Santa Marija Maddalena de Pazzi

Fl-okkażjoni tal- 450 sena mit-twelid ta’ Santa Marija Maddalena de Pazzi soru Karmelitana tal-Klawsura, Patri Charlò Camilleri li huwa studjuż dwar ħajjitha u r-rivelazzjonijiet li kellha, ppublika ktieb bil-Malti jismu ‘L-Għanja tal-Imħabba mhux Maħbuba’.

Tajjeb li ngħidu li l-awtur ta’ dan il-ktieb flimkien mat-Taljan Patri Bruno Secondin huma l-uniċi tnejn fl-ordni Karmelitan li għamlu studju profond dwar din il-qaddisa.

Il-qoxra tal-ktieb ta’ Patri Charlò Camilleri

Il-ktieb fih tlett taqsimiet. Fl-ewwel taqsima nsibu bijografija tal-qaddisa, fit-tieni nsibu ġabra ta’ testi meħudin mill-kitbiet li jlaħħqu ħames volumi ta’ rivelazzjonijiet u estasijiet li kellha matul ħajjitha u xi ittri li kitbet, u fit-tielet taqsima nsibu l-inċiżjonijiet ta’ Abraham Diepenbeek alljev ta’ Rubens li kienu ġew stampati fl-okkażjoni tal-Kanonizzazjoni tagħha fl-1669.

L-awtur fid- daħla tal- ktieb jgħidlina li din mhix l-ewwel bijografija li saret bil-Malti dwar Santa Marija Maddalena de Pazzi.

Il-poeta tal- Madonna u tal-Kelma Maltija, il-Professur Patri Anastasju Cuschieri, O.Carm kien ħareġ bijografija bil-Malti fl-okkażjoni tat-300 sena mill-mewt tagħha fl-1907. Cuschieri qaleb ħajjitha minn Bijografija Taljana miktuba minn Suor Gesualda tal-monasteru ta’ Firenze. Skont l-awtur il-valur ta’ din it-traduzzjoni jinsab fil-fatt li juri li Cuschieri sa min kmieni ra s-siwi tal- kitba bil – Malti. Wieħed ma jistax jinsa li Cuschieri ukoll għandu poeżija dwar din il-qaddisa jisimha ‘Lill- Marija Maddalena de Pazzi, Qaddisa tal-Karmnu min Firenze fix-xahar tal-Mewt tagħha’. Din kienet ġiet ppublikata fir-rivista Ir-Reġina tal-Karmelu f’Mejju tal-1915. Patri Anastasju kiteb ukoll diversi artikli li ġew ppublikati f’gazzetti u rivisti lokali.

Snin ilu fl-1973, Patri Ewġenju Tonna Karmelitan kien ħareġ ktieb dwar il-qaddisin u l-Beati Karmelitani li fih kien hemm profil bijografiku ta’ din il-qaddisa. Is-soċjetà MUSEUM ukoll fil-Profili li kienu jippublikaw min żmien għal żmien b’ħajjiet tal- qaddisin, kitbu l-bijografija Santa Marija Maddalena de Pazzi.   

Fl-ewwel taqsima ta’ dan il-ktieb nsibu li Patri Camilleri jikteb dwar it-twelid u t-tfulija ta’ din il-qaddisa fejn jagħti deskrizzjoni tal-familja De Pazzi. Imbagħad jitkellem ukoll dwar iż-żogħżija u s-sejħa tagħha fil-Karmelu. Wieħed ma jistax ma’ jsemmix li din il-qaddisa fil-magħmudija kien jisimha Katarina u meta daħlet fil-Monasteru Karmelitan tal- Klawsura tawha l-isem ta’ Marija Maddalena. Aktar tard l-awtur jitkellem dwar id-daħla tagħha fil-Karmelu fejn jgħidilna li fl-1583 għamlet il-vestizzjoni fl-Ordni Karmelitan. Matul in-novizzjat tagħha, hija kellha marda gravi li damet għal xahrejn li waslitha sal-mewt. Għalhekk il-professjoni tagħha giet antiċipata. Madankollu, hi rkuprat. Għal tliet snin kienet assistenta majjistra tan-novizzi mbgħad sagristana, u, għal sitt snin, majjistra tan-novizzi. Barra minn hekk kienet magħrufa għall-pariri siewja u ħadmet għar-riforma tal-Knisja kif ukoll kellha nteress dwar dak li kien qed jiġri fid-dinja ta’ madwarha hekk li bosta nies ta’ setgħa bħar-Reġina ta’ Franza Marija de Medici kienu jfittxu l-pariri tagħha. Għal xi zmien, hija kienet responsabbli tas-sorijiet li kienu fil-formazzjoni. Wara mewtha hija kienet ibbeatifikata fl-1626 u Kanonizzata fit-28 ta’April 1669. Ġisimha għadu sħiħ sa llum.

Fit-tieni taqsima ta’ dan il-ktieb Patri Charlò jaqleb għall-Malti xi wħud mill-kitbiet tal-estasijiet li kellha l-qaddisa. Dawn ġew traskritti minn ħutha s-sorijiet meta kien isir dan il-fenomenu. Marija Maddalena de Pazzi kellha ħafna taħdidiet mal–Mulej u hawnhekk naraw l-ispirtiwalità profonda li kellha. Barra minnhekk insibu ukoll kemm kienet bniedma ta’ talb u magħquda dejjem ma’ Alla.

Ma nistgħux ma’ nsemmux xi ħaġa dwar ittra personali tagħha li min jaqraha jikseb ħafna ġid spiritwali. Fl-ittra tal- 15 ta’ Marzu 1590, Santa Marija Maddalena kitbet lill-Swor Diamante fejn ħeġġitha biex timxi bil-ferħ wara l-Mulej li fl-Evanġelju jgħid: Min irid jiġi warajha għandu jiċħad lilu nnifsu u jerfa salibu u jimxi warajja (Mt. 16,24). Il-qaddisa ttenni lill-din is-soru biex tagħmel min kollox ħalli tgħix bħalha għarusa ta’ Kristu u ħeġġitha biex ġġib ruħha bħalma ġab Kristu l-maħbub tagħna fil-passjoni tiegħu.

Fit-tielet taqsima nsibu madwar 50 stampa ta’ inċiżjonijiet dwar il-ħajja tal-qaddisa, li kien għamel Abraham Depeneek fl-okkazzjoni taċ-ċelebrazzjoni tal-Kanonizzazjoni tagħha fl-1669. L-awtur jgħidilna li Depeneek kien pittur Fjamming li twieled Bois-le-duc (Hertogenbosch) fil-Pajjiżi Baxxi u li studja taħt Rubens, pittur famuz Fjamming (1577 -1640).

Ma nistgħux nagħlqu dan l-artiklu billi ma ngħidux prosit lill- awtur Patri Charlò Camilleri tal- biċċa xogħol kbira li għamel, u nħeġġeġ lit-Terzjarji Karmelitani kif ukoll dawk li jħobbu l-ispiritwalità Karmelitana biex jixtru dan il-ktieb li jista jinkiseb mingħand l-awtur stess fil-Kunvent tal- Karmnu fl-Imdina, jew mingħand il-Horizons: http://www.horizons.com.mt. 

Tajjeb li tkunu tafu li hemm il-ħsieb li toħroġ edizzjoni kritika bl-Ingliz tal-kitbiet mistiċi kollha tal-qaddisa li minbarra l-valur spiritwali għandhom ukoll valur lingwistiku u letterarju.

Nitolbu lill-din il-qaddisa biex tgħamilna nies ta’ talb bħalma kienet hi.

Minn Patri Hermann Duncan O.Carm

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading