall-poplu tiegħek

Missirijietna ma qerdux il-popli,
kif il-Mulej kien qalilhom;
imma tħalltu mal-ġnus,
u tgħallmu d-drawwiet tagħhom. R/.

Taw qima lill-idoli tagħhom,
li saru bħal nassa għalihom.
Qatlu b’sagrifiċċji lix-xjaten
lil uliedhom subien u bniet. R/.

Hekk tħassru bl-għemejjel tagħhom,
u żnew bl-imġiba tagħhom.
Għalhekk inkorla l-Mulej għall-poplu tiegħu,
u stmell il-wirt tiegħu. R/.

Ħafna drabi hu ħelishom,
iżda huma webbsu rashom miegħu.
Iżda hu ħares lejn l-hemm tagħhom,
xħin sama’ t-tnehid tagħhom. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 5, 3

Hallelujah. R/. Hallelujah
Henjin il-foqra fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Jekk trid tkun perfett, mur, bigħ il-ġid li għandek, u jkollok teżor fis-sema.
Mt 19, 16-22

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, resaq wieħed fuq Ġesù u qallu: “Mgħallem, x’għandi nagħmel tajjeb biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?”. U Ġesù qallu: “Għax tistaqsini fuq it-tajjeb? Wieħed hu t-Tajjeb. Jekk int trid tidħol fil-ħajja, ħares il-kmandamenti”. “Liema?”, staqsieh dak. U Ġesù wieġbu: “La toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, weġġaħ lil missierek u ’l ommok, u ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Qallu ż-żagħżugħ: “Jiena dan kollu ħaristu; x’jonqosni iżjed?”. Wieġbu Ġesù: “Jekk trid tkun perfett, mur, bigħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja!”.

Iż-żagħżugħ kif sama’ dan, telaq b’qalbu sewda, għax kien għani ħafna.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading