Minn talba tedjanti għall-talba interessanti!

Print Friendly, PDF & Email

Qiegħdin fix-xahar t’Ottubru, ix-xahar iddedikat lil Ommna Marija. U, la nsemmu lil Ommna Marija, kif nistgħu ma nsemmux ukoll magħha, b’mod naturali għall-aħħar u żgur li mhux għax imqanżaħ, it-talba qawwija u validissma tar-Rużarju?

Xi wħud aħjar ma nafx x’issemmilhom milli issemmilhom il-kelma Rużarju! Għax, meta jisimgħu din il-kelma, aqta’ kif jibdew jaqtgħu nifishom! Jew anki jibdew jibjadu u jirrabjaw ukoll! Imma, u hu x’inhu l-każ, dan ma jtellef xejn mill-ħtieġa ta’ din it-talba f’ħajjitna! Aktar u aktar meta ninsabu mħabbta b’tant taħbit u mard!

Hu dejjem għaqli li wieħed jirritorna għat-talba tar-Rużarju! Ma ninsa qatt esperienza qawwija li għadni kemm qrajt dan l-aħħar fil-ktieb li kiteb il-magħruf eżorċista Taljan Padre Francesco Bamonte bit-titlu: La Vergine Maria e il diavolo negli esorcismi. F’dan il-ktieb, Padre Bamonte jirrakkonta din l-esperjenza tabilħaqq interessanti. “Rigward ir-Rużarju, darba minnhom, waqt li poġġejt f’għonq persuna eżorċizzata kuruna, id-demonju mill-ewwel beda jgħajjat: ‘Qed tgħaffiġġni! Kemm hi tqila! Dik il-katina bis-Salib qed tisħaqni fil-qiegħ’. Imbagħad l-eżorċista għajjat: ‘Millum ‘il quddiem din oħtna se titlob ir-Rużarju kuljum’. U d-demonju wieġeb minnufih: “Imma intom li titlobuh tant qiegħdin (kien qed jirreferi għar-Rużarju) meta mqabblin mad-dinja kollha! Dan hu tajjeb għalija li dan iseħħ l-għaliex iweġġagħni, l-għaliex issejħu lil Dik (u kien qed jirreferi għall-Madonna), u tfakkruni fil-ħajja ta’ Dak (u kien qed jirreferi għal Ġesù).’”

Issa, dan kollu qed ngħidu l-għaliex din l-informazzjoni importanti mhux ġejja mill-Knisja, minn xi Papa jew xi qaddis u qaddisa! Kieku kien hekk kien ikolkom raġun tgħiduli li qed niġbed lejja. Għax jaqbilli! Għax dawn lejhom qed jiġbdu! Le ħbieb! Din l-informazzjoni ġejja mix-xitan stess! Mill-għadu ta’ ruħek u ta’ ruħi! Mill-għajjur għall-mewt, tiegħek u tiegħi! Minn dak li jobgħod għall-mewt lilek u lili! U dan, ix-xitan, qed jgħidu mhux għax irid imma l-għaliex ġie imġiegħel li jagħmel dan minħabba l-ubbidjenza li għandu mpoġġija fuq rasu mill-eżorċista stess f’Isem Ġesù! U għal dan l-Isem li hu fuq kull isem (Fil 2:9) li kellu ta’ bilfors jgħid il-pura verità!

Għalhekk, ejjew nitlobuh kuljum ir-Rużarju! U ma nibżgħux mir-repetizzjoni li fih tal-Ave Marija! Għax, l-isbaħ kliem fil-ħajja, hu ripetut! Minn minna ma jieħux gost jisma’ min jgħidlu u jgħidilha: “Inħobbok?” “Napprezzak?” U, ħafna mill-gwaj li jseħħ fostna mhux ġej l-għaliex ċertu diskors ta’ mħabba ma nlissnuhx lil xulxin? Għax nirraġunaw: ma tafx li nħobbu u nħobbha? LE! Ma tafx li tħobbha u tħobbu! Int trid tgħidilha u tgħidlu bi kliemek u b’għemilek li tħobbha u tħobbu! Kien għalhekk li San Ġwannu Pawlu, fl-Ittra tiegħu fuq ir-Rużarju Mqaddes, Rosarium Virginis Mariae, jgħidilna hekk: [It-talba tar-Rużarju] hi stqarrija ta’ fidi u fl-istess tgħin biex il-meditazzjoni tagħna tkun ħajja għax ngħixu dak li nirrepetu fl-Ave Maria dwar il-misteru ta’ Kristu. Meta nirrepetu l-isem ta’ Ġesù – l-isem waħdieni li fih irċevejna t-tama tal-salvazzjoni (ara At 4, 12)– u flimkien miegħu dak ta’ l-Omm Mqaddsa, billi nħallu lilha stess tissuġġerihulna, aħna nkunu qed nimxu fit-triq ta’ xebh, li timmira lejn daħla dejjem aktar profonda fil-ħajja ta’ Kristu (nru.33). Barra minn hekk, bil-karattru meditattiv tiegħu waqt li wieħed jirrepeti bil-kalma tal-Ave Maria, ir-Rużarju jnissel f’min jitlob ċerta paċi, li twasslu biex jirċievi, jisperimenta b’mod profond u jxerred madwaru dik il-paċi vera li hi rigal speċjali ta’ Kristu li qam mill-mewt (ara Ġw 14, 27; 20, 21) (nru.40). Mela, nirrepeti dawk l-Ave Marijiet kollha biex ngħix skont Kristu ħa jkolli l-paċi! U huwiex dan li ilkoll qed infittxu f’ħajjitna: għixien u paċi tal-qalb?

Barra minhekk ir-Rużarju ejjew inħawruh. Ħalli, bħall-ikel imħawwar, jinżlilna għasel! Hekk ngħidu aħna, ħa nieħdu eżempju mill-misteri tal-ferħ. L-ewwel misteru, l-Anġlu jħabbar lil Marija li se tkun Omm is-Salvatur. Dan il-misteru nitolbuh bl-intenzjoni li nkunu ubbidjenti lejn il-pariri tal-Verġni Marija. It-tieni misteru, iż-żjara ta’ Marija għand Eliżabetta. Dan nitolbuh bl-intenzjoni li nkunu nistgħu nixhdu lil Ġesù b’eżempji tajba. It-tielet misteru, it-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu fl-għar ta’ Betlem. Dan nitlobuh bl-intenzjoni li l-familji tad-dinja jħobbu l-Qalb Bla tebgħa ta’ Marija. Ir-raba’ misteru, il-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju. Dan il-misteru nitolbuh bl-intenzjoni għal dawk li m’għadhomx jagħrfu l-preżenza ta’ Ġesù fil-knisja. Il-ħames misteru, Sidtna Marija tilfet lil binha Ġesù u wara tlett ijiem sabitu fit-tempju jiddisputa mad-dutturi. Dan il-misteru nitolbuh bl-intenzjoni sabiex jieqfu l-persekuzzjonijiet reliġjużi kontra l-Insara mxerrdin mad-dinja.

Dan il-ġid u ħafna, ħafna aktar, tistgħu issibuh fi ktieb tassew ħelu li hawn jiċċirkola fostna bħalissa u li jismu Ir-Rużarju Mqaddes, miktub minn George Zammit. Kif jgħid Zammit stess fid-daħla għal dan il-ktieb: “Il-ħsieb ewlieni li għalih qed jiġi stampat dan il-ktejjeb dwar il-misteri tar-Rużarju Mqaddes hu biex kull familja, komunità, għaqda, jew moviment jerġgħu lura biex jitolbu flimkien din il-grazzja kbira li twettaq mirakli kbar”.

Patri Piju tal-Pjagi kien iħobb jgħid li qala’ ħafna grazzji kbar għan-nies li talbuh biex jitlob għalihom sewwa sew bir-Rużarju! Hawn hu l-ktieb li jgħinna nħobbu, nitolbu u nippromovu r-Rużarju Mqaddes! Dan il-ktieb qed jingħata b’kontribuzzjoni ta’ Euro (€1) biss. Il-flus li jinġabru minnu qed imorru għall-ħlas tal-istudji neċessarji biex ikun jista’ isir qassis, vokazzjoni ġdida tal-Ordni tal-Kapuċċini fil-missjoni tal-Kenja. Grazzi ħafna tal-offerta ċkejkna iżda tant kbira u meħtieġa li ħa tagħti ma’ dan il-ktieb. Jinbiegħ mill-Uffiċċju Missjoni Kapuċċini, il-Kunvent tal-Patrijiet Kapuċċini Floriana. Tista’ iċċempel fuq 21234949 jew 21225525 u staqsi għal Patri Philip Cutajar OFM Cap.

B’Ewro li, terġa’ u tgħid hi kontribuzzjoni u mhux ħlas biex takkwista dan il-ktieb, nista’ nagħraf li r-Rużarju mhix talba tedjanti u li ddejjaq imma talba għal kollox qawwija u interessanti! Mela ħa nitlobha kuljum!

Patri Mario Attard OFM Cap

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading