Messaġġ tal-Isqof Anton Teuma għall-Ġurnata Missjunarja 2020

Print Friendly, PDF & Email

Messaġġ għal Jum il-Missjoni 2020

“Hawn jien, ibgħat lili” (Iż 6:8)

Kull wieħed u kull waħda minna rċevejna r-rigal sabiħ tal-ħajja. Ħadd minna ma ddeċieda li jibda jgħix, imma lkoll sibna ruħna fil-ħajja. Fl-għeruq tal-persuna tagħna hemm l-imħabba ta’ Alla li għamlitna, li żżommna fil-ħajja u li se ddaħħalna fil-ħajja ta’ dejjem.

Għalhekk, biex il-ħajja tagħna tkun tassew umana, jeħtieġ li din l-imħabba li rċevejna nibqgħu ngħadduha lil xulxin u lill-oħrajn. B’dan il-mod, kull bniedem iduq minn din l-imħabba u jista’ jkollu l-hena.

Jirrakkontaw li darba wieħed bidwi ħabbat il-bieb tal-kunvent tal-belt fejn kien jgħix. Hekk kif il-patri tal-bieb fetaħlu, il-bidwi għaddielu għanqud għeneb il-ġmiel tiegħu, u qallu: “Dan għalik”. Il-patri ħa l-għanqud, u l-bidwi telaq lejn daru. Il-patri tal-bieb kien se jibda jiekol mill-għanqud, imma ftakar li kien hemm patri xiħ, marid, li kien ilu ħafna ma joħroġ, u li kien iħobb ħafna l-għeneb. Għalhekk qabad l-għanqud u tah lill-patri li kien marid.

Il-patri marid tgħidx kemm ħa gost bl-għanqud! Imma kif kien ser jibda jiekol, ġieh f’rasu l-patri servjent li kien jieħu ħsiebu u qal bejnu u bejn ruħu: “Kemm jieħu paċenzja bija, miskin, u jien qatt ma nista’ nurih kemm napprezza. L-għeneb jista’ jkun okkażjoni tajba biex b’xi mod nirringrazzjah”. Hekk għamel. Kif ġie l-patri servjent biex jagħmillu l-injezzjoni, il-patri l-marid, bi tbissima fuq fommu, tah l-għanqud tal-għeneb.

Il-patri servjent ħassu jemozzjona ruħu meta ra dak il-ġest ġeneruż tal-patri anzjan. Feraħ ħafna bl-għanqud tal-għeneb, imma hu wkoll, meta kien se jibda jiekol, jiftakar li ftit qabel kellu xi jgħid mal-gwardjan. Il-patri servjent ħaseb bejnu u bejn ruħu li tkun ħaġa sabiħa li jirranġa mal-patri gwardjan billi jmur u jagħtih l-għanqud tal-għeneb. U hekk għamel. Il-patri gwardjan mill-ewwel fehem li l-patri servjent xtaq jirranġa d-diżgwid li kellhom bejniethom, u kuntent ħa l-għanqud tal-għeneb.

Imma flok li kiel l-għeneb, il-patri gwardjan mar bl-għanqud ħdejn il-patri tal-bieb. “Żgur li jieħu gost b’dan l-għeneb, għax ikun jista’ jqassmu lit-tfal meta jiġu għall-katekiżmu”, ħaseb il-gwardjan.

Din l-istorja tiġri kull meta aħna naqsmu mal-oħrajn, speċjalment ma’ min hu batut, ftit mill-imħabba li nkunu rċevejna. Meta naħsbu fl-oħrajn, inkunu kuntenti aħna u nagħmlu kuntenti lil ħaddieħor. Aħna nilħqu l-maturità umana u spiritwali tagħna meta naħsbu mhux biss fina nfusna, imma meta naħsbu fl-oħrajn, speċjalment f’dawk li huma fil-bżonn.

Żgur li bħali tiltaqgħu ma’ ħafna nies fil-ħajja. Ilkoll nistgħu ninnutaw li n-nies li jkunu l-aktar kuntenti huma dawk li kapaċi jagħtu minn dak li għandhom. Aħna u naqsmu minn dak li rċevejna, inkunu qed ngħinu nies oħra jkunu kuntenti huma wkoll.

“Hawn jien, ibgħat lili”. Hekk qal lill-Mulej il-profeta Iżaija. Hija t-tweġiba li lkoll kemm aħna jeħtieġ nagħtu, biex inbiddlu d-dinja xi ftit għall-aħjar. Hija tweġiba li turina li aħna lkoll responsabbli ta’ xulxin. Dak li nistgħu nagħmlu jien u int, ma jista’ jagħmlu ħadd aktar; u jekk ma nagħmluhx, jibqa’ nieqes.

Il-Mulej iberikkom.

 

L-Isqof Anton Teuma

Isqof ta’ Għawdex

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading