Is-Sibt, 4 ta’ Mejju 2024: Omelija f’Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fl-okkażjoni tal-ewwel żjara uffiċjali tal-President ta’ Malta l-E.T. Dr Myriam Spiteri Debono fil-gżira ta’ Għawdex. Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, Għarb.
Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
Eċċellenza, Onorevoli Ministri, Sur Sindku, persuni distinti,
Qegħdin hawn b’ferħ kbir dalgħodu lkoll kemm aħna, bħal meta familja tilqa’ lura persuna li tfakkarha fl-oriġni tal-familja, u flimkien mal-familja l-istess persuna tiċċelebra u tiftakar fl-oriġni tagħha.
Hu hawnhekk, f’dan il-post, f’Għawdex tagħna, f’din id-daqsxejn ta’ gżira, li l-Mulej għoġbu jagħtik id-don tal-ħajja, u laqqgħek ma’ persuni – kif diġà kemm-il darba esprimejt ruħek – li għenuk tikber umanament, intellettwalment, emottivament, fl-ispirtu soċjali, fl-attenzjoni tal-bżonnijiet tal-oħrajn. U allura verament jien inħoss li hu mument ta’ ċelebrazzjoni u ta’ ringrazzjament lil Alla.
Imma ladarba qegħdin hawn dalgħodu, f’din id-dar, f’din il-knisja – mhux biss f’Għawdex, imma f’din il-knisja! – inħoss li għandi naqsam riflessjonijiet qosra, żgħar u sempliċi. F’din il-knisja jinġabru t-tbatijiet u l-ferħ ta’ ħafna mill-poplu Għawdxi… imma mhux biss; Malti… u forsi mhux biss. F’din il-knisja jsir il-biki tal-hena, ta’ sodisfazzjon, ta’ grazzji maqlugħa fil-ħajja; u l-biki ta’ tbatija, kultant ta’ disperazzjoni, ta’ wġigħ ta’ qalb, ta’ qtugħ ta’ qalb.
Jekk Għawdex bħala gżira jfakkrek fil-passat tiegħek, Eċċellenza, naħseb li din il-knisja hi tassew illum simbolu u sinjal tajjeb tal-preżent u tal-futur tal-missjoni tiegħek. Żgur li anki ħdejk u anki fik, il-poplu Malti u Għawdxi jixtieq isib – u jiena ċert li sa jfittex u jsib – din il-persuna ta’ omm, mara miżżewġa, nanna, li tilqgħu, li tħobbu, li tagħtih sigurtà, li tagħtih sens ta’ patrijottiżmu, sens ta’ nazzjon, u li tagħtih ukoll sens – veru nitkellmu b’mod maskili! – ta’ rġulija.
F’din il-knisja tinġabar l-essenza tal-umanità fil-verità tagħha, mingħajr ħafna xinxilli u artifiċjalità. Hawnhekk kulħadd jiġi għeri, b’dak li hu, jekk mhux f’ġismu, f’qalbu, mingħajr problemi ta’ xejn, mingħajr difiżi, mingħajr kundizzjonamenti, u jiftaħ qalbu quddiem din il-Mara li hija wkoll Omm.
Għalhekk l-awgurju tiegħi hu wieħed, għalik u għalina kollha kemm aħna. Jista’ jkun hemm omm jekk ikun hemm ulied. Jista’ jkun hemm ulied jekk ikun hemm omm. Il-President, kif stqarret kemm-il darba, ma tista’ tagħmel xejn waħidha. Imma ejjew f’dan il-mument ta’ don u ta’ grazzja għal pajjiżna ningħaqdu lkoll flimkien biex nimxu mhux fil-bogħod – ma nkunux prużuntużi! – imma nimxu pass, anki żgħir, ’il quddiem fil-ħajja soċjali, politika, morali, umana tagħna, u – għaliex le! – għal dawk li jemmnu, fil-ħajja Kristjana tagħna.